Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0609(03)

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti skont ir-Regolament (UE) 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li għandhom jiġu rreġistrati bħala applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2021/C 219 I/04

    C/2021/4003

    ĠU C 219I, 9.6.2021, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    9.6.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CI 219/9


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-8 ta’ Ġunju 2021

    li tistabbilixxi lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti skont ir-Regolament (UE) 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li għandhom jiġu rreġistrati bħala applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (2021/C 219 I/04)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (2) (“l-Att ta’ Ġinevra”) huwa ftehim internazzjonali li permezz tiegħu l-Partijiet Kontraenti jimplimentaw sistema ta’ protezzjoni reċiproka tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    (2)

    Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 (3) dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra, l-Unjoni ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni mal-Att ta’ Ġinevra fis-26 ta’ Novembru 2019. L-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 2020. Peress li l-Unjoni kienet il-ħames Parti Kontraenti li aderiet mal-Att ta’ Ġinevra, l-Att ta’ Ġinevra daħal fis-seħħ fl-istess data, f’konformità mal-Artikolu 29(2) tal-Att ta’ Ġinevra.

    (3)

    F’konformità mal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Att ta’ Ġinevra, l-Awtoritajiet Kompetenti ta’ kull Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika mal-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li jirreġistraha fir-Reġistru Internazzjonali. F’konformità mal-Artikolu 9 tal-Att ta’ Ġinevra, il-Partijiet Kontraenti l-oħra jistgħu jiddeċiedu jekk jipproteġux dik id-Denominazzjoni ta’ Oriġini jew l-Indikazzjoni Ġeografika fit-territorji tagħhom fl-aħħar u fid-dawl ta’ proċedura speċifika ta’ skrinjar.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/1753, għall-fini ta’ dak ir-Regolament u tal-atti adottati skontu, it-terminu “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” jkopri l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (5)

    F’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2019/1753, bħala l-Awtorità Kompetenti tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li, mal-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra u minn hemm ’il quddiem fuq bażi regolari, tirreġistra applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Unjoni mal-Bureau Internazzjonali.

    (6)

    Bejn Settembru u Diċembru 2020, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2019/1753, l-Istati Membri bagħtu żewġ talbiet lill-Kummissjoni biex jirreġistraw fir-Reġistru Internazzjonali Indikazzjonijiet Ġeografiċi li joriġinaw fit-territorju tagħhom u li huma protetti f’konformità mar-Regolament (UE) 251/2014.

    (7)

    L-ismijiet protetti f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 251/2014 bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi jenħtieġ li jiġu ppreżentati bħala applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni fir-Reġistru Internazzjonali bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    (8)

    Għalhekk jenħtieġ li tiġi stabbilita lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, li tkun ibbażata fuq dawk it-talbiet tal-Istati Membri lill-Kummissjoni biex jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi li joriġinaw fit-territorju tagħhom u li huma protetti fl-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 251/2014.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-prodotti tal-inbid aromatizzati,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    Fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni hija stabbilita l-lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 li trid tiġi ppreżentata bħala applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali mill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ġunju 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Janusz WOJCIECHOWSKI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1.

    (2)  ĠU L 271, 24.10.2019, p. 15.

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 tas-7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, p. 12).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14).


    ANNESS

    Lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti fl-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 251/2014 (Indikazzjonijiet Ġeografiċi) li jridu jiġu rreġistrati bħala applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1753

    Spanja

    Vino Naranja del Condado de Huelva (IĠ)

    L-Italja

    Vermut di Torino / Vermouth di Torino (IĠ)


    Top