Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1540

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1540 tat-22 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1793 fir-rigward taż-żrieragħ tal-ġulġlien li joriġinaw mill-Indja (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/7417

    ĠU L 353, 23.10.2020, p. 4–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1540/oj

    23.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 353/4


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1540

    tat-22 ta’ Ottubru 2020

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1793 fir-rigward taż-żrieragħ tal-ġulġlien li joriġinaw mill-Indja

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (2) u b’mod partikolari l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47(2) u l-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1793 (3) jistabbilixxi regoli dwar iż-żieda temporanja tal-kontrolli uffiċjali mad-dħul fl-Unjoni, imposti fuq ċertu ikel u għalf, li mhuwiex ġej mill-annimali, importat minn ċerti pajjiżi terzi u dwar il-kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw id-dħul fl-Unjoni ta’ ċertu ikel u għalf minn ċerti pajjiżi terzi minħabba r-riskju ta’ kontaminazzjoni bil-mikotossini, inkluż l-aflatossini, bir-residwi tal-pestiċidi, bil-pentachlorophenol u bid-diossini u l-kontaminazzjoni mikrobijoloġika, elenkati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

    (2)

    L-okkorrenza reċenti ta’ inċidenti relatati mas-sikurezza tal-ikel li ġew notifikati permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF), kif stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 178/2002, u l-informazzjoni dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-Istati Membri fuq iż-żrieragħ tal-ġulġlien li joriġinaw mill-Indja jeħtieġu li jiġi emendat l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1793.

    (3)

    F’Settembru 2020, permezz tal-RASFF ġew notifikati livelli għoljin ħafna ta’ ossidu tal-etilen fir-rigward ta’ ċerti lottijiet ta’ żrieragħ tal-ġulġlien li oriġinaw jew li ntbagħtu mill-Indja u li daħlu fl-Unjoni. Dawk il-livelli jaqbżu, b’aktar minn 1 000 darba, il-livell massimu ta’ residwi ta’ 0,05 mg/kg applikabbli għall-ossidu tal-etilen f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (4)

    Kontaminazzjoni ta’ dan it-tip tikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem fl-Unjoni, peress li l-ossidu tal-etilen huwa kklassifikat bħala mutaġenu, kategorija 1B, karċinoġenu, kategorija 1 B, u sustanza tossika għar-riproduzzjoni, kategorija 1B, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Barra minn hekk, l-ossidu tal-etilen mhuwiex approvat bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Unjoni.

    (5)

    Sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem fl-Unjoni, huwa għalhekk meħtieġ li jiġu previsti kundizzjonijiet speċjali fir-rigward tar-residwi tal-pestiċidi b’rabta maż-żrieragħ tal-ġulġlien mill-Indja. B’mod partikolari, iċ-ċertifikat uffiċjali li, f’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2019/1793 flimkien mal-Anness II tiegħu, irid jakkumpanja l-kunsinni kollha taż-żrieragħ tal-ġulġlien mill-Indja, jenħtieġ jiddikjara wkoll li ttieħdu kampjuni tal-prodotti u li dawn ikunu ġew analizzati għar-residwi tal-pestiċidi li jridu jiġu mmonitorjati fi/fuq il-prodotti li joriġinaw mill-pjanti, u li r-riżultati kollha tal-kampjunar u tal-analiżi juru konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-livelli massimi ta’ residwi tal-pestiċidi. Ir-riżultati tal-kampjunar u tal-analiżi jenħtieġ jinhemżu ma’ dak iċ-ċertifikat.

    (6)

    Fid-dawl tal-kummerċ li għadu għaddej, il-kunsinni taż-żrieragħ tal-ġulġlien li joriġinaw mill-Indja li jkunu telqu mill-pajjiż tal-oriġini jew mill-pajjiż ta’ spedizzjoni, jekk dak il-pajjiż ikun differenti mill-pajjiż tal-oriġini, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ ikomplu jkunu soġġetti għar-rekwiżiti applikabbli qabel dik id-data.

    (7)

    Barra minn hekk, u sabiex tiġi mħarsa s-saħħa tal-bniedem fl-Unjoni, il-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi u tal-identità għall-preżenza ta’ residwi ta’ pestiċidi li għandhom jitwettqu fuq iż-żrieragħ tal-ġulġlien li joriġinaw mill-Indja fil-fruntieri tal-Unjoni jenħtieġ tiġi stabbilita għal 50 %.

    (8)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1793 jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Fid-dawl tar-riskju serju għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta minn kunsinni kontaminati ta’ żrieragħ tal-ġulġlien li joriġinaw mill-Indja u fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni rapida, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1793

    L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1793 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Miżuri transizzjonali

    Ir-Regolament (UE) 2019/1793 għandu jkompli japplika kif kien qabel ma ġie emendat b’dan ir-Regolament għall-konsenji taż-żrieragħ tal-ġulġlien mill-Indja li jkunu telqu mill-pajjiż tal-oriġini, jew mill-pajjiż tal-ispedizzjoni jekk dak il-pajjiż ikun differenti mill-pajjiż ta’ oriġini, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ottubru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1793 tat-22 ta’ Ottubru 2019 dwar iż-żieda temporanja fil-kontrolli uffiċjali u miżuri ta’ emerġenza li jirregolaw id-dħul fl-Unjoni ta’ ċerti oġġetti minn ċerti pajjiżi terzi, u li jimplimenta r-Regolamenti (UE) 2017/625 u (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009, (UE) Nru 884/2014, (UE) 2015/175, (UE) 2017/186 u (UE) 2018/1660 (ĠU L 277, 29.10.2019, p. 89).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).


    ANNESS

    Fl-Anness II, fil-punt 1, l-entrata għaż-żrieragħ tal-ġulġlien li joriġinaw mill-Indja hija sostitwita bl-entrata li ġejja:

    Ikel u għalf (użu maħsub)

    Kodiċi NM (1)

    Subdiviżjoni TARIC

    Pajjiż tal-oriġini

    Periklu

    Frekwenza tal-kontrolli tal-identità u tal-kontrolli fiżiċi (%)

    “Żrieragħ tal-ġulġlien

    (Ikel)

    1207 40 90

     

    L-Indja (IN)

    Salmonella  (*1)

    20

    Residwi ta’ pestiċidi  (*2)  (*3)

    50


    (*1)  Il-kampjunar u l-analiżijiet għandhom isiru skont il-proċeduri tal-kampjunar u l-metodi ta’ referenza analitika stabbiliti fil-punt 1(a) tal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

    (*2)  Ir-residwi ta’ mill-inqas dawk il-pestiċidi elenkati fil-programm ta’ kontroll adottat f’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1) li jistgħu jiġu analizzati b’metodi multiresidwi bbażati fuq il-kromatografija b’fażi gassuża/spettrometrija ta’ massa GC-MS, u dawk ibbażati fuq il-kromatografija likwida/spettrometrija tal-massa LC-MS (il-pestiċidi jridu jiġu ssorveljati fil-prodotti li joriġinaw mill-pjanti jew fuqhom biss).

    (*3)  Residwi ta’ ossidu tal-etilen (is-somma ta’ ossidu tal-etilen u 2-kloro-etanol, espressa bħala ossidu tal-etilen).”


    Top