Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0975

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/975 tas-6 ta’ Lulju 2020 li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tal-inbid

    C/2020/4579

    ĠU L 215, 7.7.2020, p. 13–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/975/oj

    7.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 215/13


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/975

    tas-6 ta’ Lulju 2020

    li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tal-inbid

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 222 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni hija l-akbar produttur tal-inbid fid-dinja. Fis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2014/2015 sa 2018/2019, il-produzzjoni annwali medja tal-inbid fl-Unjoni kienet ta’ 167,6 miljun ettolitru. Is-sena tas-suq tal-inbid tibda mill-1 ta’ Awwissu u tintemm fil-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara. L-Unjoni hija responsabbli għal 45 % taż-żoni tal-vitikultura globali, 65 % tal-produzzjoni globali, 60 % tal-konsum globali u 70 % tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. L-akbar ħames pajjiżi produtturi tal-inbid fl-Unjoni huma, f’ordni dixxendenti ta’ volumi ta’ produzzjoni, l-Italja, Franza, Spanja, il-Ġermanja u l-Portugall.

    (2)

    Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u minħabba r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment ta’ persuni li ddaħħlu fis-seħħ fl-Istati Membri, il-vitikulturi u l-produtturi tal-inbid esperjenzaw tfixkil ekonomiku li wassal għal diffikultajiet finanzjarji u għal problemi ta’ fluss ta’ flus.

    (3)

    It-tixrid tal-marda u l-miżuri fis-seħħ illimitaw id-disponibbiltà tal-ħaddiema, u b’hekk ġew imxekkla speċifikament l-istadji tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tat-trasport ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid.

    (4)

    L-għeluq obbligatorju ta’ ristoranti, lukandi, bars, kif ukoll il-kanċellazzjoni ta’ festi u ċelebrazzjonijiet bħal tiġijiet, ċelebrazzjonijiet għall-għeluq is-snin u avvenimenti tan-negozju fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi, issospenda l-operat tas-settur tal-ospitalità u tal-catering għal diversi xhur. Barra minn hekk, minn Marzu 2020, l-attivitajiet tat-turiżmu u tat-turiżmu relatat mal-inbid, bħalma huma l-avvenimenti tat-tidwiq tal-inbid, il-fieri, u x-xiri u l-konsum tal-inbid fil-post tas-sors, ġew interrotti bil-kbir fil-maġġoranza tal-Istati Membri.

    (5)

    Minħabba f’hekk, kien hemm bidliet sinifikanti fix-xejriet tad-domanda għall-inbid. Id-domanda tal-konsumaturi daret lejn il-konsum tal-inbid fid-dar. Filwaqt li l-konsumaturi żiedu l-konsum ta’ ċerti prodotti tal-inbid fid-dar, dan il-konsum akbar fid-dar ma kkumpensax għat-tnaqqis fid-domanda fl-industrija tal-ospitalità u tal-catering.

    (6)

    L-għeluq ta’ ristoranti u stabbilimenti oħra tal-ospitalità wassal għal tnaqqis fil-fatturat tal-produtturi tal-inbid. Fil-Ġermanja, il-produtturi tal-inbid tilfu 50 % tal-fatturat tagħhom fl-ewwel kwart tal-2020, minħabba li ma kellhomx bejgħ lir-ristoranti. Kien hemm ukoll tnaqqis ta’ 23 % fil-bejgħ lill-ħwienet speċjalizzati tal-inbid, li ħafna minnhom jikkummerċjalizzaw inbejjed ta’ livell ogħla. Skont l-estimi tal-industrija tal-Unjoni kollha, l-għeluq ta’ ristoranti, bars u lukandi, mill-bidu tal-għeluq tar-ristoranti f’nofs Marzu sal-aħħar ta’ Mejju 2020, wassal għal tnaqqis ta’ 30 % fil-volum tal-inbid mibjugħ u għal tnaqqis fil-valur ta’ 50 % meta mqabbel mal-bejgħ qabel l-għeluq.

    (7)

    Minkejja t-taffija reċenti ta’ ċerti miżuri u t-tħaffif ta’ ċerti restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ persuni, inkluż il-ftuħ mill-ġdid ta’ ristoranti u stabbilimenti tal-ospitalità, is-sitwazzjoni mhix mistennija li tiġi għan-normal fis-sitt xhur jmiss. Ir-ristoranti u stabbilimenti oħra tal-ospitalità se jkollhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet ta’ tbegħid soċjali li jillimitaw in-numru ta’ klijenti. Barra minn hekk, f’ħafna Stati Membri, ċerti restrizzjonijiet għadhom fis-seħħ fir-rigward tad-daqs tal-laqgħat soċjali, inklużi avvenimenti privati bħal tiġijiet, fejn tradizzjonalment jiġi kkunsmat l-inbid.

    (8)

    It-turiżmu dinji, li huwa mistenni jesperjenza tnaqqis ta’ 70 % fil-fatturat fit-tieni kwart tal-2020, ukoll mhux mistenni li jirkupra biżżejjed fis-sitt xhur li jmiss biex jikkumpensa għan-nuqqas ta’ konsum fir-ristoranti waqt il-perjodu fejn ir-restrizzjonijiet estensivi tal-moviment ta’ persuni kienu fis-seħħ.

    (9)

    B’mod ġenerali, huwa stmat li l-konsum tal-inbid fl-Unjoni fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2019/2020 se jonqos għal 108 miljun ettolitru. Dan huwa tnaqqis ġenerali fil-konsum ta’ aktar minn 8 % fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2019/2020 meta mqabbel mal-medja tal-ħames snin ta’ kummerċjalizzazzjoni li għaddew.

    (10)

    L-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi huma partikolarment importanti għas-settur tal-inbid tal-Unjoni. Fl-2019, l-esportazzjonijiet ammontaw għal EUR 12,1 biljun. Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-esportazzjonijiet ġew affettwati minn sfidi loġistiċi kif ukoll minn tnaqqis fil-konsum minħabba r-restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ persuni imposti anke f’pajjiżi terzi. It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fiċ-Ċina wasslet għal konġestjoni sinifikanti tal-portijiet hemmhekk u fi bnadi oħra, kif ukoll għal żieda fit-tħassir totali jew parzjali tat-tbaħħir, li wasslu biex il-kontenituri saru aktar skarsi, ir-rati tal-merkanzija żdiedu b’mod sinifikanti u l-esportaturi raw il-vjaġġi tagħhom jiġi posposti. Barra minn hekk, l-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni kienu diġà ġew affettwati b’mod negattiv mit-tariffi ogħla fuq l-importazzjoni li l-Istati Uniti imponew fuq ċerti importazzjonijiet tal-inbid mill-Unjoni. Minn Ottubru 2019, l-Istati Uniti, li hija s-suq ewlieni tal-esportazzjoni tal-inbid tal-Unjoni, imponiet tariffi fuq l-importazzjoni ad valorem ta’ 25 % fuq l-inbejjed bla gass tal-Unjoni.

    (11)

    B’mod ġenerali, l-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi mistennija jonqsu b’14 % fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2019/2020, kemm meta mqabbla mas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ qabel, kif ukoll meta mqabbla mal-medja tal-ħames snin ta’ kummerċjalizzazzjoni li għaddew. Meta mqabbla ma’ Mejju 2019, l-esportazzjonijiet ta’ nbejjed Franċiżi, Taljani u Spanjoli lejn pajjiżi terzi naqsu b’mod sinifikanti f’Mejju 2020: L-esportazzjonijiet tal-inbid Franċiż lejn pajjiżi terzi naqsu bi 33 % fil-volum u b’55 % fil-valur; L-esportazzjonijiet tal-inbid Taljan lejn pajjiżi terzi naqsu bi 22 % fil-volum u b’26 % fil-valur; u l-esportazzjonijiet tal-inbid Spanjol lejn pajjiżi terzi naqsu bi 63 % fil-volum u bi 43 % fil-valur. L-esportazzjonijiet tal-inbejjed frizzanti ġew affettwati b’mod partikolari fuq l-istess perjodi ta’ referenza. Skont l-estimi tal-industrija tal-inbid, f’Mejju 2020, l-esportazzjonijiet tax-Champagne lejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina naqsu b’64 % fil-volum u b’55 % fil-valur, l-esportazzjonijiet tal-Prosecco lejn pajjiżi terzi naqsu b’27 % fil-volum u bi 32 % fil-valur, u l-esportazzjonijiet tal-Cava lejn pajjiżi terzi naqsu b’40 % fil-volum u fil-valur.

    (12)

    Barra minn hekk, bħalissa hemm volumi kbar ta’ nbid maħżun minħabba l-ħsad eċċezzjonali ta’ 174,4 miljun ettolitru fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2018/2019, li żied l-istokkijiet inizjali fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2019/2020 b’14 % meta mqabbel mas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2018/2019. L-inbid mhux mibjugħ irid jinħażen.

    (13)

    Minħabba ċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq, dawn l-avvenimenti jiġu kkwalifikati bħala perjodu ta’ żbilanċ serju ħafna fis-suq.

    (14)

    Biex il-vitikulturi u l-produtturi tal-inbid jiġu megħjuna jsibu bilanċ f’dan il-perjodu ta’ żbilanċ serju ħafna fis-suq, jixraq li tiġi awtorizzata l-adozzjoni ta’ ftehimiet u deċiżjonijiet tal-bdiewa, tal-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa jew tal-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, jew tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti li jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid, fuq bażi temporanja għal perjodu ta’ sitt xhur. Dawk il-miżuri jinkludu: (i) it-trasformazzjoni u l-ipproċessar; (ii) il-ħżin; (iii) il-promozzjoni konġunta; (iv) rekwiżiti ta’ kwalità; u (v) l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni.

    (15)

    Tali ftehimiet u deċiżjonijiet jistgħu jinkludu, pereżempju: (i) l-ipproċessar tal-inbid għal skopijiet oħra, bħad-distillazzjoni tal-inbid f’alkoħol; (ii) il-ħolqien u l-individwazzjoni ta’ kapaċitajiet tal-ħżin għall-volum akbar ta’ nbid li jrid jinħażen; (iii) il-promozzjoni tal-konsum tal-inbid; (iv) il-qbil dwar rekwiżiti ta’ kwalità li jirrestrinġu l-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed għal dawk li jirrispettaw dawn ir-rekwiżiti; u (v) miżuri ta’ ppjanar biex jitnaqqsu l-volumi għall-ħsad futur.

    (16)

    Jenħtieġ li kwalunkwe ftehim jew deċiżjoni tiġi awtorizzata temporanjament għal perjodu ta’ sitt xhur. Il-ħsad li jmiss għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2020/2021 li tibda f’Awwissu 2020, u l-perjodu saċ-ċelebrazzjonijiet tal-aħħar tas-sena, fejn b’mod partikolari jiġu kkunsmati u esportati nbejjed ta’ kwalità għolja u nbejjed frizzanti, huma l-perjodi li fihom huwa mistenni li dawn il-miżuri jkollhom l-aktar impatt.

    (17)

    F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 222(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għandha tingħata awtorizzazzjoni jekk din ma tfixkilx il-funzjonament tas-suq intern, u jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikunu strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur. Dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi jeskludu ftehimiet u deċiżjonijiet li direttament jew indirettament iwasslu għat-tqassim tas-swieq, għad-diskriminazzjoni msejsa fuq in-nazzjonalità jew għall-iffissar tal-prezzijiet. Jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, jew ma jibqgħux jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat japplika għal dawn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet.

    (18)

    Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni prevista f’dan ir-Regolament tkopri t-territorju tal-Unjoni, peress li l-iżbilanċ serju ħafna fis-suq huwa komuni għall-Unjoni kollha.

    (19)

    Biex l-Istati Membri jkunu f’qagħda li jivvalutaw jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-produzzjoni tal-għeneb għall-inbid ifixklux jew le l-funzjonament tas-suq intern, u jekk humiex strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur tal-inbid, jenħtieġ li tingħata informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, inkluż l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ dak l-istat, li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni tal-għeneb għall-inbid u tal-inbid kopert minn dawk il-ftehimiet jew deċiżjonijiet, dwar il-ftehimiet konklużi u d-deċiżjonijiet meħuda u dwar il-volum tal-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid kif ukoll dwar il-perjodu taż-żmien li jkopru.

    (20)

    Minħabba l-iżbilanċ serju ħafna fis-suq, il-ħtieġa li jitqiesu l-istokk eżistenti tal-inbid, it-tnaqqis fil-konsum u t-telf ta’ swieq tal-esportazzjoni u biex jgħin lis-settur tal-inbid jirkupra fil-perjodu li fih ir-restrizzjonijiet tal-COVID-19 jiġu mħaffa, inkluż sa u wara ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ tmiem is-sena, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

    (21)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 152(1a), 209(1) u 210(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti huma b’dan awtorizzati li jikkonkludu ftehimiet li jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid u jieħdu deċiżjonijiet komuni li jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid dwar it-trasformazzjoni u l-ipproċessar, il-ħżin, il-promozzjoni konġunta, ir-rekwiżiti tal-kwalità u l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni matul perjodu ta’ sitt xhur li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jkunu strettament immirati lejn l-istabbilizzazzjoni tas-settur tal-inbid.

    Artikolu 3

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ta’ din l-awtorizzazzjoni huwa t-territorju tal-Unjoni.

    Artikolu 4

    1.   Mal-adozzjoni tal-ftehimiet jew tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati, għandhom jikkomunikaw dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid kopert minn dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet, billi jindikaw dan li ġej:

    (a)

    il-volum stmat tal-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid kopert;

    (b)

    il-perjodu ta’ żmien mistenni għall-implimentazzjoni.

    2.   Sa mhux aktar tard minn 25 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati għandhom jikkomunikaw il-volum tal-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid tabilħaqq kopert mill-ftehimiet jew mid-deċiżjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    3.   F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (2), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

    (a)

    sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara t-tmiem ta’ kull perjodu ta’ xahar, il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikkomunikati lilhom f’konformità mal-paragrafu 1 matul dak il-perjodu;

    (b)

    sa mhux aktar tard minn 30 jum wara t-tmiem tal-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet implimentati matul dak il-perjodu.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).


    Top