EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1294

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1294 tal-15 ta’ Settembru 2020 dwar il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/6123

ĠU L 303, 17.9.2020, p. 1–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1294/oj

17.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1294

tal-15 ta’ Settembru 2020

dwar il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1999 (1) tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

Filwaqt li:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-11 ta’ Diċembru dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika jistabbilixxi l-bażi leġiżlattiva meħtieġa għal governanza kosteffiċjenti, trasparenti u prevedibbli tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika. L-għan huwa li jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u l-impenji fit-tul tal-Unjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod konsistenti mal-Ftehim ta’ Pariġi, u b’mod partikolari, il-miri u l-objettivi fil-qasam tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (“GHG”), l-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.

(2)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) introduċiet mira ġdida, vinkolanti għall-enerġija rinnovabbli għall-Unjoni għall-2030 ta’ mill-inqas 32 % tal-konsum finali gross tal-enerġija.

(3)

Bil-ħsieb li tintlaħaq il-mira vinkolanti tal-Unjoni ta’ mill-inqas 32 % tal-enerġija rinnovabbli fl-2030, l-Istati Membri jeħtieġ li jikkontribwixxu b’sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija. Il-mira vinkolanti ġenerali tal-Unjoni hija sostnuta minn obbligi għall-Istati Membri biex jużaw l-enerġija rinnovabbli anki fis-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ u t-trasport skont l-Artikoli 23 u 25 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2018/1999 jistabbilixxi trajettorja indikattiva mill-2021 sal-2030 għall-kontribut ta’ kull Stat Membru għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u għall-mira tal-Unjoni, bi tliet punti ta’ referenza li jenħtieġ li jintlaħqu fl-2022, l-2025 u l-2027.

(4)

Sabiex ikun possibbli li jsir monitoraġġ adegwat u li tittieħed azzjoni korrettiva bikrija mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-ilħuq tal-punti ta’ referenza fl-2022, l-2025 u l-2027 abbażi tar-rapporti nazzjonali integrati tal-Istati Membri dwar ir-rapporti ta’ progress nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima, fost affarijiet oħra.

(5)

Fejn il-Kummissjoni tikkonkludi, f’dak il-kuntest, li punt ta’ referenza wieħed jew aktar minn wieħed tal-Unjoni ma ntlaħqux, l-Istati Membri li waqgħu taħt il-punt ta’ referenza nazzjonali tagħhom jenħtieġ li jiżguraw li jiġu implimentati miżuri addizzjonali sabiex jimtela l-vojt lejn il-mira tal-UE għall-2030 għall-enerġija rinnovabbli. Waħda minn dawk il-miżuri tista’ tikkonsisti f’pagament finanzjarju volontarju lill-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni bil-għan li jitnaqqas id-distakk, parzjalment jew kompletament, fir-rigward tal-punti ta’ referenza nazzjonali sa fejn l-enerġija rinnovabbli ġġenerata mill-installazzjonijiet iffinanzjati mill-mekkaniżmu ta’ finanzjament tkun attribwita statistikament lill-Istati Membri parteċipanti, u tirrifletti l-pagamenti relattivi tagħhom. Dak il-mekkaniżmu jenħtieġ li jiffaċilita lill-Istati Membri l-opportunità li jżidu s-sehem settorjali tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-elettriku, tat-tisħin u tat-tkessiħ, u tat-trasport.

(6)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 teħtieġ li l-Kummissjoni tappoġġa l-ambizzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ qafas ta’ abilitazzjoni, inkluż permezz ta’ użu mtejjeb tal-fondi tal-Unjoni. B’mod partikolari, dak l-appoġġ jenħtieġ li jkollu l-għan li jnaqqas l-ispiża tal-kapital għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli u li jtejjeb il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, permezz ta’ proġetti konġunti, skemi ta’ appoġġ konġunti u l-ftuħ ta’ skemi ta’ appoġġ għal elettriku rinnovabbli għal produtturi li jinsabu fi Stati Membri oħra. F’dan ir-rigward u soġġett għar-rekwiżiti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, il-parteċipazzjoni ta’ Stat Membru fil-mekkaniżmu tista’ titqies bħala ftuħ ta’ skemi ta’ appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli.

(7)

Bil-għan li jiġi appoġġat l-użu tal-enerġija rinnovabbli madwar l-Unjoni, il-mekkaniżmu jenħtieġ lijikkontribwixxi għall-qafas abilitanti, b’mod partikolari billi jipprovdi appoġġ fil-forma ta’ self u għotjiet.

(8)

Sabiex jiġi appoġġat dak l-objettiv doppju, jiġifieri l-funzjoni tal-mili tal-vojt stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1999 u l-qafas ta’ abilitazzjoni previst fid-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment u l-funzjonament ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2018/1999 jipprovdi għall-mekkaniżmu li jinkisbu riżorsi minn pagamenti mill-Istati Membri, fondi tal-Unjoni jew kontribuzzjonijiet tas-settur privat. Dawn ir-riżorsi jenħtieġ li jitqiesu separatament u taħt sorsi speċifiċi ta’ fondi fil-linja baġitarja tal-mekkaniżmu.

(10)

Kif previst mill-Artikolu 33 tar-Regolament 2018/1999, il-pagamenti addizzjonali mill-Istati Membri, li jiffinanzjaw partiti speċifiċi ta’ nefqa, bħall-appoġġ għal proġetti ġodda tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġu ttrattati bħala dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi trasparenza fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dħul assenjat estern permezz ta’ rappurtar regolari lill-Istati Membri.

(11)

Il-finanzjament tal-Unjoni taħt il-mekkaniżmu jista’ jiġi kkombinat ma’ finanzjament minn programmi oħra tal-Unjoni fejn dan ikun previst fl-att bażiku rilevanti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fih.

(12)

Il-koordinazzjoni mal-istrumenti u l-fondi jew il-programmi ta’ appoġġ għall-investiment tal-Unjoni kif ukoll it-taħlit ta’ operazzjonijiet taħt l-istrument ta’ appoġġ għall-investiment tal-Unjoni jistgħu jintużaw biex jiffaċilitaw l-ilħuq tal-objettivi tal-mekkaniżmu, b’mod partikolari billi jippermettu t-tnaqqis tal-kost tal-kapital fl-Istati Membri ospitanti, b’hekk jiġi inċentivat l-investiment fi proġetti tal-enerġija rinnovabbli.

(13)

Il-koordinazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni u nazzjonali għal proġetti ġodda tal-enerġija rinnovabbli tista’ tiddependi fuq l-iskeda fit-tul ippubblikata skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(14)

Il-kontribuzzjonijiet mis-settur privat jista’ jkollhom rwol importanti fil-finanzjament tal-mekkaniżmu u fit-trawwim tal-adozzjoni ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli taħt dan il-mekkaniżmu. Dawk il-kontribuzzjonijiet jenħtieġ li jgħoddu bħala żieda mal-mira vinkolanti tal-Unjoni ta’ mill-inqas 32 %. Għalhekk, il-kontribuzzjonijiet tas-settur privat jistgħu jġibu valur miżjud u jiżguraw addizzjonalità tal-proġetti. Għalhekk, biex tiżdied it-trasparenza ta’ tali addizzjonalità, l-enerġija rinnovabbli ġġenerata minn proġetti li jirċievu appoġġ minn kontribuzzjonijiet tas-settur privat tista’ tkun marbuta mat-tikketta ekoloġika għall-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 19(13) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, konsistenti mat-tassonomija finanzjarja sostenibbli. Biex jingħata inċentiv għall-kontribuzzjonijiet tas-settur privat, l-entità privata li tikkontribwixxi għall-mekkaniżmu tista’ titlob li tirċievi l-garanziji tal-oriġini għall-produzzjoni tal-enerġija li jikkorrispondu għall-kontribuzzjoni tagħha u li jistgħu jinħarġu għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u soġġett għal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

(15)

Ir-Regolament (UE) 2018/1999 jipprevedi appoġġ mill-mekkaniżmu fil-forma ta’ primjums addizzjonali għall-prezzijiet tas-suq, fost oħrajn. Is-sejħa għall-offerti u l-offerti msemmija fl-Artikolu 33 ta’ dak ir-Regolament se jiġu implimentati permezz ta’ appoġġ finanzjarju mill-mekkaniżmu fil-forma ta’ għotjiet.

(16)

Il-mekkaniżmu jenħtieġ li jagħmel disponibbli b’mod tempestiv riżorsi finanzjarji adegwati għall-proġetti mogħtija, li jistgħu jinkludu l-iżborż tal-appoġġ għall-investiment bil-quddiem jew fuq il-bażi tal-ilħuq ta’ stadji importanti.

(17)

Barra minn hekk, skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, il-mekkaniżmu jista’ jipprovdi appoġġ fil-forma ta’ strumenti finanzjarji, bħal self b’imgħax baxx. Sabiex jiġu implimentati dawk l-istrumenti finanzjarji u fl-istess ħin tiġi żgurata l-konsistenza mal-isforzi biex jiġu ssimplifikati l-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, huwa xieraq li tali appoġġ jiġi pprovdut permezz ta’ strumenti jew programmi oħra tal-Unjoni. L-effettività tal-infiq tal-appoġġ tista’ tittejjeb billi jiġu kkombinati forom ta’ appoġġ li jitħallsu lura u forom ta’ appoġġ li ma jistgħux jitħallsu lura, pereżempju permezz ta’ kontribuzzjonijiet għal operazzjonijiet ta’ taħlit taħt l-istrument ta’ appoġġ għall-investiment tal-Unjoni.

(18)

Il-mekkaniżmu jenħtieġ li jalloka l-appoġġ permezz ta’ sejħiet kompetittivi għal proposti għal proġetti ġodda ta’ enerġija rinnovabbli, fejn it-teknoloġiji kollha definiti bħala teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 jenħtieġ li ikunu eliġibbli għal appoġġ skont il-mekkaniżmu ta’ finanzjament. Il-ħżin tal-enerġija jista’ jkun eliġibbli għall-appoġġ mill-mekkaniżmu biss meta jintuża flimkien ma’ kapaċità ġdida ta’ enerġija rinnovabbli. Il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli appoġġati mill-mekkaniżmu jenħtieġ li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali u jenħtieġ li jirrispettaw bis-sħiħ il-liġi internazzjonali.

(19)

Il-Kummissjoni, abbażi tal-preferenzi espressi mill-Istati Membri ospitanti u kontribwenti jenħtieġ li tkun tista’, f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, tillimita l-proċeduri għall-għoti ta’ għotjiet għal teknoloġiji speċifiċi fejn il-ftuħ tal-appoġġ lill-produtturi kollha tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli jwassal għal riżultat subottimali, b’mod partikolari fir-rigward tal-elettriku.

(20)

Il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u abbażi tal-preferenzi espressi mill-Istati Membri ospitanti u kontribwenti, torganizza proċeduri speċifiċi għall-għoti ta’ għotjiet li għandhom l-għan li jappoġġaw proġetti fuq skala żgħira jew proġetti innovattivi, li jinkludu proġetti fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u fi gżejjer iżolati jew żgħar, bħala parti mill-kontribut tal-mekkaniżmu għall-qafas ta’ abilitazzjoni.

(21)

Il-proċedura għall-għoti tal-mekkaniżmu jenħtieġ li tiżgura kompetizzjoni suffiċjenti sabiex l-applikanti jkunu jistgħu jiżvelaw l-ispejjeż reali tagħhom u jevitaw imġiba kollużiva, jimminimizzaw l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għall-Kummissjoni u għall-applikanti u jżidu l-probabbiltà li l-applikant rebbieħ jistabbilixxi proġetti ġodda ta’ enerġija rinnovabbli.

(22)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999, l-appoġġ għal proġetti ffinanzjati mill-pagamenti volontarji tal-Istati Membri maħtura mill-Istat Membru biex jimtela l-vojt fit-trajettorja indikattiva nazzjonali tiegħu, jenħtieġ li jiġi allokat għal proġetti li joffru l-inqas spiża jew primjum. Kriterji oħrajn għall-għoti, kif ukoll kriterji tal-eliġibbiltà jew tal-għażla, jistgħu jiġu stabbiliti għal proġetti taħt il-funzjoni ta’ abilitazzjoni tal-mekkaniżmu, inkluż fir-rigward tal-impatt ambjentali tal-proġetti.

(23)

L-iżborż tal-appoġġ tal-mekkaniżmu jenħtieġ li jkun marbut ukoll ma’ żidiet ivverifikati tal-kapaċitajiet tal-enerġija rinnovabbli jew tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-elettriku, fit-tisħin u fit-tkessiħ, jew fis-setturi tat-trasport li jingħataw mill-proġetti li jingħataw għotjiet mill-mekkaniżmu. Tali riżultati jenħtieġ li jiġu speċifikati fil-ftehim ta’ għotja u prestazzjoni baxxa b’mod sostanzjali meta mqabbla ma’ żidiet ippjanati fil-kapaċitajiet (kW) jew fl-enerġija mogħtija, kif stabbilit fil-ftehim ta’ għotja, jistgħu jwasslu għall-użu tad-dispożizzjonijiet rilevanti li jirregolaw is-sospensjoni, it-terminazzjoni u t-tnaqqis fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 mill-awtorità awtorizzanti.

(24)

Il-mekkaniżmu jenħtieġ li jiġi implimentat f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u prestazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. B’mod partikolari, il-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li, fejn jiġu implimentati l-attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti, pereżempju, permezz ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, frodi jew ksur ta’ obbligi, bl-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament.

(25)

Fejn proċedura għall-għoti a’ għotjiet ma tirnexxix, jixraq li l-Kummissjoni toffri lill-Istat Membru kontribwenti l-possibbiltà li jew jirkupra l-ammont li jkun ikkontribwixxa jew li jistenna li l-Kummissjoni torganizza sejħa ġdida, minħabba li l-fondi tal-mekkaniżmu li jikkwalifikaw bħala dħul assenjat estern jistgħu jiġu riportati awtomatikament. Għal dak il-għan, jenħtieġ li titwaqqaf sistema ta’ kontabilità xierqa. F’każ li l-Istat Membru jistenna lill-Kummissjoni torganizza sejħa ġdida, jenħtieġ li jitqies li jkun ħa miżuri addizzjonali skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) 2018/1999 sakemm tiġi organizzata sejħa ġdida.

(26)

Fil-każ li l-applikant jonqos milli jimplimenta l-proġett u sabiex jitħarsu l-aspettattivi leġittimi tal-Istati Membri, huwa xieraq li l-Istati Membri li jipparteċipaw fi proġett li l-applikant ikun naqas milli jimplimentah, ikunu meqjusa li jkunu ħadu miżuri addizzjonali skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) 2018/1999 għal ammont ta’ enerġija kkalkulat u li jkun ingħata kont tiegħu separatament mill-Kummissjoni abbażi tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni mistennija, il-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa minn dan l-Istat Membru, u l-prezzijiet massimi applikabbli għas-sejħa li dan l-Istat Membru impenja ruħu li jipparteċipa fiha, għall-perjodu li matulu l-proġett kien jagħti lok għal benefiċċji statistiċi skont l-Artikolu 27(2). Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-mira tal-enerġija rinnovabbli għall-Unjoni għall-2030 ta’ mill-inqas 32 % skont id-Direttiva (UE) 2018/2001.

(27)

Fir-rigward tal-proċeduri għall-għoti ta’ għotjiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li timplimenta l-mekkaniżmu ta’ finanzjament direttament jew permezz ta’ aġenzija eżekuttiva. F’konformità mal-Artikolu 69 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tiddelega, kif xieraq, kompiti speċifiċi ta’ implimentazzjoni lil aġenzija eżekuttiva, bħat-tħejjija tas-sejħiet għal proposti, il-proċedura ta’ evalwazzjoni, il-ġestjoni kuntrattwali tal-għotjiet, u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġett. Fir-rigward tal-appoġġ fi kwalunkwe forma stabbilita fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għajr l-għotjiet, dan se jiġi implimentat permezz ta’ strumenti jew programmi oħra tal-Unjoni billi jiġu fdati l-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit.

(28)

Skont l-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) 2018/1999, l-Istati Membri ospitanti jżommu d-dritt li jiddeċiedu jekk jippermettux li l-installazzjonijiet li jinsabu fit-territorju tagħhom jirċievu appoġġ mill-mekkaniżmu, u jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet isir dan. F’konformità ma’ din id-dispożizzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri ospitanti jitħallew jesprimu preferenzi fir-rigward tas-sejħiet għal proposti li jenħtieġ li jitwettqu mill-mekkaniżmu dment li dawn ikunu relatati mal-implimentazzjoni tal-proġett fit-territorju tagħhom, inkluż fir-rigward tal-impatt ambjentali tal-proġetti.

(29)

Meta jiġi kkunsidrat l-objettiv doppju tal-mekkaniżmu, li minn naħa waħda bħala li jimla l-lakuni fil-kuntest tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) 2018/1999 u, li min-naħa l-oħra jappoġġa l-qafas ta’ abilitazzjoni skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu.

(30)

L-enerġija rinnovabbli ġġenerata kull sena minn installazzjonijiet li rċevew appoġġ finanzjarju li ma jistax jitħallas lura mill-mekkaniżmu ta’ finanzjament jenħtieġ li tiġi attribwita statistikament lill-Istati Membri parteċipanti b’mod li tirrifletti l-kontribuzzjonijiet finanzjarji relattivi kif ukoll id-distribuzzjoni tal-benefiċċji statistiċi bejn l-Istati Membri kontribwenti u dawk ospitanti stabbiliti fis-sejħa partikolari għal proposti. L-enerġija rinnovabbli attribwita statistikament jenħtieġ li tiġi inkluża fil-kalkolu tas-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli tal-Istati Membri parteċipanti skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Għall-perjodu bejn l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja għal proġett u l-bidu tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli ta’ dak il-proġett, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jitqiesu li jkunu ħadu miżuri addizzjonali skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) 2018/1999 għal ammont ta’ enerġija kkalkulat abbażi tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni mistennija ta’ dak il-proġett, il-kontribuzzjoni finanzjarja rispettiva u l-prezzijiet massimi applikabbli għas-sejħa għal proposti. Wara dan il-perjodu, l-Istati Membri jenħtieġ li jitqiesu li jkunu ħadu miżuri addizzjonali skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) 2018/1999 għall-enerġija attwali ġġenerata. L-enerġija rinnovabbli prodotta minn installazzjonijiet li kienu ffinanzjati esklussivament minn sorsi għajr il-pagamenti tal-Istati Membri jenħtieġ li ma tgħoddx statistikament mal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri iżda mal-mira tal-Unjoni ta’ mill-inqas 32 % fil-konsum finali tal-enerġija sal-2030.

(31)

Għalhekk, kemm l-Istati Membri kontribwenti kif ukoll dawk ospitanti għandhom inċentivi wiesgħa biex jipparteċipaw fil-mekkaniżmu, u għalhekk, jenħtieġ li jibbenefikaw mill-allokazzjoni tal-benefiċċji statistiċi. Fir-rigward tal-Istati Membri kontribwenti, il-mekkaniżmu jenħtieġ li joffrilhom il-possibbiltà li jirċievu allokazzjoni tal-enerġija rinnovabbli għal kull euro mħallas, li jibbenefikaw minn iffrankar tal-kostijiet u minn potenzjal għal enerġija rinnovabbli bi prezz irħis fis-setturi kollha meta mqabbla mal-użu purament nazzjonali ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li jibbenefikaw minn spejjeż tat-tranżazzjonijiet baxxi. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu jenħtieġ li jiffaċilita l-konformità mal-mira bażi tagħhom għall-2020 għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

(32)

Il-mekkaniżmu jenħtieġ li jippermetti lill-Istati Membri ospitanti jiksbu għadd ta’ vantaġġi potenzjalment bla spejjeż, jibbenefikaw mill-investiment lokali u l-ħolqien tal-impjiegi, jibbenefikaw minn tnaqqis tal-gassijiet serra u kwalità tal-arja mtejba, jimmodernizzaw is-sistemi tal-enerġija nazzjonali tagħhom u jnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet. Barra minn hekk, l-Istati Membri ospitanti jenħtieġ li jirċievu benefiċċji statistiċi relatati mal-kostijiet li jiġġenera l-proġett attwali, pereżempju l-kostijiet tan-network. Sabiex dawn l-kostijiet jiġu koperti, huwa ġġustifikat li dawn il-benefiċċji statistiċi jenħtieġ li jaslu għand l-Istati Membri ospitanti wkoll fil-każ li l-installazzjoni tkun ġiet iffinanzjata minn sorsi oħra għajr il-pagamenti tal-Istati Membri.

(33)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Unjoni tal-Enerġija imwaqqaf permezz tal-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2018/1999,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni (“il-mekkaniżmu”).

Artikolu 2

Objettivi

1.   Il-mekkaniżmu jappoġġa l-użu tal-enerġija rinnovabbli madwar l-Unjoni.

2.   Għal dak il-għan, il-mekkaniżmu għandu jissodisfa ż-żewġ funzjonijiet li ġejjin:

(a)

jipprovdi appoġġ għal proġetti ġodda tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni bil-għan li jimla vojt fit-trajettorja indikattiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) 2018/1999 (il-“funzjoni tal-mili tal-vojt”);

(b)

jikkontribwixxi għall-qafas ta’ abilitazzjoni skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999 u b’hekk jappoġġa l-użu tal-enerġija rinnovabbli madwar l-Unjoni irrispettivament minn vojt fit-trajettorja indikattiva tal-Unjoni (il-“funzjoni ta’ abilitazzjoni”).

3.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-mekkaniżmu għandu jalloka r-riżorsi tiegħu biex jappoġġa l-użu tal-enerġija rinnovabbli madwar l-Unjoni skont ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament mingħajr distinzjoni bejn iż-żewġ funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“mekkaniżmu” tfisser il-mekkaniżmu tal-Unjoni għall-finanzjament tal-enerġija rinnovabbli msemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1999;

(2)

“funzjonijiet tal-mekkaniżmu” tfisser kemm il-funzjoni tal-mili tal-lakuni kif ukoll il-funzjoni ta’ abilitazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni;

(3)

“Stat Membru kontribwenti” tfisser Stat Membru li jagħmel pagament dirett fil-mekkaniżmu skont l-Artikolu 33(1) jew (2) tar-Regolament (UE) 2018/1999;

(4)

“Stat Membru ospitanti” tfisser Stat Membru li jippermetti li installazzjonijiet fiżiċi għall-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli ffinanzjata mill-mekkaniżmu jiġu installati fit-territorju tiegħu;

(5)

“Stati Membri parteċipanti” tfisser kemm l-Istati Membri kontribwenti kif ukoll l-Istati Membri ospitanti;

(6)

“promotur ta’ proġetti” tfisser persuna jew entità li tiżviluppa proġett tal-enerġija rinnovabbli;

(7)

“fondi tal-Unjoni” tfisser kwalunkwe forma ta’ appoġġ finanzjarju tal-Unjoni, inklużi strumenti u fondi ta’ appoġġ għall-investiment jew programmi li jipprevedu strumenti finanzjarji tal-Unjoni, kemm jekk ikun parti mill-baġit tal-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk le;

(8)

“pagament finanzjarju volontarju” tfisser pagament magħmul mill-Istati Membri għall-funzjoni tal-mili tal-lakuni skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) 2018/1999;

(9)

“pagamenti addizzjonali” tfisser pagamenti magħmula direttament mill-Istati Membri għall-funzjoni ta’ abilitazzjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999;

(10)

“pagament” tfisser kemm pagament addizzjonali kif ukoll pagament finanzjarju volontarju;

(11)

“koordinazzjoni” tfisser koordinazzjoni bejn il-mekkaniżmu ta’ finanzjament u kwalunkwe strument ta’ finanzjament tal-Unjoni jew nazzjonali ieħor skont l-Artikolu 24;

(12)

“operazzjoni ta’ taħlit” tfisser operazzjoni appoġġata mill-baġit tal-UE li tikkombina forom ta’ appoġġ li mhumiex rimborsabbli u/jew appoġġ rimborsabbli mill-baġit tal-Unjoni ma’ forom ta’ appoġġ rimborsabbli minn istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet oħra tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll minn istituzzjonijiet tal-finanzjament kummerċjali u tal-investituri;

(13)

“limitu massimu tal-prezz” tfisser il-prezz massimu għal kull kWh jew kW li jista’ jingħata f’sejħa speċifika u li jekk jinqabeż l-applikazzjonijiet jiġu esklużi mill-proċedura għall-għoti ta’ għotjiet;

(14)

“enerġija minn sorsi rinnovabbli” jew “enerġija rinnovabbli” għandha l-istess tifsira attribwita lill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(15)

“unità addizzjonali” tfisser ammont definit ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni (kW) jew enerġija ġġenerata (kWh) skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 li jista’ jiġi attribwit għall-implimentazzjoni unika tal-appoġġ ipprovdut mill-mekkaniżmu;

(16)

“ipprezzar skont l-offerta” tfisser proċedura għall-għoti ta’ għotjiet fejn l-applikanti jingħataw appoġġ ta’ għotja li jikkorrispondi għall-prezz għal kull unità addizzjonali offruta fl-applikazzjoni tagħhom;

(17)

“ipprezzar uniformi” tfisser proċedura għall-għoti ta’ għotjiet fejn l-applikanti jingħataw appoġġ ta’ għotja li jikkorrispondi għall-prezz għal kull unità addizzjonali stabbilit fil-punt ta’ approvazzjoni tal-proċedura għall-għoti;

(18)

“primjum varjabbli” tfisser appoġġ operazzjonali fil-forma ta’ primjum għal kull kWh ikkalkulat bħala d-differenza bejn prezz medju bl-ingrossa fiż-żona tal-prezz fejn tinsab l-installazzjoni u l-prezz iddeterminat mill-proċedura għall-għoti ta’ għotjiet;

(19)

“primjum fiss” tfisser appoġġ operazzjonali fil-forma ta’ primjum għal kull kWh addizzjonali għall-prezz tas-suq, li l-ammont tiegħu jiġi ddeterminat mill-proċedura għall-għoti ta’ għotjiet;

(20)

“appoġġ għall-investiment” tfisser pagamenti mill-mekkaniżmu relatati mal-installazzjoni ta’ kapaċità għal unitajiet addizzjonali għal kull kW;

(21)

“appoġġ operazzjonali” tfisser kontribuzzjonijiet mill-mekkaniżmu li huma relatati mal-operazzjonijiet kontinwi ta’ impriża u li jitħallsu għal kull unità addizzjonali ta’ kWh iġġenerata.

Artikolu 4

Sorsi ta’ finanzjament

1.   Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1999, l-azzjonijiet taħt il-mekkaniżmu jistgħu jiġu ffinanzjati minn pagamenti mill-Istati Membri, fondi tal-Unjoni, jew kontribuzzjonijiet mis-settur privat.

2.   Il-mekkaniżmu jista’ jirċievi pagamenti volontarji mill-Istati Membri skont l-Artikolu 32(3)(d) tar-Regolament (UE) 2018/1999 jew pagamenti addizzjonali mill-Istati Membri skont l-Artikolu 33(2)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1999.

3.   Il-mekkaniżmu jista’ jirċievi kontribuzzjonijiet tal-baġit minn programmi oħra tal-Unjoni skont l-atti bażiċi applikabbli. Fejn dawn l-atti bażiċi applikabbli jipprevedu dan, dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jintużaw b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari sabiex jikkontribwixxu għall-qafas ta’ abilitazzjoni skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi għal liema sejħiet jintużaw dawn il-kontribuzzjonijiet.

4.   Il-mekkaniżmu jista’ jirċievi kontribuzzjonijiet mis-settur privat minn kwalunkwe entità privata, kemm jekk hi persuna fiżika jew ġuridika. Qabel ma tagħti l-kontribut tagħha għall-mekkaniżmu, l-entità privata tista’ tindika preferenza għas-sejħa għal proposti li għaliha huwa maħsub il-pagament tagħha, jew għat-tip ta’ teknoloġija jew użu finali li hija lesta li tappoġġa, mingħajr ma tfixkel il-kompetizzjoni tas-suq, u tista’ titlob li tirċievi l-garanziji tal-oriġini li jistgħu jinħarġu għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni tista’ tqis dik il-preferenza, li ma torbotx lill-Kummissjoni. Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi informazzjoni dwar l-elementi finali tas-sejħa għal proposti, l-entità privata għandha tagħmel il-kontribuzzjoni tagħha għall-mekkaniżmu.

Artikolu 5

Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament

1.   Il-mekkaniżmu għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta skont ir-Regolament Finanzjarju jew b’ġestjoni indiretta flimkien ma’ korpi msemmija fl-Artikolu 62(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   F’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1999, il-mekkaniżmu għandu jissodisfa l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 billi jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, inklużi l-għotjiet. Huwa jista’ jipprovdi wkoll finanzjament fil-forma ta’ strumenti finanzjarji fi ħdan operazzjonijiet ta’ taħlit.

3.   Il-mekkaniżmu jista’ jissodisfa l-objettivi tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 2 ukoll billi jalloka l-appoġġ finanzjarju f’koordinazzjoni ma’ strumenti oħra u ma’ programmi tal-Unjoni kif previst fil-Kapitolu III.

Artikolu 6

Il-kontribut tal-mekkaniżmu għall-qafas ta’ abilitazzjoni

1.   Il-mekkaniżmu għandu jikkontribwixxi għall-qafas ta’ abilitazzjoni skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, fost l-oħrajn bil-għan li jitnaqqas il-kost tal-kapital għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli u tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Għal dan il-għan:

(a)

il-Kummissjoni tista’ talloka fondi tal-Unjoni rċevuti skont l-Artikolu 4(3);

(b)

l-appoġġ allokat mill-mekkaniżmu jista’ jiġi kkoordinat ma’ finanzjament minn programmi u/jew minn strumenti nazzjonali jew tal-Unjoni oħrajn skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Meta l-mekkaniżmu jipprovdi appoġġ bħala parti mill-kontribuzzjoni għall-qafas ta’ abilitazzjoni, il-prinċipji tal-proċedura għall-għoti ta’ għotjiet għandhom jiġu applikati kif xieraq skont l-Artikolu 15(4) u kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU II

APPOĠĠ MHUX RIMBORSABBLI FIL-FORMA TA’ GĦOTJIET

TAQSIMA I

L-espressjoni ta’ interess mill-Istati Membri u l-Proċedura ta’ Għoti tal-Għotjiet

Artikolu 7

Espressjoni ta’ interess mill-Istati Membri

1.   Kull sena, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri biex jesprimu l-interess tagħhom li jipparteċipaw bħala Stat Membru kontribwenti u/jew ospitanti fil-proċeduri għall-għoti ta’ għotjiet organizzati mill-mekkaniżmu u għandha taqsam mal-Istati Membri kalendarju indikattiv li jkopri l-passi proċedurali mill-espressjoni ta’ interess għas-sejħiet għal proposti, kif ukoll indikazzjoni ta’ meta l-Kummissjoni beħsiebha torganizza s-sejħa li jmiss għall-espressjoni ta’ interess.

2.   L-Istati Membri interessati li jipparteċipaw bħala Stat Membru ospitanti, u, fejn rilevanti, pajjiżi terzi f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kapaċità jew l-enerġija rinnovabbli totali massima ġġenerata fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti disponibbli għal proġetti appoġġati mill-mekkaniżmu, inkluż għal kull teknoloġija u sena, fejn applikabbli;

(b)

it-teknoloġiji ppreferuti jew is-setturi tal-użu finali;

(c)

il-kapaċità jew l-enerġija rinnovabbli massima ġġenerata minn proġetti, għal kull teknoloġija, fejn applikabbli;

(d)

kwalunkwe restrizzjonijiet fuq is-sit jew restrizzjonijiet ġeografiċi, fejn applikabbli;

(e)

is-sehem minimu mitlub tal-benefiċċji statistiċi li għandhom jitqassmu lil Stat Membru ospitanti skont l-Artikolu 27, għal kull teknoloġija fejn applikabbli, inkluż stima tal-kost tal-integrazzjoni tas-sistema;

(f)

l-indikazzjoni għal kull teknoloġija tar-reġim regolatorju nazzjonali applikabbli għall-promoturi tal-proġetti fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-kostijiet tal-grids;

(g)

kwalunkwe preferenza jew restrizzjoni oħra, inkluż kriterji ambjentali, appoġġati minn spjegazzjoni.

3.   L-Istati Membri interessati li jipparteċipaw bħala Stat Membru kontribwenti għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-volumi ta’ enerġija rinnovabbli ġġenerata, espressi f’termini ta’ kWh, li beħsiebhom jappoġġaw permezz tal-mekkaniżmu u jibbenefikaw minnha f’termini ta’ allokazzjoni statistika;

(b)

il-baġit massimu indikattiv għal kull kWh/kW li huma disponibbli biex iqassmu għall-benefiċċju tal-istatistika tagħhom;

(c)

il-kontribuzzjoni finanzjarja massima maħsuba f’EUR għall-mekkaniżmu ta’ finanzjament għal kull proċedura għall-għoti ta’ għotjiet;

(d)

preferenza għal proċeduri għall-għoti ta’ għotjiet newtrali fir-rigward tat-teknoloġija, ta’ diversi teknoloġiji, speċifiċi għat-teknoloġija, speċifiċi għal proġett jew speċifiċi għall-użu finali, skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(e)

is-sehem minimu mitlub tal-benefiċċji statistiċi li jridu jitqassmu lilhom skont l-Artikolu 27, għal kull teknoloġija jekk applikabbli;

(f)

preferenzi oħrajn rilevanti għall-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom, inkluż kriterji ambjentali.

4.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni ma għandha tippubblika l-ebda informazzjoni pprovduta minn Stat Membru bħala parti mill-espressjoni ta’ interess, ħlief fejn ikun espressament awtorizzat mill-Istat Membru kkonċernat.

5.   Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri ospitanti u kontribwenti skont dan l-Artikolu bl-għan li tfassal is-sejħiet għal proposti u b’mod partikolari:

(a)

l-objettivi tas-sejħa;

(b)

il-forma ta’ għotjiet (investiment jew appoġġ operazzjonali);

(c)

l-enerġija rinnovabbli ġġenerata matul il-perjodu ta’ appoġġ jew il-kapaċità (kWh jew kW) li fuqha se jkun ibbażat l-għoti;

(d)

it-teknoloġiji eliġibbli;

(e)

il-prezz massimu;

(f)

ir-restrizzjonijiet fuq is-sit, ġeografiċi u regolatorji u l-kriterji ambjentali;

(g)

il-perjodu ta’ twettiq tal-proġetti;

(h)

id-distribuzzjoni tal-benefiċċji statistiċi bejn l-Istati Membri kontribwenti u dawk ospitanti;

(i)

il-kriterji għall-għoti għall-appoġġ finanzjarju.

6.   Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-limitu massimu tal-prezz msemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu abbażi, fost l-oħrajn, tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri matul l-espressjoni ta’ interess, il-paragunaturi rilevanti bħar-riżultati ta’ sejħiet preċedenti, studji tal-ispejjeż, kif ukoll riżultati mill-eżerċizzji ta’ mmudellar fejn xieraq. Il-kalkolu se jqis l-ispiża livellata tal-enerġija tat-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli, aġġustata fuq bażi regolari.

7.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri l-intenzjoni tagħha li tniedi sejħa għall-proposti u l-elementi previsti msemmija fiż-żewġ paragrafi preċedenti qabel it-tnedija tas-sejħa.

8.   L-Istati Membri jistgħu jesprimu fehmiet dwar l-informazzjoni notifikata mill-Kummissjoni skont il-paragrafu preċedenti. Wara r-reviżjoni ta’ dawn il-kummenti fl-isfond tal-objettivi tal-mekkaniżmu, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri l-elementi finali msemmija fil-paragrafi 5 u 6.

Artikolu 8

Impenji vinkolanti mill-Istati Membri ospitanti

1.   L-Istati Membri ospitanti għandhom jikkonfermaw lill-Kummissjoni l-impenn irrevokabbli u mingħajr kundizzjoni tagħhom li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu bl-għan li jippermettu lil installazzjonijiet li jkunu jinsabu fit-territorju tagħhom li jirċievu appoġġ taħt il-mekkaniżmu f’konformità mar-reġim regolatorju nazzjonali fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(8). Dak l-impenn għandu jkun vinkolanti.

2.   Fir-rigward tar-rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati mill-proġetti fit-territorju tagħhom sabiex jirċievu appoġġ taħt il-mekkaniżmu, l-Istati Membri ospitanti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kapaċità massima fit-territorju tal-Istati Membri ospitanti disponibbli għal proġetti appoġġjati mill-mekkaniżmu, inkluż għal kull teknoloġija u sena, fejn applikabbli);

(b)

l-enerġija rinnovabbli massima ġġenerata mill-proġetti u r-restrizzjonijiet fuq is-sit, fejn applikabbli;

(c)

ir-reġim nazzjonali applikabbli għall-promoturi tal-proġetti fir-rigward tal-kostijiet sostnuti tal-grid;

(d)

elementi rilevanti oħra.

3.   Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu meta tkun qed tfassal il-proċedura għall-għoti ta’ għotjiet.

4.   L-Istat Membru ospitanti li jikkonferma l-impenn tiegħu għandu jipprovdi lill-Kummissjoni l-għajnuna amministrattiva meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu, b’mod partikolari għall-finijiet tar-rappurtar tal-kwantità ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli prodotta minn proġetti li jirċievu appoġġ mhux rimborsabbli mill-mekkaniżmu, li jinsabu fl-Istat Membru ospitanti.

5.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu japplikaw għal pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu u fil-proġetti ta’ ospitalità kif meħtieġ.

Artikolu 9

Komunikazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet mill-Kummissjoni

Abbażi tal-impenji vinkolanti tal-Istati Membri ospitanti u permezz tal-approċċ imsemmi fl-Artikolu 7(6), il-Kummissjoni għandha tiddetermina u tikkomunika lill-Istati Membri parteċipanti prezz massimu u baġit massimu disponibbli f’EUR għal kull sejħa għal proposta, kif ukoll indikazzjoni dwar l-għażliet għall-Istat Membru fil-każ li r-riżultat tas-sejħa għal proposti jkun taħt il-prezz massimu.

Artikolu 10

Impenji vinkolanti mill-Istati Membri kontribwenti

L-Istati Membri kontribwenti għandhom jikkonfermaw lill-Kummissjoni l-impenn irrevokabbli u mingħajr kundizzjoni tagħhom li jipprovdu pagamenti lill-mekkaniżmu fir-rigward ta’ sejħa waħda jew ta’ diversi sejħiet għal proposti fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu l-komunikazzjoni tal-prezzijiet massimi msemmija fl-Artikolu 9. L-impenn mill-Istat Membru kontribwenti għandu jkun vinkolanti u għandu, mill-inqas, ikopri l-elementi li ġejjin fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet magħmula għall-mekkaniżmu:

(a)

il-volum tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Istat Membru (EUR) għal kull proċedura għall-għoti ta’ għotjiet, jew il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli li l-Istat Membru se jappoġġja u jibbenefika minnha f’termini ta’ allokazzjoni statistika, espressa f’kW jew kWh, skont il-prezz massimu finali, flimkien ma’ baġit massimu disponibbli f’EUR;

(b)

it-twaqqit tal-pagamenti;

(c)

indikazzjoni dwar jekk il-pagament isirx skont il-paragrafu (1) jew (2) tal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1999;

(d)

id-distribuzzjoni tal-benefiċċji statistiċi bejn l-Istati Membri kontribwenti u dawk ospitanti.

Artikolu 11

Sejħa għal proposti

1.   Abbażi tal-impenji vinkolanti mill-Istati Membri ospitanti u, fejn rilevanti, il-pajjiżi terzi, u l-impenji vinkolanti mill-Istati Membri kontribwenti, il-Kummissjoni għandha tniedi s-sejħa jew is-sejħiet għal proposti fi żmien xieraq. Il-Kummissjoni tista’ tniedi diversi sejħiet fl-istess ħin, jew twettaq diversi proċeduri għall-għoti ta’ għotjiet taħt l-istess sejħa. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tiddeċiedi li ma tnedix sejħa għal proposti meta l-interess espress mill-Istati Membri kontribwenti u/jew mill-Istati Membri ospitanti jirriżulta f’volumi li huma baxxi wisq biex sejħa tiġi implimentata b’suċċess jew meta il-kostijiet tat-tranżazzjonijiet relatati jkunu eċċessivi, li għandhom jiġu vvalutati għal kull sejħa għal proposti partikolari.

2.   Is-sejħa għall-proposti għandha tiġi ppubblikata wara li l-pagamenti mill-Istati Membri jiġu trasferiti għall-baġit tal-Unjoni.

Artikolu 12

Proċedura ta’ evalwazzjoni

1.   Wara l-verifika tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-proposti ppreżentati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 200 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

2.   L-għotjiet jingħataw l-ewwel lill-applikazzjoni li toffri l-aktar prezz baxx u wara fl-ordni tal-irħas prezz sal-ogħla prezz, ħlief fejn jiġu applikati kriterji għall-għoti oħra skont l-Artikolu 21.

Artikolu 13

In-nuqqas tal-proċedura għall-għoti ta’ għotjiet

Fejn, wara pagament mill-Istat Membru kontribwenti fil-mekkaniżmu, il-proċedura tal-għoti ma tiġix konkluża, fost l-oħrajn, bħala riżultat ta’ ebda applikant xieraq li jwieġeb għas-sejħa għal proposti, il-Kummissjoni għandha toffri lill-Istat Membru kontribwenti bl-opportunità li jew jirkupra l-ammont li jkun ikkontribwixxa jew li jżomm il-kontribuzzjoni fil-mekkaniżmu li għandu jintuża f’sejħa għal proposti ġdida, li għaliha l-Istat Membru jkollu jikkonferma l-impenn tiegħu skont l-Artikolu 10.

Artikolu 14

Nuqqas mill-promotur tal-proġett li jimplimenta l-proġett

1.   Fejn il-promotur ta’ proġett jonqos milli jagħti riżultati skont is-sejħa għall-proposti u skont il-ftehim ta’ għotja rilevanti, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti li jirregolaw is-sospensjoni, it-terminazzjoni u t-tnaqqis fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

2.   Fejn skont il-paragrafu 1, il-proġett ma jipprovdix il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni mistennija jew il-volum ta’ enerġija rinnovabbli ġġenerata, il-benefiċċji statistiċi għall-Istati Membri għandhom jiġu attribwiti fuq il-bażi tal-kapaċità attwali pprovduta jew l-enerġija rinnovabbli ġġenerata. F’dan il-każ, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jitqiesu li jkunu ħadu miżuri addizzjonali skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) 2018/1999 għal ammont ta’ enerġija kkalkulat mill-Kummissjoni abbażi tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni mistennija, il-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa mill-Istat Membru, u l-prezzijiet massimi applikabbli għall-offerta li fiha l-Istat Membru impenja ruħu li jipparteċipa, għall-perjodu li matulu l-proġett kien jagħti lok għal benefiċċji statistiċi skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(2).

TAQSIMA II

It-tfassil tal-proċedura għall-għoti ta’ għotjiet

Artikolu 15

Il-prinċipji tal-proċedura għall-għoti ta’ għotjiet

1.   L-għotjiet għandhom jiġu allokati permezz ta’ sejħiet għal proposti u proċedura sussegwenti għall-għoti ta’ għotjiet.

2.   Fejn Stat Membru jikkontribwixxi għall-mekkaniżmu billi jagħmel pagament finanzjarju volontarju skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) 2018/1999, tali kontribuzzjoni tista’ tiġi allokata biss għal proġetti magħżula fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti li jkollha l-irħas prezz bħala l-uniku kriterju għall-għoti.

3.   Fejn Stat Membru jikkontribwixxi għall-mekkaniżmu billi jagħmel pagament addizzjonali skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, tali kontribuzzjoni tista’ tiġi allokata għal proġetti konġunti, proġetti konġunti ma’ pajjiżi terzi, skemi ta’ appoġġ konġunti, proġetti teknoloġiċi fuq skala żgħira jew innovattivi, proġetti fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u fi gżejjer iżolati jew żgħar, li jiżviluppaw proġetti għall-integrazzjoni ta’ sorsi rinnovabbli fis-sistema tal-enerġija jew proġetti oħra li jikkontribwixxu għall-qafas ta’ abilitazzjoni skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2018/2001.

4.   It-tfassil tal-proċedura għall-għoti għandu jikkonforma mal-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-iżgurar ta’ proċess kompetittiv fost l-applikazzjonijiet għall-għotjiet biex jinkiseb użu kosteffettiv tal-enerġija rinnovabbli;

(b)

il-mitigazzjoni tar-riskju finanzjarju għall-applikanti fil-proċeduri differenti għall-għoti ta’ għotjiet;

(c)

il-limitazzjoni tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għall-applikanti u l-Istati Membri kontribwenti.

Artikolu 16

L-ambitu tal-proċedura għall-għoti ta’ għotjiet

1.   L-allokazzjoni ta’ appoġġ fil-forma ta’ għotjiet għandha titwettaq permezz ta’ proċeduri għall-għoti ta’ għotjiet li jistgħu jkunu ta’ ambitu differenti, f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, kif ġej:

(a)

il-valutazzjoni tal-fattibbiltà ta’ proċeduri għall-għoti ta’ għotjiet newtrali fir-rigward tat-teknoloġija, li fihom it-teknoloġiji kollha skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 għandhom ikunu eliġibbli;

(b)

inkella, jiġi kkunsidrat l-użu ta’ proċeduri għall-għoti ta’ għotjiet ta’ diversi teknoloġiji, li fihom teknoloġiji speċifiċi biss skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 ikunu eliġibbli biex jikkompetu kontra xulxin;

(c)

proċeduri għall-għoti ta’ għotjiet speċifiċi għat-teknoloġija, li fihom teknoloġija speċifika waħda definita fid-Direttiva (UE) 2018/2001 għandha tkun eliġibbli;

(d)

proċeduri għall-għoti ta’ għotjiet speċifiċi għal proġett, li fihom l-iżviluppaturi ta’ proġett jikkompetu biex jiżviluppaw proġett identifikat minn qabel, li jistgħu jinkludu restrizzjonijiet għal teknoloġija speċifika u/jew għal sit speċifiku identifikat minn qabel mill-Istat Membru ospitanti;

(e)

proċeduri għall-għoti ta’ għotjiet speċifiċi għall-użu finali, li fihom huma eliġibbli biss proġetti mmirati għal użu finali speċifiku, bħat-tisħin u t-tkessiħ jew it-trasport.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ambitu tal-proċedura għall-għoti ta’ għotjiet, filwaqt li tqis il-preferenzi espressi mill-Istati Membri kontribwenti u ospitanti, l-iżvilupp tas-suq tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni u ċirkostanzi rilevanti oħra.

3.   Il-proċeduri għall-għoti ta’ għotjiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkunu miftuħin għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli fis-setturi tal-elettriku, tat-tisħin u tat-tkessiħ u tat-trasport sabiex jiġi esplorat il-potenzjal kosteffettiv u biex jitrawmu l-konverġenza u l-kooperazzjoni.

Artikolu 17

Il-forma u l-allokazzjoni tal-għotjiet

1.   Il-mekkaniżmu għandu jalloka għotjiet għal:

(a)

appoġġ għall-investiment mogħti biex tiżdied il-kapaċità għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

(b)

l-appoġġ operazzjonali mogħti biex jinċentiva t-tħaddim tal-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli billi jipprovdi primjums flimkien mad-dħul mis-suq, kemm fissi kif ukoll varjabbli.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fuq il-forma ta’ appoġġ għall-proġetti mogħtija, filwaqt li tqis il-preferenzi espressi mill-Istati Membri kontribwenti u ospitanti, l-iżvilupp tas-suq tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni u ċirkostanzi rilevanti oħra.

Artikolu 18

L-appoġġ għall-investiment

Fejn il-mekkaniżmu jipprovdi appoġġ għall-investiment, il-forma ta’ appoġġ, l-iżborż tiegħu u regoli speċifiċi oħra se jiġu stabbiliti fis-sejħa jew is-sejħiet għall-proposti rilevanti.

Artikolu 19

Appoġġ operazzjonali

Fejn il-mekkaniżmu jipprovdi appoġġ operattiv, dan jista’ jieħu l-forma ta’ primjum fiss jew primjum varjabbli. L-iżborż tiegħu u regoli speċifiċi oħra se jiġu stabbiliti fis-sejħa jew is-sejħiet għall-proposti rilevanti.

Artikolu 20

Il-kriterji tal-eliġibbiltà u l-għażla

Il-kriterji tal-eliġibbiltà u l-kriterji tal-għażla għandhom jiġu stabbiliti fis-sejħa għall-proposti b’kunsiderazzjoni xierqa għall-objettivi tal-azzjoni u f’konformità mal-Artikolu 197 u 198 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

Artikolu 21

Kriterji għall-għoti

1.   Il-kriterji għall-għoti għall-proposti għandhom jiġu stabbiliti fis-sejħa għal proposti u għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 15(2) fir-rigward tal-funzjoni tal-mili tal-lakuni u mal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 fir-rigward tal-funzjoni ta’ abilitazzjoni.

2.   Fir-rigward tal-funzjoni ta’ abilitazzjoni, il-kriterji għall-għoti għall-proposti għandhom jirriflettu sal-limitu possibbli l-preferenzi espressi mill-Istati Membri, b’mod partikolari dwar il-kriterji ambjentali.

3.   Għal proġetti ta’ dimostrazzjoni li jirrappreżentaw innovazzjoni sinifikanti, is-sejħa għal proposti tista’ tistabbilixxi kriterji għall-għoti speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ applikazzjonijiet fi proċedura għall-għoti ta’ għotjiet speċifika għat-teknoloġija jew proċedura ta’ għoti speċifika għal proġett.

Artikolu 22

L-oġġett u l-volum mogħti

1.   L-oġġett u l-volum li jingħata fil-proċedura għall-għoti ta’ għotjiet jistgħu jiġu ddefiniti f’termini ta’ kapaċità installata, f’kW jew produzzjoni tal-enerġija, f’kWh. Inkella, il-volum jista’ jiġi definit f’termini ta’ baġit, f’EUR, u l-kapaċità tal-produzzjoni jew l-enerġija ġġenerata tista’ tingħata sakemm jiġi eżawrit il-baġit.

2.   Fejn il-proċedura għall-għoti ta’ għotjiet tkun definita f’termini ta’ kapaċità jew ta’ enerġija rinnovabbli ġġenerata, din għandha tistabbilixxi volum fil-mira u l-appoġġ għandu jingħata lil proġetti li għandhom l-ogħla grad skont il-kriterji għall-għoti rilevanti sakemm jintlaħaq il-volum fil-mira.

3.   Fejn il-proċedura għall-għoti ta’ għotjiet tkun definita f’termini ta’ baġit, din għandha tistabbilixxi ammont massimu ta’ baġit li jingħata lil proġetti li jkollhom l-ogħla grad skont il-kriterji għall-għoti rilevanti sakemm dan il-baġit jintuża.

4.   Il-volumi tal-proċedura għall-għoti ta’ għotja kompetittiva għandhom jiġu definiti minn qabel il-proċedura u m’għandhomx jiġu adattati matul l-implimentazzjoni tal-proċedura.

Artikolu 23

Perjodi ta’ implimentazzjoni

1.   Il-perjodi ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu speċifiċi għat-teknoloġija u għandhom jirriflettu perjodi realistiċi ta’ twassil tal-proġett għal kull teknoloġija, filwaqt li fl-istess ħin jimmiraw lejn livell sinifikanti ta’ żvilupp minn qabel meħtieġ mill-offerenti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, fi proċeduri għall-għoti teknoloġikament newtrali jew proċeduri għall-għoti ta’ diversi teknoloġiji, il-perjodi ta’ implimentazzjoni jistgħu jkunu uniformi fit-teknoloġiji kollha sabiex jintgħażlu proġetti u teknoloġiji bl-inqas ħinijiet ta’ twassil mingħajr diskriminazzjoni ta’ ċerti teknoloġiji li jeħtieġu perjodi ta’ implimentazzjoni itwal.

3.   Il-perjodi ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu uniformi fl-Istati Membri kollha, sakemm il-Kummissjoni ma tikkonkludix, fuq il-bażi ta’ eżenzjonijiet iġġustifikati bħal biex jitnaqqsu l-iżvantaġġi sistematiċi għall-proġetti li jinsabu f’pajjiż speċifiku, li dawk il-perjodi ta’ implimentazzjoni speċifiċi għall-pajjiż huma xierqa.

KAPITOLU III

KOORDINAZZJONI TAL-APPOĠĠ

Artikolu 24

Il-finanzjament ikkombinat u l-koordinazzjoni tal-appoġġ bejn il-mekkaniżmu ta’ finanzjament u strumenti oħra tal-Unjoni jew nazzjonali

1.   Il-proġetti jistgħu jiġu ffinanzjati permezz ta’ finanzjament ikkombinat mill-mekkaniżmu u minn programmi u/jew strumenti oħra tal-Unjoni jew nazzjonali, pubbliċi jew privati, sakemm dawk il-mekkaniżmi pubbliċi nazzjonali jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, u l-istess kostijiet ma jiġux iffinanzjati darbtejn mill-baġit tal-Unjoni.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

(a)

il-mekkaniżmu jista’ jikkoordina l-programmi ta’ ħidma u l-proċedura għall-għoti tiegħu, inklużi l-iskeda u l-proċess tal-applikazzjoni u l-monitoraġġ, mal-programmi ta’ ħidma għal fondi oħra tal-Unjoni jew nazzjonali;

(b)

il-kombinazzjoni ta’ appoġġ mill-mekkaniżmu u minn strumenti jew programmi oħrajn tal-Unjoni ma għandhiex taqbeż il-kost totali tal-proġett;

(c)

proġett ma għandux jikkombina finanzjament mill-mekkaniżmu ma’ finanzjament minn skemi ta’ appoġġ ipprovduti mill-Istati Membri li jiffinanzjaw l-istess unitajiet addizzjonali;

(d)

is-somma tal-appoġġ rimborżabbli u ta’ dak mhux rimborżabbli għal proġett partikolari skont l-Artikolu 5(2), kemm jekk tal-Unjoni kif ukoll jekk nazzjonali, u kemm jekk pubbliku kif ukoll jekk privat, ma għandhiex taqbeż il-kost totali tal-proġett;

(e)

l-appoġġ rimborżabbli pagabbli mill-istrumenti jew mill-programmi tal-Unjoni għal proġett partikolari ma għandux jintuża għall-prefinanzjament ta’ għotja mill-mekkaniżmu għall-istess proġett;

(f)

għotja mill-mekkaniżmu għal proġett partikolari ma għandhiex tintuża biex jitħallas lura l-appoġġ rimborżabbli mill-istrumenti jew il-programmi tal-Unjoni għall-istess proġett.

KAPITOLU IV

PAGAMENTI MILL-ISTATI MEMBRI GĦALL-MEKKANIŻMU U L-ALLOKAZZJONI TA’ BENEFIĊĊJI STATISTIĊI

Artikolu 25

Pagamenti mill-Istati Membri kontribwenti

Abbażi tal-impenn vinkolanti tal-Istati Membri kontribwenti skont l-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha toħroġ noti ta’ debitu lill-Istat Membru kontribwenti. L-Istat Membru għandu jittrasferixxi l-ħlas lill-kont indikat fin-nota ta’ debitu fil-limitu ta’ żmien indikat fiha.

Artikolu 26

Allokazzjoni ta’ benefiċċji statistiċi lill-Istati Membri

1.   L-enerġija rinnovabbli ġġenerata minn proġetti li jirċievu appoġġ minn għotjiet iffinanzjati esklussivament minn pagamenti mill-Istati Membri permezz tal-mekkaniżmu għandha twassal għall-allokazzjoni ta’ benefiċċji statistiċi lill-Istati Membri parteċipanti, f’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, u skont it-termini stabbiliti fis-sejħa għall-proposti.

2.   L-enerġija rinnovabbli ġġenerata minn proġetti li jirċievu appoġġ minn għotjiet iffinanzjati permezz tal-mekkaniżmu esklużivament b’fondi li jirriżultaw minn fondi tal-Unjoni jew kontribuzzjonijiet privati ma għandhiex tiġi allokata statistikament lill-Istati Membri individwali, iżda għandha tgħodd għall-mira vinkolanti tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

3.   L-Istati Membri ospitanti għandhom jirċievu sehem mill-benefiċċji statistiċi mill-enerġija rinnovabbli ġġenerata minn proġetti li jinsabu fit-territorju tagħhom u għandhom jirċievu appoġġ minn għotjiet iffinanzjati minn sorsi oħra minbarra l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri skont il-funzjoni ta’ abilitazzjoni tal-mekkaniżmu. Id-distribuzzjoni tal-benefiċċji statistiċi lill-Istat Membru ospitanti għandha tiġi ddefinita skont l-Artikolu 27.

4.   Il-fondi tal-Unjoni jew il-kontribuzzjonijiet privati li jirriżultaw f’enerġija ġġenerata li tgħodd għall-mira vinkolanti tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 għandhom jiġu kkontabilizzati separatament mill-kontribuzzjoni kollettiva tal-Istati Membri.

5.   L-enerġija rinnovabbli ġġenerata minn proġetti li jirċievu appoġġ permezz ta’ għotjiet mill-mekkaniżmu ffinanzjat minn fondi li jirriżultaw minn pagamenti mill-Istati Membri, minn naħa waħda, u fondi tal-Unjoni jew kontribuzzjonijiet privati, min-naħa l-oħra, għandha tiġġenera benefiċċji statistiċi għall-Istati Membri kontribwenti sal-proporzjon iffinanzjat mill-pagamenti tal-Istati Membri u fit-termini stabbiliti fis-sejħa għall-proposti fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-benefiċċji statistiċi bejn l-Istati Membri kontribwenti u dawk ospitanti. Fir-rigward tal-benefiċċji statistiċi għall-Istati Membri ospitanti, għandu japplika l-paragrafu 3.

Artikolu 27

Id-distribuzzjoni tal-benefiċċji statistiċi bejn l-Istati Membri kontribwenti u dawk ospitanti

1.   L-enerġija rinnovabbli allokata lill-Istati Membri kontribwenti u lill-Istati Membri ospitanti għandha tkun l-enerġija rinnovabbli ġġenerata mill-installazzjonijiet appoġġati taħt sejħa speċifika għal proposti li jkunu pparteċipaw fiha l-Istati Membri.

2.   L-enerġija rinnovabbli ġġenerata minn installazzjonijiet appoġġati mill-mekkaniżmu għandha tiġġenera benefiċċji statistiċi għall-Istati Membri kontribwenti għal perjodu ta’ implimentazzjoni ddefinit fis-sejħiet għal proposti u kkomunikat lill-Istati Membri skont l-Artikolu 7(7) u 7(8), ikkalkulat fuq il-bażi tal-ħajja deprezzabbli jew ekonomika mistennija tat-teknoloġija sostnuta. Wara dak il-perjodu, il-benefiċċji statistiċi kollha għandhom jibqgħu għand l-Istati Membri ospitanti.

3.   Soġġett għall-paragrafu 2, l-enerġija rinnovabbli ġġenerata minn installazzjonijiet appoġġati mill-mekkaniżmu għandha tiġi allokata statistikament skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 u għandha titqassam kif ġej:

(a)

80 % lill-Istati Membri kontribwenti;

(b)

20 % lill-Istati Membri ospitanti.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tipproponi li ssir devjazzjoni mid-distribuzzjoni stipulata fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u li l-enerġija tiġi allokata lill-Istati Membri kontribwenti u ospitanti f’firxa li tvarja bejn 50 % u 100 % għall-Istat Membru kontribwenti, u bejn 0 % u 50 % għall-Istat Membru ospitanti, fejn l-allokazzjoni totali kemm għall-Istati Membri kontribwenti kif ukoll għal dawk ospitanti tammonta għal 100 %. Id-distribuzzjoni proposta għandha tkun applikabbli għal sejħa għall-proposti partikolari u għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)

il-probabbiltà li s-sejħa tiġbed lejha interess bilanċjat mill-Istati Membri kontribwenti u l-Istati Membri ospitanti biex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva fis-sejħa għall-proposti;

(b)

il-probabbiltà li s-sejħa tirriżulta fi żborż ta’ ftit appoġġ mill-mekkaniżmu, jew xejn;

(c)

il-kostijiet potenzjali, inklużi l-kostijiet għall-integrazzjoni tas-sistema, li l-Istati Membri ospitanti jistgħu jġarrbu.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-allokazzjoni li jkollha l-ħsieb li tinkludi fis-sejħa għal proposti skont l-Artikolu 7(7) u l-Artikolu 7(8).

6.   Fil-każ ta’ enerġija rinnovabbli ġġenerata minn installazzjonijiet appoġġati mill-mekkaniżmu li jinsabu f’pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu, 100 % tal-benefiċċji statistiċi għandhom jitqassmu lill-Istati Membri kontribwenti, f’konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

Artikolu 28

Rappurtar tal-produzzjoni tal-enerġija u kalkolu tal-benefiċċji statistiċi mill-Kummissjoni

1.   L-Istati Membri ospitanti u l-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu u fil-proġetti ta’ ospitalità għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni d-data disponibbli dwar il-produzzjoni tal-enerġija f’sena partikolari minn proġetti ffinanzjati mill-mekkaniżmu darbtejn – sal-1 ta’ Jannar u sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara s-sena tal-produzzjoni.

2.   Il-benefiċċji statistiċi attwali li jridu jiġu allokati lill-Istati Membri parteċipanti għandhom jiġu kkalkulati kull sena mill-Kummissjoni u għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri parteċipanti sal-1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara s-sena tal-produzzjoni u għandhom jiġu rrapportati mill-Istati Membri parteċipanti skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-benefiċċji statistiċi totali attribwiti għandhom jikkorrispondu għall-enerġija ġġenerata attwalment, f’konformità mad-data u l-valuri tas-suq ikkomunikati mill-Istati Membri.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29

Evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni dwar it-tħaddim tal-mekkaniżmu bħala parti mir-rieżami skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

2.   L-evalwazzjoni għandha tiffoka fuq il-valutazzjoni tas-sinerġiji bejn il-mekkaniżmu u programmi rilevanti oħra tal-Unjoni, fuq l-effikaċja tal-mekkaniżmu fil-kontribut għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, fil-punt (d) tal-Artikolu 32(3), fl-Artikolu 32(4) u fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1999, dwar l-effettività tal-għoti ta’ forom ta’ appoġġ rimborżabbli mill-mekkaniżmu għall-proġetti, u dwar l-effettività tal-kombinament ta’ forom ta’ appoġġ rimborżabbli ma’ forom ta’ appoġġ li mhumiex rimborsabbli permezz ta’ operazzjonijiet ta’ taħlit taħt l-istrument ta’ appoġġ għall-investiment tal-Unjoni

3.   Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel proposti biex tiżgura li l-mekkaniżmu jimxi ’l quddiem lejn il-kisba tal-objettivi msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjonijiet imwettqa skont il-paragrafi 1 u 2 lill-Kumitat tal-Unjoni tal-Enerġija u għandha tagħmilhom disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 30

Rapportar

1.   Sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kumitat tal-Unjoni tal-Enerġija rapport dwar it-tħaddim tal-mekkaniżmu, il-kontribuzzjoni tagħha għall-mira vinkolanti tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli fl-2030 u għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.

2.   Sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kumitat dwar l-Unjoni tal-Enerġija u lill-Parlament Ewropew dwar l-użu tad-dħul assenjat estern mill-Istati Membri u tal-fondi tal-Unjoni riċevuti mill-mekkaniżmu, l-ammont ta’ appoġġ li kien allokat fis-sena ta’ qabel u l-bqija tal-fondi mhux impenjati fil-mekkaniżmu.

Artikolu 31

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-15 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


Top