EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0675

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/675 tal-20 ta’ April 2021 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kawkaw tal-2010

ST/7335/2021/INIT

ĠU L 144, 27.4.2021, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/675/oj

27.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/675

tal-20 ta’ April 2021

li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kawkaw tal-2010

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija Parti Kontraenti għall-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kawkaw tal-2010 (ICA) skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/189/UE (1) u membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kawkaw (ICCO).

(2)

F’konformità mal-Artikolu 7 tal-ICA, il-Kunsill Internazzjonali tal-Kawkaw (ICC) iwettaq jew iħejji għat-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet kollha li jkunu meħtieġa biex l-ICA jiġi implimentat. F’konformità mal-Artikolu 12 tiegħu, id-deċiżjonijiet tal-ICC fil-prinċipju jittieħdu b’kunsens. Fin-nuqqas ta’ kunsens, id-deċiżjonijiet jittieħdu permezz ta’ vot speċjali.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 10 tal-ICA, il-membri tal-ICCO b’kollox għandhom 2000 vot fl-ICC. Kull membru għandu għadd speċifiku ta’ voti li kull sena jiġi aġġustat skont il-kriterji stipulati f’dak l-Artikolu.

(4)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li tipparteċipa fi ftehim internazzjonali dwar il-kawkaw, meta titqies l-importanza ta’ dak is-settur għal għadd ta’ Stati Membri u għall-ekonomija tas-settur Ewropew tal-kawkaw.

(5)

Grupp ta’ ħidma tekniku magħmul mill-membri tal-ICCO kemm mill-pajjiżi produtturi kif ukoll minn dawk esportaturi wettaq ħidma sostanzjali sabiex jippreżenta proposti konkreti għall-emendar tal-ICA. Il-membri tal-ICCO ġew mistiedna jressqu kwalunkwe suġġeriment biex tinbeda din l-analiżi teknika, kif għamlet l-Unjoni. L-ICC jeħtieġ jiftaħ negozjati għal reviżjoni parzjali tal-ICA ferm qabel l-iskadenza tal-validità tal-ICA, jiġifieri, it-30 ta’ Settembru 2022, taħt il-gwida tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD). Kwalunkwe qasam tal-ICA li għandu jiġi rieżaminat jeħtieġ li jkun is-suġġett ta’ negozjati formali. Tali negozjati għandhom jiġu konklużi mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2022.

(6)

Jenħtieġ li kull emenda miftiehma fin-negozjati formali tiġi adottata skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 63 tal-ICA. Skont dak l-Artikolu, l-ICC jista’, b’kunsens jew jekk le b’vot speċjali, jirrakkomanda emenda għall-ICA lill-Partijiet Kontraenti tal-ICA. L-emenda ssir effettiva skont l-Artikolu 63(1) tal-ICA, li jeħtieġ in-notifika ta’ aċċettazzjoni minn ċertu perċentwal ta’ Partijiet Kontraenti tal-ICA. Bħala membru tal-ICCO u Parti Kontraenti għall-ICA, f’konformità mal-Artikolu 4 tiegħu, jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ tipparteċipa fin-negozjati bil-għan li jiġi emendat l-ICA.

(7)

Huwa għalhekk xieraq li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tidħol f’negozjati għar-reviżjoni parzjali tal-ICA,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kawkaw tal-2010.

2.   In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi ta’ negozjar tal-Kunsill stabbiliti fl-Addendum għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitmexxew b’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar Prodotti Bażiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/189/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw (ĠU L 102 12.4.2012, p. 1).


Top