Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2271

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2271 tal-11 ta’ Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-seba’ sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus rigward il-kawżi ta’ konformità ACCC/C/2008/32, ACCC/C/2015/128, ACCC/C/2013/96, ACCC/C/2014/121 u ACCC/C/2010/54

ST/12238/2021/INIT

ĠU L 457, 21.12.2021, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2271/oj

21.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 457/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2271

tal-11 ta’ Ottubru 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-seba’ sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus rigward il-kawżi ta’ konformità ACCC/C/2008/32, ACCC/C/2015/128, ACCC/C/2013/96, ACCC/C/2014/121 u ACCC/C/2010/54

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Frar 2005, il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”) (1) ġiet approvata, f’isem il-Komunità Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE (2).

(2)

L-Unjoni implimentat l-obbligi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-korpi tagħha b’mod partikolari permezz tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(3)

Skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ġie stabbilit il-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (il-“Kumitat għall-Konformità”). Il-Kumitat għall-Konformità għandu l-kompetenza li jagħmel rieżami tal-konformità mill-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus għall-obbligi tagħhom skont dik il-Konvenzjoni.

(4)

Fis-seba’ sessjoni tagħha bejn it-18 u l-20 ta’ Ottubru 2021, il-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus (“il-Laqgħa tal-Partijiet”) mistennija tadotta d-deċiżjoni VII/8f dwar il-konformità mill-Unjoni mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus (“id-deċiżjoni VII/8f”), inkluż, b’mod partikolari, is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Konformità fil-kawżi ACCC/C/2008/32 u ACCC/C/2015/128. Id-Deċiżjoni VII/8f tkopri wkoll is-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità fil-kawżi ACCC/C/2013/96 u ACCC/C/2014/121 u fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tat-talba ACCC/M/2017/3 fir-rigward tad-deċiżjoni V/9 g (il-kawża ACCC/C/2010/54).

(5)

Is-sejbiet fil-kawżi ACCC/C/2008/32, ACCC/C/2015/128, ACCC/C/2013/96 u ACCC/C/2014/121 ser jiġu ppreżentati lil-Laqgħa tal-Partijiet permezz tad-deċiżjoni VII/8f li biha jiksbu l-istatus ta’ interpretazzjoni uffiċjali tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u jkunu vinkolanti fuq il-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus u fuq il-korpi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

(6)

Fis-17 ta’ Marzu 2017, il-Kumitat għall-Konformità ppreżenta s-sejbiet lill-Unjoni fil-kawża ACCC/C/2008/32 rigward l-aċċess għall-ġustizzja fil-livell tal-Unjoni. Fil-paragrafu 123 tas-sejbiet tiegħu, il-Kumitat tal-Konvenzjoni ddikjara li “il-Parti kkonċernata tonqos milli tikkonforma mal-Artikolu 9, il-paragrafi 3 u 4, tal-Konvenzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja mill-membri tal-pubbliku minħabba li la r-Regolament ta’ Aarhus ma jimplimenta jew jikkonforma mal-obbligi previsti f’dawk il-paragrafi u lanqas il-ġurisprudenza tal-QĠUE.

(7)

Il-korpi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ġew mgħarrfa, bid-Dikjarazzjoni li l-Unjoni kienet għamlet mal-firma u li kienet tenniet waqt l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li “[f]il-kuntest istituzzjonali u ġuridiku tal-Komunità […] l-istituzzjonijiet Komunitarji ser japplikaw il-Konvenzjoni fi ħdan il-qafas tar-regoli eżistenti u futuri tagħhom dwar l-aċċess għad-dokumenti u regoli rilevanti oħra tal-liġi Komunitarja fil-qasam kopert mill-Konvenzjoni.”.

(8)

Il-proċedura ta’ rieżami amministrattiv skont ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tikkomplementa s-sistema ġenerali tal-Unjoni ta’ rieżami ġudizzjarju li tippermetti lill-membri tal-pubbliku li jkollhom atti amministrattivi rieżaminati permezz ta’ kontestazzjonijiet ġudizzjarji diretti fil-livell tal-Unjoni, jiġifieri skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u, f’konformità mal-Artikolu 267 TFUE, permezz ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminarja magħmula minn qrati nazzjonali, li jiffurmaw parti integrali mis-sistema tal-Unjoni skont it-Trattati. Is-setgħa tal-qrati nazzjonali li jagħmlu talba lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE għandha rwol essenzjali f’dik is-sistema. Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri huma parti integrali mis-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni bħala qrati ordinarji mil-liġi tal-Unjoni. (4)

(9)

Filwaqt li qieset it-tħassib espress mill-Kumitat għall-Konformità fil-kawża ACCC/C/2008/32, fl-14 ta’ Ottubru 2020 il-Kummissjoni ppreżentat proposta għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (“l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006”). Il-koleġiżlaturi laħqu ftehim politiku rigward l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 fit-12 ta’ Lulju 2021. L-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 ser jiżgura li l-liġi tal-Unjoni hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali b’mod li tkun kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Unjoni u mas-sistema tagħha ta’ rieżami ġudizzjarju.

(10)

Il-Kummissjoni infurmat lill-Kumitat għall-Konformità bid-dettalji tal-ftehim politiku rigward l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 u pprovdiet lill-Kumitat għall-Konformità b’verżjoni konsolidata tat-test ta’ dak l-emendar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat lill-Kumitat għall-Konformità dwar il-passi sussegwenti tal-proċedura leġiżlattiva u li d-dħul fis-seħħ tal-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 huwa mistenni l-aktar tard fil-bidu ta’ Novembru 2021. Għalhekk, id-deċiżjoni VII/8f jenħtieġ li tilqa’ l-miżuri li għandhom jiġu introdotti bl-emendar għar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 u jenħtieġ li tinnota li, ladarba l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 jidħol fis-seħħ, hija ser twieġeb bis-sħiħ għas-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità fil-kawża ACCC/C/2008/32.

(11)

Fis-17 ta’ Marzu 2021,il-Kumitat għall-Konformità ppreżenta s-sejbiet tiegħu lill-Unjoni fil-kawża ACCC/C/2015/128. Il-Kumitat għall-Konformità sab li l-Unjoni kienet qed tikser il-Konvenzjoni ta’ Aarhus minħabba n-nuqqas ta’ għoti ta’ aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji għall-membri tal-pubbliku biex jikkontestaw deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ għajnuna mill-Istat meħuda mill-Kummissjoni.

(12)

B’rikonoxximent tat-tħassib u tas-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità fil-kawża ACCC/C/2015/128, il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni bħala parti mill-kompromess li wassal għall-ftehim politiku rigward l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006, fejn impenjat ruħha li “tanalizza l-implikazzjonijiet tas-sejbiet u tivvaluta l-opzjonijiet disponibbli. Il-Kummissjoni ser tlesti u ser tippubblika din il-valutazzjoni sa tmiem l-2022. Jekk ikun xieraq, sa tmiem l-2023, il-Kummissjoni ser tressaq miżuri biex tindirizza l-kwistjoni, fid-dawl tal-obbligi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u filwaqt li tqis ir-regoli tal-liġi tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.”.

(13)

Jenħtieġ li l-Unjoni tiddikjara li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tanalizza l-implikazzjonijiet tas-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità, li tivvaluta l-opzjonijiet disponibbli, li tlesti u tippubblika l-valutazzjoni u li tressaq, jekk ikun il-każ, miżuri biex tindirizza l-kwistjoni mqajma mill-Kumitat għall-Konformità, fil-limiti ta’ żmien indikati fid-dikjarazzjoni u filwaqt li jitqiesu r-regoli tal-liġi tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tirrikonoxxi s-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità fil-kawża ACCC/C/2015/128 u li tipproponi lil-Laqgħa tal-Partijiet li l-adozzjoni ta’ pożizzjoni dwar dawk is-sejbiet tiġi posposta għas-sessjoni li jmiss tal-Laqgħa tal-Partijiet, minflok ma tapprova dawk is-sejbiet. F’każ li l-pożizzjoni tal-Unjoni li tirrikonoxxi s-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità fil-kawża ACCC/C/2015/128 ma tiġix aċċettata mill-Partijiet l-oħra għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ikun jenħtieġ li l-Unjoni tipproponi li tittieħed deċiżjoni separata dwar il-parti tad-deċiżjoni VII/8f li tikkonċerna l-kawża ACCC/C/2015/128 u li l-Unjoni tirrifjuta l-adozzjoni ta’ dik il-parti tad-deċiżjoni VII/8f bl-għan li tipposponi t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar dawk is-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità. F’każ li ma jkunx possibbli li tittieħed deċiżjoni separata dwar dik il-parti tad-deċiżjoni VII/8f, ikun jenħtieġ li l-Unjoni, wara li tkun eżawriet il-mezzi kollha għal dak il-għan, u bħala l-aħħar soluzzjoni, tieħu l-pożizzjoni li l-adozzjoni tad-deċiżjoni VII/8f fl-intier tagħha tiġi posposta għas-sessjoni li jmiss tal-Laqgħa tal-Partijiet.

(14)

Is-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità fil-kawża ACCC/C/2013/96 jikkonċernaw il-konformità tal-Unjoni b’rabta mal-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ lista ta’ “Proġetti ta’ Interess Komuni”.

(15)

Is-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità fil-kawża ACCC/C/2014/121 jikkonċernaw il-konformità tal-Unjoni b’rabta mar-rikonsiderazzjoni jew l-aġġornament tal-permessi skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(16)

Is-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tat-talba ACCC/M/2017/3 jikkonċernaw is-segwitu għad-deċiżjoni V/9 g (il-kawża ACCC/C/2010/54, approvata mil-Laqgħa tal-Partijiet fl-2014).

(17)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-seba’ sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet, peress li d-deċiżjoni VII/8f ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-seba’ sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus (“il-Laqgħa tal-Partijiet”) fir-rigward tad-deċiżjoni VII/8f dwar il-konformità mill-Unjoni mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus (“id-deċiżjoni VII/8f”) rigward il-kawża ACCC/C/2008/32 għandha tkun li tiġi aċċettata d-deċiżjoni VII/8f u li jiġu approvati s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Konformità. Madankollu, l-Unjoni għandha tiżgura li l-punti li ġejjin ikunu riflessi f’dik id-deċiżjoni:

id-deċiżjoni VII/8f għandha tesprimi s-sodisfazzjon li l-Unjoni ħadet il-passi kollha meħtieġa biex tiżgura l-konformità mas-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità; u

id-deċiżjoni VII/8f għandha tikkonferma li l-Unjoni tkun issodisfat bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Konformità fir-rigward tal-kawża ACCC/C/2008/32 ladarba jkun daħal fis-seħħ l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006.

Fid-dikjarazzjoni dwar id-deċiżjoni VII/8f rigward il-kawża ACCC/C/2008/32, l-Unjoni għandha tenfasizza r-rwol ċentrali tal-qrati nazzjonali tal-Unjoni bħala qrati ordinarji tal-liġi tal-Unjoni u s-sistema ta’ deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE bħala mezz validu ta’ rimedju.

Artikolu 2

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-seba’ sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet fir-rigward tad-deċiżjoni VII/8f rigward il-kawża ACCC/C/2015/128, għandha tkun li ma jiġux approvati s-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità, iżda minflok li jiġu rikonoxxuti t-tħassib u s-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità u li tipproponi li l-adozzjoni tal-pożizzjoni dwar is-sejbiet f’dik il-kawża tiġi posposta għas-sessjoni li jmiss tal-Laqgħa tal-Partijiet.

2.   Bil-ħsieb li tiġġustifika t-talba għal tali posponiment u li tagħti prova li hija lesta tagħti segwitu mingħajr dewmien għas-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità fil-kawża ACCC/C/2015/128, l-Unjoni għandha tiddikjara li fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva dwar l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006, il-Kummissjoni għamlet dikjarazzjoni li permezz tagħha:

iddikjarat li bħalissa qiegħda tanalizza l-implikazzjonijiet tas-sejbiet u qiegħda tivvaluta l-opzjonijiet disponibbli;

impenjat ruħha li tlesti u li tippubblika dik il-valutazzjoni sa tmiem l-2022;

impenjat ruħha li tressaq, jekk ikun xieraq, sa tmiem l-2023, miżuri biex tindirizza l-kwistjoni, fid-dawl tal-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u filwaqt li tqis ir-regoli tal-liġi tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni għandha tkun disponibbli għall-Partijiet l-oħra għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus u għall-Kumitat għall-Konformità qabel is-seba’ sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet.

3.   F’każ li l-Partijiet l-oħra għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jaċċettawx il-pożizzjoni meħuda f’isem l-Unjoni fil-kawża ACCC/C/2015/128 imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-seba’ sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet fir-rigward tad-deċiżjoni VII/8f rigward il-kawża ACCC/C/2015/128 għandha tkun, minflok, li tittieħed deċiżjoni separata dwar il-parti tad-deċiżjoni VII/8f li tikkonċerna l-ACCC/C/2015/128 u li tiġi rrifjutata l-adozzjoni ta’ dik il-parti tad-deċiżjoni VII/8f bl-għan li jiġi pospost it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar dawk is-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità sas-sessjoni li jmiss tal-Laqgħa tal-Partijiet.

4.   Jekk, minkejja konsultazzjonijiet intensivi mal-Bureau tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mal-Partijiet l-oħra għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ma jkunx possibbli li tittieħed deċiżjoni separata dwar il-parti tad-deċiżjoni VII/8f li tikkonċerna l-kawża ACCC/C/2015/128 u li jiġi pospost it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar dik il-kawża, filwaqt li jiġu approvati dawk il-partijiet tad-deċiżjoni VII/8f li jikkonċernaw il-kawżi ACCC/C/2008/32, ACCC/C/2013/96, ACCC/C/2014/121 u ACCC/C/2010/54, u l-Unjoni tasal għall-konklużjoni, permezz ta’ koordinazzjoni fuq il-post, li ġew eżawriti l-mezzi kollha għal dak il-għan, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-seba’ sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet fir-rigward tad-deċiżjoni VII/8f rigward il-kawża ACCC/C/2015/128 għandha, bħala l-aħħar soluzzjoni, tkun li l-adozzjoni tad-deċiżjoni VII/8f tiġi posposta fl-intier tagħha għas-sessjoni li jmiss tal-Laqgħa tal-Partijiet.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-seba’ sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet fir-rigward tad-deċiżjoni VII/8f rigward il-kawżi ACCC/C/2013/96 u ACCC/C/2014/121 u t-talba ACCC/M/2017/3 fir-rigward tad-deċiżjoni V/9 g (il-kawża ACCC/C/2010/54) għandha tkun li jiġu approvati s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Konformità fid-deċiżjoni VII/8f.

Artikolu 4

Tibdil minuri għall-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3 jista’ jsir qbil fuqu mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul il-koordinazzjoni fuq il-post u fid-dawl ta’ negozjati possibbli dwar id-deċiżjoni VII/8f fis-seba’ sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-11 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. PODGORŠEK


(1)   ĠU L 124, 17.5.2005, p. 4

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

(4)  Opinjoni 1/09 tal-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) tat-8 ta’ Marzu 2011, Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE, ECLI:EU:C2011:123, paragrafu 80.

(5)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).


Top