EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1281

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1281 tal-14 ta’ Settembru 2020 dwar in-nuqqas ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva etametsulfuron-metil f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/6173

ĠU L 301, 15.9.2020, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1281/oj

15.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 301/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1281

tal-14 ta’ Settembru 2020

dwar in-nuqqas ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva etametsulfuron-metil f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fir-rigward tal-proċedura u tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni, għandha tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) għas-sustanzi attivi li għalihom ġiet adottata deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Direttiva qabel l-14 ta’ Ġunju 2011. Għall-etametsulfuron-metil, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/124/UE (3) ġiet adottata f’konformità mal-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Direttiva fit-23 ta’ Frar 2011.

(2)

Fid-29 ta’ Ġunju 2010, DuPont de Nemours GmbH ippreżentat applikazzjoni għall-inklużjoni tas-sustanza attiva etametsulfuron-metil fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE għar-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni 2011/124/UE kkonfermat li d-dossier kien “komplut” fis-sens li seta’ jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-data u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III tad-Direttiva 91/414/KEE.

(3)

Sussegwentement, FMC Agricultural Solutions A/S kisbet id-drittijiet kollha li jikkonċernaw l-etametsulfuron-metil minn DuPont de Nemours GmbH.

(4)

Il-valutazzjoni tal-effetti tal-etametsulfuron-metil fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent għall-użi proposti mill-applikant, twettqet f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE. Fis-17 ta’ Settembru 2012, ir-Renju Unit ippreżenta abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”).

(5)

L-Istati Membri u l-Awtorità eżaminaw l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni. L-Awtorità ppreżentat il-konklużjoni tagħha (4) dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva etametsulfuron-metil lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Diċembru 2013. F’April 2014, il-Kummissjoni Ewropea tat il-mandat lill-Awtorità biex torganizza u twettaq rieżami bejn il-pari fir-rigward tad-data l-ġdida dwar metabolit wieħed tal-etametsulfuron-metil. Fl-14 ta’ Lulju 2014, l-Awtorità ppreżentat il-konklużjoni (5) aġġornata tagħha lill-Kummissjoni.

(6)

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Mejju 2020, FMC Agricultural Solutions A/S irtirat l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-etametsulfuron-metil.

(7)

Minħabba l-irtirar tal-applikazzjoni, jenħtieġ li l-etametsulfuron-metil ma jiġix approvat.

(8)

Dan ir-Regolament ma jipprevjenix il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni oħra għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva etametsulfuron-metil skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Nuqqas ta’ approvazzjoni ta’ sustanza attiva

Is-sustanza attiva etametsulfuron-metil mhijiex approvata.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/124/UE tat-23 ta’ Frar 2011 li tirrikonoxxi fil-prinċipju l-kompletezza tad-dossier li tressaq għal eżami dettaljat bil-ħsieb tal-inklużjoni possibbli tal-etametsulfuron fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 49, 24.2.2011, p. 42).

(4)  EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2014. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance ethametsulfuron (evaluated variant ethametsulfuron-methyl). EFSA Journal 2014;12(1):3508, 94 pp. doi:10.2903/j.efsa.2014.3508

(5)  EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2014. Conclusion of the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance ethametsulfuron (evaluated variant ethametsulfuron-methyl). EFSA Journal 2014;12(7):3787, 96 pp. doi:10.2903/j.efsa.2014.3787


Top