Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0542

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/542 tas-26 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI)

    ST/6524/2021/INIT

    ĠU L 108, 29.3.2021, p. 57–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/542/oj

    29.3.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 108/57


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/542

    tas-26 ta’ Marzu 2021

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-31 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 (1), li stabbiliet operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI).

    (2)

    Fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku tal-operazzjoni, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà qabel li l-EUNAVFOR MED IRINI tiġi estiża sal-31 ta’ Marzu 2023.

    (3)

    L-arranġamenti għad-disponiment ta’ armi u materjal relatat sekwestrat waqt l-implimentazzjoni tal-embargo fuq l-armi impost min-NU fuq il-Libja, inkluż il-ħżin, il-qerda jew it-trasferiment ta’ oġġetti ssekwestrati lil Stat Membru jew lil parti terza, f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2292 (2016), jenħtieġ li jiġu speċifikati b’mod aktar preċiż.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Konsegwentement, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u lanqas ma hi marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, u ma tiħux sehem fil-finanzjament ta’ din l-operazzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Fid-dawl tar-rekwiżiti operazzjonali eċċezzjonali, u fuq stedina minn Stat Membru, l-EUNAVFOR MED IRINI tista’ tiddevja bastimenti lejn portijiet ta’ dak l-Istat Membru u tiddisponi minn armi u materjal relatat issekwestrati skont il-paragrafu 3, inkluż permezz tal-ħżin, il-qerda jew it-trasferiment għal għand Stat Membru jew parti terza. Il-portijiet li lejhom jistgħu jiġu ddevjati bastimenti għandhom jiġu ddeżinjati fil-Pjan tal-Operazzjoni.

    Il-Kumitat tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi għandu jiddeċiedi, fuq proposta mill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, dwar id-destinazzjoni finali ta’ armi u materjal relatat issekwestrati, inkluż il-ħżin, il-qerda jew it-trasferiment ġewwa l-Unjoni. Madankollu, it-trasferiment ta’ oġġetti ssekwestrati barra mill-Unjoni, skont il-UNSCR 2292 (2016), għandu jiġi deċiż, fuq proposta mill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS), dment li Stat Membru ma jitlobx li l-kwistjoni tinġieb quddiem il-Kunsill. Tali trasferiment ta’ oġġetti ssekwestrati barra mill-Unjoni għandu jirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (*1) u jikkonforma mar-regoli u l-proċeduri nazzjonali applikabbli dwar il-kontrolli fuq l-esportazzjoni tal-armi; huwa għandu jkun soġġett għal kwalunkwe kondizzjonijiet u salvagwardji stabbiliti mill-KPS jew mill-Kunsill rispettivament, b’kont meħud tal-proċeduri stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (*2), b’mod partikolari l-metodoloġija tar-riskju u tas-salvagwardji; u ma għandux jinkludi tagħmir, jew pjattaformi, militari mfassla biex iwasslu forza letali.

    Stat Membru li jassisti lill-EUNAVFOR MED IRINI fid-disponiment ta’ armi u materjal relatat issekwestrati għandu jimpenja ruħu li jlesti malajr kemm jista’ jkun il-proċeduri meħtieġa biex ikun permess id-disponiment tal-oġġetti ssekwestrati, fi ħdan il-qafas tal-liġi u l-proċeduri nazzjonali tiegħu. EUNAVFOR MED IRINI għandha tipprovdi lil dak l-Istat Membru b’ċertifikat ta’ disponiment.

    Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi għandha ġġorr l-ispejjeż għall-ħżin u d-disponiment ta’ armi u materjal relatat issekwestrat mill-EUNAVFOR MED IRINI fiż-Żona tal-Operazzjonijiet tagħha, inkluż l-ispejjeż relatati mas-servizzi portwarji meħtieġa. Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi għandha ġġorr ukoll l-ispejjeż għal kwalunkwe responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta mid-devjazzjoni ta’ bastiment jew minn azzjonijiet sussegwenti relatati mat-trasport, il-ħżin u d-disponiment tal-oġġetti ssekwestrati, ħlief f’każijiet ta’ negliġenza gravi jew imġiba ħażina volontarja mill-Istat Membru li jassisti fid-disponiment jew minn kwalunkwe aġent tiegħu. Kwalunkwe dħul miksub minn Stat Membru mid-disponiment ta’ armi u materjal relatat issekwestrat għandu jiġi trasferit lill-Faċilità Ewropea għall-Paċi, b’kont debitu meħud tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali rilevanti f’dak l-Istat Membru.

    EUNAVFOR MED IRINI, irrappreżentata mill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, tista’ tikkonkludi mal-awtoritajiet rilevanti ta’ Stat Membru li jassisti fid-devjazzjoni ta’ bastiment jew fir-rimi ta’ armi u materjal relatat issekwestrati, arranġament amministrattiv għall-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

    Dan il-paragrafu għandu japplika għall-proċeduri ta’ sekwestru u ta’ rimi li jkunu għaddejjin.

    (*1)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99)."

    (*2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).”;"

    (2)

    fl-Artikolu 13, jiżdied il-paragrafu segwenti:

    “3.   Għall-perijodu mill-1 ta’ April 2021 sal-31 ta’ Marzu 2023, l-ammont ta’ referenza għall-ispejjeż komuni tal-EUNAVFOR MED IRINI għandu jkun ta’ EUR 16 900 000. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 46(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jkun ta’ 10 % f’impenji u 10 % għal pagamenti.”;

    (3)

    fl-Artikolu 15, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tintemm fil-31 ta’ Marzu 2023.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Marzu 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. P. ZACARIAS


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 tal-31 ta’ Marzu 2020 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (ĠU L 101, 1.4.2020, p. 4).


    Top