EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0086

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/86 tat-22 ta’ Jannar 2021 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 30, 28.1.2021, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/86/oj

28.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 30/2


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/86

tat-22 ta’ Jannar 2021

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Litwanja tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 29 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni tal-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. Il-Litwanja kienet awtorizzata, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/335/UE (2), teżenta mill-VAT lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx qabeż l-ekwivalenti ta’ EUR 45 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni tal-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(2)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta’ Ġunju 2020, il-Litwanja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura speċjali li tidderoga mill- Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (il-“miżura ta’ deroga”) mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2024, u biex iżżid il-livell limitu ta’ dik l-eżenzjoni għal EUR 55 000 (iż-“żieda fil-livell limitu”). Sal-31 Diċembru 2024 l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (3), li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar u, fost l-oħrajn, tħassar l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025.

(3)

Fuq il-bażi ta’ tal-miżura ta’ deroga, dawk il-persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 55 000 ser ikunu eżentati minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tal-VAT stabbiliti fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(4)

Il-livell limitu ogħla għall-iskema speċjali għall-impriżi żgħar li hemm stabbilit fl-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE hu miżura ta’ simplifikazzjoni billi dan jista’ jnaqqas l-obbligi tal-VAT tal-impriżi żgħar b’mod sinifikanti. Iż-żieda fil-livell limitu mitluba hija konsistenti mal-Artikolu 284 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(5)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba magħmula mill- Litwanja lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittri ddatati l-10 ta’ Awwissu 2020 u l-11 ta’ Awwissu 2020. Permezz ta’ ittra datata t-12 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Litwanja li kellha l-informazzjoni kollha li hija tqis meħtieġa biex tqis it-talba.

(6)

Il-miżura ta’ deroga hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli li xorta ser ikunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(7)

Skont l-informazzjoni li pprovdiet il-Litwanja, il-miżura ta’ deroga ser ikollha biss impatt negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT li jinġabar fl-istadju tal-konsum finali.

(8)

Il-miżura ta’ deroga mhijiex ser ikollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT peress li l-Litwanja ser twettaq kalkolu ta’ kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (4).

(9)

Minħabba li hu mistenni li ż-żieda fil-livell limitu ser tnaqqas l-obbligi tal-VAT u b’hekk l-ispejjeż tal-konformità għall-impriżi ż-żgħar, kif ukoll il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet tat-taxxa, u peress li l-impatt fuq id-dħul totali mill-VAT iġġenerat huwa negliġibbli, jenħtieġ li l-Litwanja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga.

(10)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u tal-adegwatezza taż-żieda fil-livell limitu. Barra minn hekk, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2020/285, sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri jridu jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Litwanja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga għal perijodu limitat ulterjuri sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(11)

Minħabba d-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, il-proċess għat-tiġdid tal-miżura ta’ deroga ħa aktar żmien milli kien mistenni u ma ġiex iffinalizzat sal-31 ta’ Diċembru 2020. Mingħajr l-applikazzjoni retroattiva ta’ din id-Deċiżjoni, l-impriżi ż-żgħar iġarrbu telf ekonomiku. Huwa għalhekk xieraq li din id-Deċiżjoni tiġi applikata b’mod retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021, biex tiġi żgurata l-kontinwità legali tal-miżura ta’ deroga.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Litwanja hija awtorizzata teżenta mit- taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 55 000.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/335/UE tat-30 ta’ Mejju 2011 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 150, 9.6.2011, p. 6).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).


Top