EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1478

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1478 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 fir-rigward tal-kampjunar, il- metodu ta’ skoperta ta’ referenza u l-kundizzjonijiet tal-importazzjoni fir-rigward tal-kontroll għat-Trichinella (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/6922

ĠU L 338, 15.10.2020, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1478/oj

15.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1478

tal-14 ta’ Ottubru 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 fir-rigward tal-kampjunar, il- metodu ta’ skoperta ta’ referenza u l-kundizzjonijiet tal-importazzjoni fir-rigward tal-kontroll għat-Trichinella

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(8)(a) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u għal azzjoni li trid tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-produzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

(2)

It-Trichinella hija parassita li tista’ tkun preżenti fil-laħam ta’ speċijiet suxxettibbli bħall-ħnieżer u lill-bnedmin tikkawżalhom mard li ġej mill-ikel meta jikkunsmaw laħam infettat. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1375 (2) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam, inkluż l-eżami fil-laboratorju ta’ kampjuni tal-laħam tal-ħnieżer tal-qatla kollha.

(3)

Waqt l-istennija għar-riżultat tal-eżami tat-Trichinella, il-karkassi jistgħu jitqattgħu f’massimu ta’ sitt partijiet f’ċerti kundizzjonijiet. Għall-produzzjoni ta’ ċerti prodotti speċifiċi li ġejjin minn majjali domestiċi, it-tqattigħ tal-karkassi meta jkunu għadhom sħan f’iktar partijiet huwa meħtieġ qabel ma jkun disponibbli r-riżultat tal-eżami tat-Trichinella. Għalhekk, għal prodotti speċifiċi bħal dawn, jenħtieġ li t-tqattigħ f’iktar partijiet ikun permess diment li tiġi żgurata s-sikurezza tal-laħam.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 jipprevedi deroga mill-eżami tat-Trichinella mad-dħul fl-Unjoni meta l-ħnieżer ikunu ġejjin minn azjendi li jkunu uffiċjalment ħielsa mit-Trichinella u li japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta’ sistemazzjoni. Pajjiż terz jista’ japplika din id-deroga biss jekk ikun informa lill-Kummissjoni bl-applikazzjoni ta’ tali deroga u jekk tkun ġiet elenkata għal dak l-iskop mill-Kummissjoni.

(5)

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2015/1375 jirreferi għall-pajjiżi terzi elenkati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (3) u fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (4). Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (5) iħassar ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 u d-Deċiżjoni 2007/777/KE b’effett mill-21 ta’ April 2021. Għalhekk, u għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, jenħtieġ li l-possibbiltà li jiġu stabbiliti listi ta’ pajjiżi terzi li japplikaw id-derogi dwar it-Trichinella tiġi prevista direttament f’dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(6)

L-Artikolu 126(2)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625 u l-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/625 (6) jirrikjedu li l-kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali li jiżgura li l-annimali u l-oġġetti jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti mir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625. Għalhekk, l-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375, li jirrikjedi li attestazzjoni dwar l-eżami għat-Trichinella jew dwar l-istatus tal-azjenda fir-rigward tat-Trichinella tiddaħħal fiċ-ċertifikati uffiċjali għall-kummerċ intra-Unjoni ta’ majjali domestiċi ħajjin u għad-dħul fl-Unjoni ta’ tali majjali u tal-laħam tagħhom, sar superfluwu u għaldaqstant jenħtieġ li jitħassar.

(7)

Il-Kapitolu I tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 jistabbilixxi metodu ta’ skoperta ta’ referenza tat-Trichinella f’kampjuni miġbura minn karkassi ta’ majjali domestiċi. Fl-2015, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni adottat l-istandard globali ISO 18743:2015 li jispeċifika metodu għall-iskoperta tal-larva tal-ispeċijiet tat-Trichinella fl-istadju tal-muskoli fil-laħam ta’ karkassi individwali tal-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem. Il-metodu ta’ skoperta ta’ referenza tat-Trichinella, stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 huwa konformi mar-rekwiżiti tal-ISO 18743:2015.

(8)

Għalhekk jixraq li l-metodu ta’ referenza fir-Regolament (UE) 2015/1375 jiġi sostitwit bl-ISO 18743:2015 sabiex il-metodu ta’ referenza tal-Unjoni jkun konformi ma’ dan l-istandard globali. Dan se jiffaċilita l-esportazzjoni tal-laħam tal-majjal mill-Unjoni, mingħajr ma joħloq rekwiżiti jew piż addizzjonali għal-laboratorji Ewropej li jużaw il-metodi ta’ referenza għall-kontrolli uffiċjali.

(9)

Peress li r-Regolament (UE) Nru 206/2010 u d-Deċiżjoni 2007/777/KE jitħassru biss mill-20 ta’ April 2021, jenħtieġ li l-emenda dwar l-elenkar ta’ pajjiżi terzi u l-mudelli taċ-ċertifikati tapplika biss minn dik id-data.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, jitħassar it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3.

(2)

Fl-Artikolu 3, jiddaħħal il-paragrafu 5 li ġej:

“5   B’deroga mill-Artikolu 2(3) u wara l-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti:

(a)

il-karkassi jistgħu jitqattgħu f’impjant tat-tqattigħ mgħaqqad mal-biċċerija jew separat minnha diment li:

(i)

il-proċedura tkun approvata mill-awtorità kompetenti;

(ii)

karkassa jew il-partijiet minnha ma jkollhomx iktar minn impjant wieħed tat-tqattigħ bħala destinazzjoni tagħhom;

(iii)

l-impjant tat-tqattigħ ikun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru; u

(iv)

fil-każ ta’ riżultat pożittiv il-partijiet kollha jkunu ddikjarati mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem;

(b)

karkassi li jkunu ġejjin minn majjali domestiċi jkunu jistgħu jitqattgħu f’iktar partijiet f’impjant tat-tqattigħ fl-istess bini jew mgħaqqad mal-biċċerija diment li:

(i)

il-proċedura tkun approvata mill-awtorità kompetenti;

(ii)

it-tqattigħ tal-karkassi meta jkunu għadhom sħan ikun meħtieġ għall-produzzjoni ta’ prodotti speċifiċi;

(iii)

fil-każ ta’ riżultat pożittiv il-partijiet kollha jkunu ddikjarati mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem.”

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-karkassi kif imsemmija fl-Artikolu 2 jew partijiet minnhom, ħlief għal dawk imsemmija fl-Artikolu 3(5), ma jistgħux jinħarġu mill-bini, qabel ma r-riżultat tal-eżami tat-Trichinella jirriżulta negattiv.”

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Meta jkun hemm proċedura fis-seħħ fil-biċċerija biex tiżgura li l-ebda parti tal-karkassi eżaminati ma titlaq mill-post qabel mar-riżultat tal-eżami tat-Trichinella joħroġ negattiv u l-proċedura tkun approvata b’mod formali mill-awtorità kompetenti jew meta tapplika d-deroga prevista fl-Artikolu 3(5), il-marka tas-saħħa prevista fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) 2017/625 tista’ tiġi applikata qabel ma r-riżultati tal-eżami tat-Trichinella jkunu disponibbli.”

(4)

Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness VII biss jistgħu japplikaw id-derogi previsti fl-Artikolu 3(2) u (3) wara li jkunu infurmaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dawk id-derogi”

(5)

L-Artikolu 14 jitħassar.

(6)

Fl-Anness I, il-Kapitolu I huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU I

METODU TA’ SKOPERTA TA’ REFERENZA

Il-metodu ta’ skoperta ta’ referenza għall-eżami ta’ kampjuni għat-Trichinella huwa ISO 18743:2015.”

(7)

Jiddaħħal l-Anness VII li ġej:

“ANNESS VII

Pajjiżi terzi li japplikaw id-deroga msemmija fl-Artikolu 13(2)

 

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(4), (5) u (7) għandu japplika mill-21 ta’ April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1375 tal-10 ta’ Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (ĠU L 212, 11.8.2015, p. 7).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta’ Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/432/KE (ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/625 tal-4 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 18).


Top