EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0536

Deċiżjoni (UE) 2021/536 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilll tal-24 ta’ Marzu 2021 i temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE fir-rigward tal-ekwivalenza ta’ materjal riproduttiv tal-foresti prodott fir-Renju Unit (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

PE/3/2021/REV/1

ĠU L 108, 29.3.2021, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/536/oj

29.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/1


DEĊIŻJONI (UE) 2021/536 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILLL

tal-24 ta’ Marzu 2021

i temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE fir-rigward tal-ekwivalenza ta’ materjal riproduttiv tal-foresti prodott fir-Renju Unit

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE (3) tapplika għall-marketing ta’ materjal riproduttiv tal-foresti fl-Unjoni. Dik id-Direttiva tikkonċerna l-materjal riproduttiv ta’ dawk l-ispeċijiet ta’ siġar u tal-ibridi artifiċjali tagħhom, li huma importanti għall-finijiet tal-forestrija fl-Unjoni kollha jew f’parti minnha.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE (4) tistabbilixxi regoli għall-ekwivalenza ta’ materjal riproduttiv tal-foresti prodott f’pajjiżi terzi.

(3)

Ir-Renju Unit ittraspona u implimenta b’mod effettiv id-Direttiva 1999/105/KE, kif ukoll l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont dik id-Direttiva.

(4)

Id-dritt tal-Unjoni, li jinkludi d-Direttiva 1999/105/KE u d-Deċiżjoni 2008/971/KE, kien applikabbli għar-Renju Unit u fih, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, f’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (5) (il-‘Ftehim dwar il-Ħruġ’), u b’mod partikolari mal-Artikolu 126 u mal-Artikolu 127(1) tiegħu.

(5)

Fid-dawl tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit issottometta talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza, mill-1 ta’ Jannar 2021, ta’ materjal riproduttiv tal-foresti prodott f’dak il-pajjiż għal tali materjal prodott fl-Unjoni f’konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni.

(6)

Ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni tiegħu, li ttrasponiet id-Direttiva 1999/105/KE mhijiex se tinbidel u se tkompli tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(7)

Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tar-Renju Unit. Hija kkonkludiet li l-materjal riproduttiv tal-foresti, u b’mod partikolari dan il-materjal fil-kategoriji “sors identifikat”, “magħżula” u “kwalifikati”, prodott fir-Renju Unit huwa ekwivalenti għall-materjal riproduttiv tal-foresti prodott fl-Unjoni u jikkonforma mad-Direttiva 1999/105/KE u l-Anness II tad-Deċiżjoni 2008/971/KE, peress li l-liġi tar-Renju Unit toffri l-istess assigurazzjonijiet bħal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-approvazzjoni tal-materjal bażiku u l-miżuri meħuda għall-produzzjoni sussegwenti ta’ materjal riproduttiv tal-foresti maħsub għall-kummerċjalizzazzjoni.

(8)

Għalhekk, huwa xieraq li tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza ta’tali materjal riproduttiv tal-foresti prodott fir-Renju Unit għal materjal korrispondenti prodott fl-Unjoni.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Renju Unit jiġi inkluż fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2008/971/KE, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2008/971/KE tiġi emendata skont dan,

(11)

Fid-dawl tal-fatt li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ intemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li tapplika, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni 2008/971/KE

L-Anness I tad-Deċiżjoni 2008/971/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-tabella, ir-ringiela li ġejja tiddaħħal bejn ir-ringieli “CH” u “NO”:

“GB ((**))

Department for Environment, Food & Rural Affairs (DEFRA)

Eastbrook

Shaftesbury Road

Cambridge

CB2 8DU

(2)

fin-nota (*) f’qiegħ il-paġna, dan li ġej jiddaħħal bejn “CH — l-Iżvizzera,” u “NO — in-Norveġja,”:

“GB – ir-Renju Unit,”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A.P. ZACARIAS


(1)  L-opinjoni tas-27 ta’ Jannar 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2021 għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Marzu 2021.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE tat-22 ta’ Diċembru 1999 dwar il-marketing ta’ materjali riproduttivi tal-foresti (ĠU L 11, 15.1.2000, p. 17).

(4)  Id- Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-ekwivalenza ta’ MaterjalRiproduttiv tal-Foresti prodott f’pajjiżi terzi (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 83).

(5)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.


Top