Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2184

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2184 tas-6 ta’ Diċembru 2021 dwar l-estensjoni tal-azzjonijiet li ħa l-Health and Safety Executive tar-Renju Unit li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ħames prodotti bijoċidali għad-diżinfezzjoni tal-idejn f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2021) 8729) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    C/2021/8729

    ĠU L 444, 10.12.2021, p. 105–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/2184/oj

    10.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 444/105


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2184

    tas-6 ta’ Diċembru 2021

    dwar l-estensjoni tal-azzjonijiet li ħa l-Health and Safety Executive tar-Renju Unit li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ħames prodotti bijoċidali għad-diżinfezzjoni tal-idejn f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2021) 8729)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

    Billi:

    (1)

    Fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit huwa u jaġixxi f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq, (“l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit”) adotta deċiżjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, biex ikun permess it-tqegħid fis-suq u l-użu fl-Irlanda ta’ Fuq tal-prodotti għad-diżinfezzjoni tal-idejn Cornells Wellness Instant Hand Sanitizer Gel, Cornells Wellness Sports Sanitizer Spray Power Up, Cornells Wellness Sports Sanitizer Spray Full Throttle, u Cornells Wellness Instant Hand Sanitizer Spray, sat-8 ta’ Awwissu 2021 (“l-azzjoni tal-11 ta’ Marzu 2021”). Fil-15 ta’ Marzu 2021, l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit adottat deċiżjoni simili, li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu fl-Irlanda ta’ Fuq tal-prodott għad-diżinfezzjoni tal-idejn, Leucillin Family Sanitiser, sat-2 ta’ Awwissu 2021 (“l-azzjoni tal-15 ta’ Marzu 2021”). L-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għarrfet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bl-azzjoni tal-11 ta’ Marzu 2021 u bl-azzjoni tal-15 ta’ Marzu 2021 u l-ġustifikazzjoni għalihom, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    Skont it-tagħrif li tat l-awtorità kompetenti, l-azzjoni tal-11 ta’ Marzu 2021 u l-azzjoni tal-15 ta’ Marzu 2021 kienu meħtieġa sabiex titħares is-saħħa pubblika. Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (il-WHO) iddikjarat li t-tifqigħa tal-marda tal-coronavirus (COVID-19) tista’ tiġi kkaratterizzata bħala pandemija. Il-Gvern tar-Renju Unit iddikjara r-riskju għar-Renju Unit bħala “għoli” u, fit-23 ta’ Marzu 2020, daħlu fis-seħħ miżuri restrittivi. L-użu ta’ diżinfettanti tal-idejn b’bażi ta’ alkoħol huwa rrakkomandat mill-WHO bħala miżura preventiva kontra t-tixrid tal-COVID-19, bħala alternattiva għall-ħasil tal-idejn bis-sapun u bl-ilma.

    (3)

    Cornells Wellness Instant Hand Sanitizer Gel, Cornells Wellness Sports Sanitizer Spray Power Up, Cornells Wellness Sports Sanitizer Spray Full Throttle, u Cornells Wellness Instant Hand Sanitizer Spray fihom il-propan-2-ol bħala sustanza attiva. Leucillin Family Sanitiser fih il-kloru attiv rilaxxat mill-ipoklorit tas-sodju bħala sustanza attiva. Kemm il-propan-2-ol kif ukoll il-kloru attiv rilaxxat mill-ipoklorit tas-sodju huma approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 1 (iġjene tal-bniedem) kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

    (4)

    Mindu faqqgħet il-COVID-19, id-diżinfettanti tal-idejn kellhom domanda estremament għolja fir-Renju Unit, u dan wassal għal nuqqas mingħajr preċedent ta’ provvista ta’ prodotti bħal dawn. Qabel l-azzjoni tal-11 ta’ Marzu 2021 u l-azzjoni tal-15 ta’ Marzu 2021, kien hemm ftit ferm diżinfettanti tal-idejn awtorizzati fir-Renju Unit f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Il-COVID-19 tirrappreżenta theddida serja għas-saħħa pubblika fir-Renju Unit u d-diżinfettanti tal-idejn addizzjonali huma kruċjali biex it-tixrid tagħha jkun evitat.

    (5)

    F’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fit-2 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit biex l-azzjoni tal-15 ta’ Marzu 2021 tiġi estiża fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Fl-4 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata simili mill-awtorità kompetenti fir-rigward tal-estensjoni tal-azzjoni tal-11 ta’ Marzu 2021. It-talbiet motivati saru abbażi ta’ tħassib li s-saħħa pubblika tista’ tiġi pperikolata mill-COVID-19 lil hinn mid-dati ta’ skadenza tal-permessi temporanji u filwaqt illi tqies illi, biex jiġi mnaqqas il-periklu tal-COVID-19, huwa kruċjali li jitħallew diżinfettanti tal-idejn addizzjonali fis-suq.

    (6)

    Skont l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, id-domanda fuq il-ktajjen ta’ provvista tad-diżinfettanti tal-idejn għadha għolja, u b’hekk hija meħtieġa estensjoni tal-azzjoni fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

    (7)

    Il-kumpaniji li rċevew derogi għad-diżinfettanti tal-idejn f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 wara d-dikjarazzjoni tal-WHO dwar il-pandemija ġew imħeġġa jitolbu awtorizzazzjoni regolari tal-prodott malajr kemm jista’ jkun. Madankollu, sal-lum ma waslet l-ebda applikazzjoni ġdida għall-awtorizzazzjoni regolari tal-prodott għand l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit.

    (8)

    Peress li l-COVID-19 għadha ta’ periklu għas-saħħa pubblika u dan il-periklu ma jistax jitnaqqas b’mod adegwat fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq jekk id-diżinfettanti tal-idejn addizzjonali ma jitħallewx fis-suq, jixraq li l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit titħalla testendi ż-żewġ azzjonijiet fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

    (9)

    Billi l-azzjonijiet skadew fit-2 ta’ Awwissu 2021 u fit-8 ta’ Awwissu 2021 rispettivament, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni jkollha effett retroattiv.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit, huwa u jaġixxi f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq, jista’ jestendi sal-10 ta’ Frar 2023 fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq l-azzjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali Cornells Wellness Instant Hand Sanitizer Gel, Cornells Wellness Sports Sanitizer Spray Power Up, Cornells Wellness Sports Sanitizer Spray Full Throttle, u Cornells Wellness Instant Hand Sanitizer Spray.

    Artikolu 2

    Il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit, huwa u jaġixxi f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq, jista’ jestendi sal-4 ta’ Frar 2023 l-azzjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Leucillin Family Sanitiser, fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Health and Safety Executive tar-Renju Unit, huwa u jaġixxi f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq.

    L-Artikolu 1 għandu japplika mid-9 ta’ Awwissu 2021.

    L-Artikolu 2 għandu japplika mit-3 ta’ Awwissu 2021.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Stella KYRIAKIDES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.


    Top