EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1322

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/1322 tat-23 ta’ Settembru 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 f’dak li għandu x’jaqsam mal-livelli massimi tat-3-monokloropropandiol (it-3-MCPD), tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi grassi u tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi f’ċerti oġġetti tal-ikel (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/6391

ĠU L 310, 24.9.2020, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1322/oj

24.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/2


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1322

tat-23 ta’ Settembru 2020

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 f’dak li għandu x’jaqsam mal-livelli massimi tat-3-monokloropropandiol (it-3-MCPD), tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi grassi u tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi f’ċerti oġġetti tal-ikel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel. Il-livelli massimi tat-3-monokloropropandiol (it-3-MCPD) u tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Fil-21 ta’ Novembru 2017, il-Bord Xjentifiku tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel adotta opinjoni xjentifika (3) dwar aġġornament tal-valutazzjoni tiegħu tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem marbutin mal-preżenza tat-3-monokloropropandiol (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “it-3-MCPD”) u tal-esteri tiegħu tal-aċidi grassi fl-ikel li kienet ġiet ippubblikata fl-2016 (4), fid-dawl tad-diverġenza xjentifika li ġiet identifikata fir-rapport tal-Kumitat Espert Konġunt tal-FAO u tad-WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel u l-Kontaminanti b’rabta mal-istabbiliment tad-doża tollerabbli ta’ kuljum (it-TDI) (5).

(3)

Il-Bord dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel stabbilixxa TDI tal-grupp aġġornata ta’ 2 mikrogrammi għal kull kilogramm ta’ piż tal-ġisem għal kull jum għat-3-MCPD u għall-esteri tiegħu tal-aċidi grassi. Huwa nnota li din id-doża tollerabbli ta’ kuljum ma tinqabiżx fil-popolazzjoni adulta. Madankollu, ġie nnutat li din tinqabeż xi ftit fil-każ tal-konsumaturi l-kbar li jiffurmaw parti mill-gruppi ta’ età iżgħar u b’mod partikulari fil-każ tat-trabi li jirċievu l-formuli biss.

(4)

It-3-MCPD u l-esteri tiegħu tal-aċidi grassi huma kontaminanti kkawżati mill-ipproċessar li jiġu ffurmati waqt ir-raffinar taż-żjut veġetali. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-livelli massimi li fihom jista’ jkun hemm it-3-MCPD u l-esteri tiegħu tal-aċidi grassi fiż-żjut veġetali u fix-xaħmijiet imqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali jew għall-użu bħala ingredjent fl-ikel. Billi ż-żjut taż-żebbuġa verġni ma jkunx fihom l-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi, it-3-MCPD u l-esteri tiegħu tal-aċidi grassi, huwa xieraq li la dawn il-livelli massimi l-ġodda tat-3-MCPD u tal-esteri tiegħu tal-aċidi grassi u lanqas il-livell massimu eżistenti tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi ma jkunu japplikaw għaż-żjut verġni.

(5)

Madankollu, minħabba t-tħassib li jista’ jkun hemm għas-saħħa tat-trabi u tat-tfal iż-żgħar, huwa xieraq li jiġi stabbilit livell massimu iktar strett għaż-żjut veġetali u għax-xaħmijiet li jkunu maħsubin għall-produzzjoni tal-ikel tat-trabi u tal-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar.

(6)

Sabiex jiġi eskluż kull tħassib li jista’ jkun hemm b’rabta mas-saħħa tat-trabi u tat-tfal iż-żgħar, b’mod partikulari meta wieħed iqis l-esponiment li t-trabi li jintemgħu l-formuli tat-trabi biss jista’ jkollhom għat-3-MCPD u għall-esteri tiegħu tal-aċidi grassi, huwa xieraq li jiġu stabbiliti livelli massimi stretti speċifiċi għall-formuli tat-trabi, għall-formuli tal-prosegwiment u għall-ikel għal raġunijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar, skont jekk dawn jinbiegħux fil-forma ta’ trab jew f’forma likwida.

(7)

Minħabba li ġie nnutat li d-doża tollerabbli ta’ kuljum tinqabeż xi ftit fil-każ tal-konsumaturi l-kbar li jiffurmaw parti mill-gruppi ta’ età iżgħar u mhux biss fil-każ tat-trabi li jirċievu l-formuli biss, huwa xieraq li jiġi applikat l-istess livell strett għall-formuli maħsubin għat-tfal iż-żgħar peress li dawn il-formuli jingħataw ukoll lit-tfal ta’ inqas minn tliet snin. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi stabbilit il-livell massimu eżistenti tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi għall-formuli tat-trabi u għall-formuli tal-prosegwiment għall-formuli maħsubin għat-tfal iż-żgħar ukoll.

(8)

Barra minn hekk, mill-pubblikazzjonijiet xjentifiċi u mid-data dwar l-okkorrenza li waslet, dan l-aħħar ħareġ li ż-żejt tal-ħuta u ż-żjut minn organiżmi tal-baħar oħrajn jista’ jkun fihom livelli għoljin tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi u tat-3-MCPD u tal-esteri tiegħu tal-aċidi grassi. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem, huwa xieraq li jiġi stabbilit livell massimu tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi u tat-3-MCPD u tal-esteri tiegħu tal-aċidi grassi fiż-żejt tal-ħuta u fiż-żjut minn organiżmi tal-baħar oħrajn.

(9)

Jenħtieġ li l-operaturi tan-negozji tal-ikel jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw il-proċessi tal-produzzjoni tagħhom u, għalhekk, huwa xieraq li l-livelli massimi tat-3-MCPD u tal-esteri tiegħu tal-aċidi grassi u l-livelli massimi l-ġodda tal-esteri gliċidiliċi fil-formuli maħsubin għat-tfal iż-żgħar u fiż-żejt tal-ħuta u fiż-żjut minn organiżmi tal-baħar oħrajn jibdew japplikaw biss mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem. Barra minn hekk, huwa xieraq li l-prodotti li ma jkunux jikkonformaw mal-livelli massimi tat-3-MCPD u tal-esteri tiegħu tal-aċidi grassi li jkunu tqiegħdu fis-suq qabel dik id-data jitħallew jibqgħu fis-suq sad-data sa meta jżommu l-aħjar jew sad-data tal-iskadenza tagħhom. Madankollu, minħabba li l-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi huma karċinoġeni ġenotossiċi u b’hekk il-preżenza tagħhom tirrappreżenta riskju ogħla għas-saħħa pubblika, jenħtieġ li l-prodotti li ma jkunux jikkonformaw mal-livelli massimi l-ġodda tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi li jkunu tqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta’ Jannar 2021 jitħallew jibqgħu fis-suq biss għal perjodu limitat taż-żmien.

(10)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jiġi emendat kif xieraq.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Iż-żjut tal-ħut u ż-żjut minn organiżmi tal-baħar oħrajn imsemmijin fil-punti 4.2.1. u 4.2.2. tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 u l-formuli maħsubin għat-tfal iż-żgħar imsemmijin fil-punti 4.2.3 u 4.2.4 ta’ dak l-Anness li jkunu tqiegħdu fis-suq b’mod legali qabel l-1 ta’ Jannar 2021 jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati sat-30 ta’ Ġunju 2021.

L-oġġetti tal-ikel imniżżlin fil-punt 4.3 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 li jkunu tqiegħdu fis-suq b’mod legali qabel l-1 ta’ Jannar 2021 jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati sad-data sa meta jżommu l-aħjar jew sad-data tal-iskadenza tagħhom.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(3)  L-opinjoni xjentifika tal-Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel ippubblikata fl-2018 imsejħa “Scientific opinion on the update of the risk assessment on 3-monochloropropane diol and its fatty acid esters”. EFSA Journal 2018;16(1):5083, 48 paġna, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2018.5083

(4)  L-opinjoni xjentifika tal-Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel ippubblikata fl-2016 imsejħa “Scientific opinion on the risks for human health related to the presence of 3- and 2-monochloropropanediol (MCPD), and their fatty acid esters, and glycidyl fatty acid esters in food”. EFSA Journal 2016;14(5):4426, 159 paġna, doi:10.2903/j.efsa.2016.4426.

(5)  L-evalwazzjoni tad-WHO imsejħa “Safety evaluation of certain contaminants in food” ippubblikata fl-2018 fis-Serje nru 74 tad-WHO dwar l-addittivi tal-ikel li tittratta l-monografiji tossikoloġiċi 19 bis tat-83 laqgħa.

http://apps.who.int/iris/bitstream/handle/10665/276868/9789241660747-eng.pdf?ua=1


ANNESS

It-Taqsima 4 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, imsejħa “It-3-monokloropropandiol (3-MCPD) u l-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi”, hija sostitwita b’dan li ġej:

Taqsima 4: It-3-monokloropropandiol (it-3-MCPD), l-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi grassi u l-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi

Oġġetti tal-ikel(1)

Livell massimu (μg/kg)

4.1.

It-3-monokloropropandiol (it-3-MCPD)

 

4.1.1.

Il-proteina veġetali idrolizzata(30)

20

4.1.2.

Iz-zalza tas-sojja(30)

20

4.2.

L-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi, espressi bħala gliċidol

 

4.2.1.

Iż-żjut veġetali u x-xaħmijiet, iż-żjut tal-ħut u ż-żjut minn organiżmi tal-baħar oħrajn imqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali jew għall-użu bħala ingredjent fl-ikel, bl-eċċezzjoni tal-ikel imsemmi fil-punt 4.2.2 u taż-żjut taż-żebbuġa verġni ((*))

1 000  ((***))

4.2.2.

Iż-żjut veġetali u x-xaħmijiet, iż-żjut tal-ħut u ż-żjut minn organiżmi tal-baħar oħrajn maħsubin għall-produzzjoni tal-ikel tat-trabi u tal-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar(3)

500 ((***))  ((******))

4.2.3.

Il-formuli tat-trabi, il-formuli tal-prosegwiment u l-ikel għal raġunijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar(3)(29) u l-formuli maħsubin għat-tfal iż-żgħar(29)  ((**)) (fil-forma ta’ trab)

50 ((***))

4.2.4.

Il-formuli tat-trabi, il-formuli tal-prosegwiment u l-ikel għal raġunijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar(3)(29) u l-formuli maħsubin għat-tfal iż-żgħar(29)  ((**)) (f’forma likwida)

6,0 ((***))

4.3.

L-ammont totali tat-3-monokloropropandiol (it-3-MCPD) u tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi grassi espressi bħala 3-MCPD  ((****))

 

4.3.1.

Iż-żjut veġetali u x-xaħmijiet, iż-żjut tal-ħut u ż-żjut minn organiżmi tal-baħar oħrajn imqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali jew għall-użu bħala ingredjent fl-ikel li jidħol fil-kategoriji li ġejjin, bl-eċċezzjoni tal-ikel imsemmi fil-punt 4.3.2 u taż-żjut taż-żebbuġa verġni ((*)):

iż-żjut u x-xaħmijiet tal-ġewż tal-Indi, tal-qamħirrum, tal-lift, tal-ġirasol, tal-fażola tas-sojja, tal-lewż tal-palm u taż-żjut taż-żebbuġa (li huma magħmulin miż-żejt taż-żebbuġa raffinat u miż-żejt taż-żebbuġa verġni) ((*)) u t-taħlitiet taż-żjut u tax-xaħmijiet magħmulin minn żjut u minn xaħmijiet ta’ din il-kategorija biss;

1 250

żjut veġetali oħrajn (fosthom iż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ ((*))), iż-żjut tal-ħut u ż-żjut minn organiżmi tal-baħar oħrajn u t-taħlitiet taż-żjut u tax-xaħmijiet magħmulin minn żjut u minn xaħmijiet ta’ din il-kategorija biss;

2 500

it-taħlitiet taż-żjut u tax-xaħmijiet miż-żewġ kategoriji msemmijin hawn fuq.

 ((*****))

4.3.2.

Iż-żjut veġetali u x-xaħmijiet, iż-żjut tal-ħut u ż-żjut minn organiżmi tal-baħar oħrajn maħsubin għall-produzzjoni tal-ikel tat-trabi u tal-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar(3)

750 ((******))

4.3.3.

Il-formuli tat-trabi, il-formuli tal-prosegwiment u l-ikel għal raġunijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar(3)(29) u l-formuli maħsubin għat-tfal iż-żgħar(29)  ((**)) (fil-forma ta’ trab)

125 ((*******))

4.3.4.

Il-formuli tat-trabi, il-formuli tal-prosegwiment u l-ikel għal raġunijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar(3)(29) u l-formuli maħsubin għat-tfal iż-żgħar(29)  ((**)) (f’forma likwida)

15 ((*******))


((*))  Kif iddefiniti fil-Parti VIII tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

((**))  “Il-formuli maħsubin għat-tfal iż-żgħar” jirreferu għal xarbiet abbażi tal-ħalib u prodotti li jixbhuhom abbażi tal-proteina maħsubin għat-tfal iż-żgħar. Dawn il-prodotti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 (ara r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-formuli tat-tfal żgħar (COM/2016/0169 final) li jinsab hawn: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52016DC0169&qid=1559628885154&from=MT).

((***))  Il-livelli massimi għandhom jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem fil-każ taż-żejt tal-ħuta u taż-żjut minn organiżmi tal-baħar oħrajn u fil-każ tal-formuli maħsubin għat-tfal iż-żgħar.

((****))  Il-livelli massimi għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem.

((*****))  Iż-żjut u x-xaħmijiet li jintużaw bħala ingredjenti fit-taħlita għandhom jikkonformaw mal-livell massimu stabbilit għaż-żejt u għax-xaħam. Għalhekk, il-livell tal-ammont totali tat-3-monokloropropandiol (it-3-MCPD) u tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi grassi espressi bħala 3-MCPD fit-taħlita, ma għandux jaqbeż il-livell ikkalkulat skont l-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006. F’każ li l-kompożizzjoni kwantitattiva ma tkunx magħrufa għall-awtorità kompetenti u għall-operatur tan-negozju tal-ikel li ma jkunux qed jipproduċu t-taħlita, il-livell tal-ammont totali tat-3-MCPD u tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi grassi espressi bħala 3-MCPD fit-taħlita fi kwalunkwe każ ma għandux jaqbeż l-2 500 mikrogramma għal kull kilogramm.

((******))  Meta l-prodott ikun taħlita ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet differenti tal-istess oriġini jew ta’ oriġini botanika differenti, il-livell massimu japplika għat-taħlita. Iż-żjut u x-xaħmijiet li jintużaw bħala ingredjenti fit-taħlita għandhom jikkonformaw mal-livell massimu stabbilit għaż-żejt u għax-xaħam fil-punt 4.3.1.

((*******))  Dan il-livell massimu għandu jiġi eżaminat mill-ġdid fi żmien sentejn mid-data tal-applikazzjoni bil-għan li jitnaqqas.”


Top