EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1693

Regolament (UE) 2020/1693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Novembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu u ta’ ċerti dati oħra msemmija f’dak ir-Regolament (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 381, 13.11.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1693/oj

13.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 381/1


REGOLAMENT (UE) 2020/1693 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Novembru 2020

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu u ta’ ċerti dati oħra msemmija f’dak ir-Regolament

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Ġunju 2018, jistabbilixxi qafas regolatorju ġdid għall-produzzjoni organika. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-qafas regolatorju l-qadim għal dak ġdid, dak ir-Regolament jipprevedi data tal-applikazzjoni tal-1 ta’ Jannar 2021.

(2)

Fit-30 ta’ Jannar 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala “emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali” u, fil-11 ta’ Marzu 2020, ikkaratterizzata bħala pandemija. Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal ċirkostanzi straordinarji li jeħtieġu sforzi sostanzjali mis-settur organiku li ma setgħux jiġu raġonevolment antiċipati fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848.

(3)

Il-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi relatata tas-saħħa pubblika jippreżentaw sfida bla preċedent għall-Istati Membri u jitfgħu piż kbir fuq l-operaturi organiċi (“l-operaturi”). L-operaturi għalhekk jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq iż-żamma tal-produzzjoni organika u fuq il-flussi kummerċjali, u ma jistgħux fl-istess ħin iħejju ruħhom għad-dħul fis-seħħ ta’ qafas regolatorju ġdid skont ir-Regolament (UE) 2018/848. Għalhekk, huwa ferm probabbli li l-Istati Membri u l-operaturi mhumiex se jkunu f’pożizzjoni li jiżguraw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa ta’ dak ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2021, kif previst oriġinarjament.

(4)

Għalhekk, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-settur organiku, biex tiġi pprovduta ċertezza tad-dritt, u biex jiġi evitat tfixkil potenzjali tas-suq, jeħtieġ li d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tiġi differita, flimkien ma’ ċerti dati oħra msemmija f’dak ir-Regolament li huma derivati minn dik id-data.

(5)

Meta jitqiesu l-iskala tal-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi tas-saħħa pubblika relatata magħha, l-iżvilupp epidemjoloġiku tagħha, kif ukoll ir-riżorsi addizzjonali meħtieġa mill-Istati Membri u mill-operaturi, jixraq li d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tiġi differita b’sena.

(6)

Diversi dati marbuta ma’ derogi, rapporti jew setgħat mogħtija lill-Kummissjoni għat-terminazzjoni jew l-estensjoni ta’ derogi huma derivati direttament mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848. Għalhekk, huwa xieraq dawk id-dati jiġu differiti ukoll b’sena. Id-dati rispettivi ġew stabbiliti filwaqt li tqies iż-żmien meħtieġ biex l-operaturi jadattaw għat-terminazzjoni tad-derogi, jew biex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiġbru biżżejjed informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ ċerti inputs li għalihom ingħataw derogi, jew biex il-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u biex tħejji proposta leġiżlattiva jew atti delegati.

(7)

Il-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi relatata tas-saħħa pubblika jippreżentaw ukoll sfida bla preċedent għall-pajjiżi terzi u għall-operaturi bbażati f’pajjiżi terzi. Konsegwentement, għal pajjiżi terzi li ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (3), huwa xieraq li d-data ta’ skadenza tar-rikonoxximent tagħhom tiġi estiża b’sena, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2026, sabiex pajjiżi terzi bħal dawn ikollhom biżżejjed żmien biex jibdlu l-istatus tagħhom, billi jikkonkludu ftehim kummerċjali mal-Unjoni jew permezz ta’ konformità sħiħa mill-operaturi tagħhom mar-Regolament (UE) 2018/848, mingħajr ma jinħoloq xkiel żejjed fil-kummerċ tal-prodotti organiċi.

(8)

Bl-istess mod, id-data ta’ skadenza tar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u tal-korpi ta’ kontroll f’pajjiżi terzi mogħtija skont l-Artikolu 33(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jenħtieġ li tiġi estiża b’sena, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2024, biex dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll u l-operaturi ċertifikati tagħhom f’pajjiżi terzi jingħataw żmien suffiċjenti biex jegħlbu l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u biex iħejju ruħhom għall-qafas regolatorju ġdid stabbilit mir-Regolament (UE) 2018/848.

(9)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-settur organiku, li tiġi pprovduta ċertezza tad-dritt u li jiġi evitat tfixkil potenzjali tas-suq minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(10)

Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li wasslet għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali fir-rigward tal-produzzjoni organika li jeħtieġu azzjoni immedjata, huwa kkunsidrat xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li huwa anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(11)

Minħabba l-ħtieġa prevalenti li tiġi żgurata ċertezza tad-dritt b’effett immedjat għas-settur organiku fiċ-ċirkostanzi attwali, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2018/848 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 29(4), id-data “31 ta’ Diċembru 2024” hija sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2025”;

(2)

fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(1), id-data “31 ta’ Diċembru 2025” hija sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2026”;

(3)

fl-Artikolu 49, id-data “31 ta’ Diċembru 2021” hija sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2022”;

(4)

l-Artikolu 53 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, id-data “31 ta’ Diċembru 2035” hija sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2036”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-parti introduttorja, id-data “1 ta’ Jannar 2028” hija sostitwita bi “1 ta’ Jannar 2029”;

(ii)

fil-punt (a), id-data “31 ta’ Diċembru 2035” hija sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2036”;

(c)

fil-paragrafu 3, id-data “1 ta’ Jannar 2026” hija sostitwita bi “1 ta’ Jannar 2027”;

(d)

fil-paragrafu 4, id-data “1 ta’ Jannar 2025” hija sostitwita bi “1 ta’ Jannar 2026” u d-data “31 ta’ Diċembru 2025” hija sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2026”;

(e)

fil-parti introduttorja tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 7, id-data “31 ta’ Diċembru 2025” hija sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2026”;

(5)

fl-Artikolu 57(1), id-data “31 ta’ Diċembru 2023” hija sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2024”;

(6)

fl-Artikolu 60, id-data “1 ta’ Jannar 2021” hija sostitwita bi “1 ta’ Jannar 2022”;

(7)

it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022”;

(8)

l-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Parti I, il-punt 1.5 huwa emendat kif ġej:

(i)

fit-tieni paragrafu, id-data “31 ta’ Diċembru 2030” hija sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2031”;

(ii)

fit-tielet paragrafu, id-data “31 ta’ Diċembru 2025” hija sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2026”;

(b)

il-Parti II hija emendata kif ġej:

(i)

fil-punt (a) tal-punt 1.9.1.1, id-data “1 ta’ Jannar 2023” hija sostitwita bi “1 ta’ Jannar 2024”;

(ii)

fil-punt (a) tal-punt 1.9.2.1, id-data “1 ta’ Jannar 2023” hija sostitwita bi “1 ta’ Jannar 2024”;

(iii)

fil-parti introduttorja tal-punt (c) tal-punt 1.9.3.1, id-data “31 ta’ Diċembru 2025” hija sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2026”;

(iv)

fil-parti introduttorja tal-punt (c) tal-punt 1.9.4.2, id-data “31 ta’ Diċembru 2025” hija sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2026”;

(c)

fil-Parti III, fit-tieni paragrafu tal-punt 3.1.2.1, id-data “1 ta’ Jannar 2021” hija sostitwita bi “1 ta’ Jannar 2022”;

(d)

fil-Parti VII, fil-punt 1.1, id-data “31 ta’ Diċembru 2023” hija sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2024”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ottubru 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2020.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).


Top