This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R0705
Commission Implementing Regulation (EU) 2020/705 of 26 May 2020 imposing a provisional anti-dumping duty on imports of certain heavyweight thermal paper originating in the Republic of Korea
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/705 tas-26 ta’ Mejju 2020 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali tqila li toriġina mir-Repubblika tal-Korea
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/705 tas-26 ta’ Mejju 2020 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali tqila li toriġina mir-Repubblika tal-Korea
C/2020/3337
ĠU L 164, 27.5.2020, p. 28–48
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
27.5.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 164/28 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/705
tas-26 ta’ Mejju 2020
li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali tqila li toriġina mir-Repubblika tal-Korea
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”)u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Istati Membri,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Bidu
(1) |
Fl-10 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni Ewropea bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni, ta’ ċerta karta termali tqila, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea (“il-Korea”, jew “il-pajjiż ikkonċernat”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. In-Notifika ta’ Bidu (“NoI”, Notice of Initiation) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
(2) |
Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fis-26 ta’ Awwissu 2019 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Karta Termali (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerta karta termali tqila (“HWTP - heavyweight thermal paper” jew “il-prodott ikkonċernat”). L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u li dannu materjali rriżulta, li kien biżżejjed biex jiġġustifika l-ftuħ tal-investigazzjoni. |
(3) |
Skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirreġistra l-importazzjonijiet soġġetti għal investigazzjoni anti-dumping matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni sakemm ma jkollhiex evidenza biżżejjed li ċerti rekwiżiti ma ġewx issodisfati. Wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, kif imsemmi fl-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku, huwa li addizzjonalment għal-livell tal-importazzjonijiet li jkunu kkawżaw dannu matul il-perjodu tal-investigazzjoni jkun hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet. L-importazzjonijiet tal-HWTP mill-Korea wrew tnaqqis qawwi ta’ 81 % fl-erba’ xhur wara l-bidu tal-investigazzjoni meta mqabbel mal-istess perjodu matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Id-data wara l-bidu tal-investigazzjoni kienet ibbażata fuq il-kodiċijiet TARIC maħluqa għall-prodott ikkonċernat fil-bidu tal-investigazzjoni. Din kienet mqabbla mal-medja tal-importazzjonijiet mill-uniku esportatur Korean matul l-erba’ xhur tal-perjodu tal-investigazzjoni (PI). Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku ma ntlaħqux. Il-Kummissjoni ma għamlitx l-importazzjnjjiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku peress li ma ntlaħqitx il-kundizzjoni tal-Artikolu 10(4)(d), jiġifieri żieda sostanzjali fl-importazjonijiet. |
1.2. Partijiet interessati
(4) |
Fin-notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-ilmentatur, lil produtturi magħrufa tal-Unjoni, lill-produtturi (esportaturi) magħrufa u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Korea, lill-importaturi magħrufa, lill-utenti u lill-assoċjazzjonijiet li kien magħruf li kienu kkonċernati dwar il-bidu tal-investigazzjoni, u stednithom jipparteċipaw. |
(5) |
Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta għall-proċedimenti kummerċjali. |
(6) |
Saru żewġ seduti ta’ smigħ mal-Kummissjoni. Matul is-seduta ta’ smigħ li saret fil-5 ta’ Diċembru 2019 fuq talba tal-produttur esportatur li kkoopera, il-grupp Hansol, l-importatur relatat tiegħu fl-Unjoni, għadd ta’ utenti u ta’ rappreżentanti tal-gvern Korean qajmu kwistjonijiet relatati mas-suq tal-HWTP tal-Unjoni, mad-dannu, mal-kawżalità, ma’ kwistjonijiet legali u/jew mal-interessi tal-Unjoni. Matul is-seduta ta’ smigħ li saret fis-7 ta’ Jannar 2020 fuq talba tal-ilmentatur, dan tal-aħħar u xi wħud mill-membri tiegħu qajmu kwistjonijiet relatati mad-dannu, mal-kawżalità u mal-interessi tal-Unjoni. L-istqarrijiet li saru waqt dawn is-seduti huma inklużi f’dan ir-Regolament. |
1.3. Kampjunar
(7) |
Fin-Notifika ta’ Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li tista’ tieħu kampjun tal-partijiet interessati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. |
1.3.1. Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni
(8) |
Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni sostniet li kienet iddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li kienu se jiġu investigati billi twettaq kampjunar u li kienet għażlet provviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun provviżorju fuq il-bażi tal-produzzjoni u l-volum tal-bejgħ tal-Unjoni rrappurtati mill-produtturi tal-Unjoni, fil-kuntest tal-analiżi tar-rappreżentattività tal-bidu. Il-kampjun provviżorju stabbilit b’dan il-mod kien jikkonsisti minn tliet produtturi tal-Unjoni f’żewġ Stati Membri differenti li l-produzzjoni tagħhom kienet tammonta għal 58,2 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni u għal 57,5 % tal-bejgħ totali tal-Unjoni skont l-informazzjoni disponibbli. Il-Kummissjoni pprovdiet id-dettalji ta’ dan il-kampjun provviżorju fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw. |
(9) |
Żewġ partijiet interessati ppreżentaw il-kummenti tagħhom fir-rigward tal-kampjun provviżorju. L-ilmentatur appoġġa bis-sħiħ il-kampjun propost. Il-produttur esportatur Hansol Paper Co., Ltd. allega li l-kampjun propost ma kienx rappreżentattiv peress li inkluda żewġ kumpaniji relatati li jinsabu fl-istess pajjiż. Hansol Paper Co., Ltd. kompla jgħid li l-kampjun provviżorju ma żgurax firxa ġeografika adegwata u ppropona li tiddaħħal Ricoh, ibbażata fi Franza, fil-kampjun. |
(10) |
Il-Kummissjoni qieset li ż-żewġ produtturi li jinsabu fil-Ġermanja kienu l-akbar produtturi tal-prodott simili fl-Unjoni Ewropea (flimkien kienu jirrappreżentaw madwar 47 % tal-produzzjoni totali u 44 % tal-bejgħ totali tal-prodott simili fl-Unjoni fil-perjodu tal-investigazzjoni) u li l-Ġermanja kellha l-ogħla produzzjoni u l-akbar konċentrazzjoni ta’ produtturi tal-prodott simili. Barra minn hekk, Ricoh indikat li, minkejja li appoġġat l-ilment, hija ma setgħetx tikkoopera fl-investigazzjoni. |
(11) |
Għalhekk ġie kkonfermat il-kampjun provviżorju, li kien jikkonsisti minn tliet produtturi tal-Unjoni. Il-kampjun finali, magħmul minn Kanzan Spezialpapiere GmbH u Mitsubishi HiTec Paper Europe GmbH fil-Ġermanja u Jujo Thermal Ltd. fil-Finlandja tqies mill-industrija tal-Unjoni bħala rappreżentattiv. |
1.3.2. Kampjunar tal-importaturi
(12) |
Biex tiddeċiedi jekk kienx meħtieġ kampjunar u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lil importaturi mhux relatati sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. |
(13) |
Żewġ importaturi mhux relatati pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Minħabba l-għadd żgħir ta’ tweġibiet li waslu, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx meħtieġ. Ma sar l-ebda kumment dwar din id-deċiżjoni. |
1.4. It-tweġibiet għall-kwestjonarju
(14) |
Il-Kummissjoni stiednet lit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, liż-żewġ importaturi mhux relatati li wieġbu għall-formola tal-kampjunar u lill-produttur esportatur magħruf fil-Korea, il-grupp Hansol, biex jimlew il-kwestjonarji rilevanti disponibbli online. |
(15) |
Fl-20 ta’ Ottubru 2019, il-produttur esportatur talab eżenzjoni għal tliet konvertituri relatati biex jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju ewlieni. Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta fl-24 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni qablet b’mod provviżorju mat-talba. |
(16) |
It-tweġibiet għall-kwestjonarju waslu mingħand it-tliet produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, importatur mhux relatat, Ritrama S.p.A., il-produttur esportatur Hansol Paper Co., Ltd (“Hansol Paper”) u l-importatur relatat tiegħu Hansol Europe B.V.(“Hansol Europe”). Barra minn hekk bagħtu tweġiba żewġ utenti. |
1.5. Żjarat ta’ verifika
(17) |
Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja biex jiġu ddeterminati b’mod provviżorju d-dumping, id-dannu riżultanti u l-interessi tal-Unjoni. Iż-żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku twettqu fl-uffiċċji tal-kumpaniji/entitajiet li ġejjin:
|
1.6. Preżentazzjoni tad-data
(18) |
Minħabba n-numru limitat ta’ partijiet li ppreżentaw xi data, uħud miċ-ċifri ppreżentati hawn taħt għandhom il-forma ta’ firxa numerika minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità (3). |
1.7. Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat
(19) |
L-investigazzjoni tad-dumping u d-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2018 sat-30 ta’ Ġunju 2019 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżaminar tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-aħħar tal-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”). |
2. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI
2.1. Il-prodott ikkonċernat
(20) |
Il-prodott ikkonċernat huwa ċertu karta termali tqila, definita bħala karta termali li tiżen aktar minn 65 g/m2; li tinbiegħ f’rombli b’wisa’ ta’ 20 cm jew aktar, li jiżnu 50 kg jew aktar (inkluża l-karta) u b’dijametru ta’ 40 cm jew aktar (ir-rombli jumbo); b’kisja fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat jew mingħajrha; miksija b’sustanza termosensittiva (jiġifieri taħlita ta’ kolorant u żviluppatur li tirreaġixxi u tifforma immaġni meta tiġi applikata s-sħana) fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat; u b’kisja ta’ fuq jew mingħajrha, li toriġina mir-Repubblika tal-Korea, li bħalissa taqa’ fil-kodiċijiet tan-NM ex 4809 90 00, ex 4811 59 00 u ex 4811 90 00 (il-kodiċijiet TARIC 4809900020, 4811590020 u 4811900020) (“il-prodott ikkonċernat”). |
(21) |
L-HWTP hija karta b’użu speċjali. Għandha kisja attiva termali li tirreaġixxi biex tifforma immaġni meta s-sħana tiġi applikata minn stampaturi b’printheads termali. L-HWTP tintuża prinċipalment għal tikketti li jeħlu minnhom infushom, għall-imballaġġ li jintuża fil-kummerċ elettroniku, għall-biljetti u t-tags. |
(22) |
L-HWTP tista’ tiġi prodotta b’diversi tipi ta’ żviluppaturi: bi żviluppaturi li fihom is-sustanzi (bis)fenoliċi bħalma huwa l-bisfenol A u l-bisfenol S (l-HWTP li fiha l-(bis)fenol), jew bi żviluppaturi li ma għandhom l-ebda fenol (l-HWTP mingħajr il-fenol). Din l-investigazzjoni tikkonċerna lil kull tip. Il-Kummissjoni tosserva madankollu li mit-2 ta’ Jannar 2020, l-HWTP bil-bisfenol A hija pprojbita fl-Unjoni (4). |
2.2. Prodott simili
(23) |
L-investigazzjoni wriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:
|
(24) |
F’dan l-istadju, il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-prodotti huma għalhekk prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. |
3. ID-DUMPING
3.1. Il-valur normali
(25) |
Hansol Paper deher li kien l-uniku produttur esportatur tal-prodott ikkonċernat fil-pajjiż ikkonċernat matul il-perjodu tal-investigazzjoni. |
(26) |
Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ Hansol Paper kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk it-total tal-volum tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lill-klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur esportatur ikun jirrappreżenta mill-anqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ għall-esportazzjoni tiegħu tal-prodott ikkonċernat lejn Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Abbażi ta’ dan, il-bejgħ totali ta’ Hansol Paper tal-prodott simili fis-suq domestiku kien rappreżentattiv. |
(27) |
Eventwalment il-Kummissjoni identifikat it-tipi ta’ prodotti mibjugħa fuq livell domestiku minn Hansol Paper li kienu identiċi jew paragunabbli mat-tipi ta’ prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni b’bejgħ domestiku rappreżentattiv. |
(28) |
Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk il-bejgħ domestiku, ta’ Hansol Paper fis-suq domestiku tagħha, ta’ kull tip ta’ prodott li huwa identiku jew paragunabbli mat-tip ta’ prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott huwa rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku ta’ dak it-tip ta’ prodott lil klijenti indipendenti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ b’esportazzjoni tal-prodott identiku jew komparabbli lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet li tip wieħed ta’ prodott (li jirrappreżenta 25 - 45 % tal-bejgħ domestiku totali ta’ Hansol Paper fis-suq domestiku tiegħu) inbiegħ f’volumi ta’ inqas minn 5 % tal-volum totali tal-bejgħ b’esportazzjoni lejn l-Unjoni. Għal dan it-tip ta’ prodott, il-valur normali nħadem kif spjegat fil-premessi minn (33) sa (34) hawn taħt. |
(29) |
Il-Kummissjoni mbagħad iddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ bi profitt lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għat-tip ta’ prodott inkwistjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku reali għall-kalkolu tal-valur normali, f’konformità mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. |
(30) |
Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku reali għal kull tip ta’ prodott, irrispettivament minn jekk dan il-bejgħ huwiex profitabbli jew le, jekk:
|
(31) |
F’dan il-każ, il-valur normali huwa l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dan it-tip ta’ prodott matul il-perjodu tal-investigazzjoni. |
(32) |
Il-valur normali huwa l-prezz domestiku reali għal kull tip ta’ prodott tal-bejgħ domestiku profittabbli biss tat-tipi ta’ prodott matul il-perjodu tal-investigazzjoni, jekk:
|
(33) |
L-analiżi tal-bejgħ domestiku wriet li minn 60 sa 80 % (5) tal-bejgħ domestiku kollu tat-tip ta’ prodott li huwa identiku jew paragunabbli mat-tip ta’ prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni kien profittabbli u li l-prezz tal-bejgħ medju ponderat kien ogħla mill-kost tal-produzzjoni. Għaldaqstant, il-valur normali ġie kkalkulat bħala l-medja ponderata tal-bejgħ bi profitt biss. |
(34) |
Għal dawk it-tip ta’ prodotti li ma kellhom l-ebda bejgħ jew li kellhom bejgħ insuffiċjenti tal-prodott simili fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku. |
(35) |
Il-valur normali nħadem billi nżied dan li ġej mal-kost medju tal-produzzjoni tal-prodott simili tal-produtturi esportaturi matul il-perjodu ta’ investigazzjoni:
|
3.2. Il-prezz tal-esportazzjoni
(36) |
Hansol Paper esporta lejn l-Unjoni direttament lil klijenti indipendenti jew indirettament permezz ta’ Hansol Europe, importatur relatat fl-Unjoni. |
(37) |
Rigward il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat direttament lill-konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz effettivament imħallas jew li jrid jiġi mħallas għall-prodott ikkonċernat meta jkun mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku. |
(38) |
Għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni permezz ta’ Hansol Europe li jaġixxi bħala importatur, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa’ nbiegħ għall-ewwel darba lill-konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Il-prezz tal-bejgħ tal-parti relatata lil konsumaturi mhux relatati ġie aġġustat lura għal prezz tal-fabbrika billi tnaqqsu l-SG&A tal-parti relatata, ammont raġonevoli tal-profitt u tal-ispejjeż tat-trasport. |
(39) |
Rigward il-marġini tal-profitt użat, skont il-każistika stabbilita tal-qrati tal-Unjoni (6), il-Kummissjoni ma użatx il-marġini tal-profitt tal-kumpanija relatata minħabba li dan mhux ikkunsidrat affidabbli. Parti waħda biss imliet kwestjonarju maħsub għal importaturi mhux relatati fl-Unjoni u qablet li tiżvela l-marġni tal-profitt li kisbet fuq l-attivitajiet tagħha relatati mal-prodott ikkonċernat. Għalhekk, il-profitt ta’ Hansol Europe ġie sostitwit b’mod provviżorju bil-marġni ta’ profitt ta’ din il-parti. |
3.3. Tqabbil
(40) |
Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni abbażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. |
(41) |
Fejn kien iġġustifikat mill-ħtieġa li jkun żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragonabilità tal-prezz, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali ġie aġġustat għat-trasport, l-ispejjeż tal-ippakkjar u l-kostijiet ta’ kreditu. Il-prezz tal-esportazzjoni għall-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, it-trasport, l-assigurazzjoni, l-ispejjeż tal-ippakkjar, l-ispejjeż ta’ kreditu, it-tariffi bankarji, il-kummissjonijiet u r-ribassi ta’ tmiem is-sena meta dawn nstabu li kienu raġonevoli, preċiżi u sostnuti minn evidenza verifikata. |
3.4. Marġni tad-dumping
(42) |
Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat tat-tip rispettiv ta’ prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, f’konformità mal-Artikoli 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku. |
(43) |
Fuq din il-bażi, il-marġni medju ponderat ta’ dumping provviżorju, espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, jammonta għal 22,3 % għall-uniku produttur esportatur li kkoopera. |
(44) |
Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fir-Repubblika tal-Korea, jekk hemm, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġini tad-dumping abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi. Il-livell ta’ kooperazzjoni huwa l-volum ta’ esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni espress bħala proporzjon tal-volum totali ta’ esportazzjoni — kif irrapportat fl-istatistika tal-importazzjonijiet tal-Eurostat — mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni. |
(45) |
Il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ huwa għoli minħabba li l-esportazzjonijiet ta’ Hansol Paper kienu jikkostitwixxu 100 % tal-esportazzjonijiet totali mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża l-marġini tad-dumping residwu fl-istess livell tal-produttur esportatur li kkoopera. |
(46) |
Il-marġnijiet provviżorji ta’ dumping espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:
|
4. DANNU
4.1. Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni
(47) |
Il-prodott simili kien immanifatturat minn seba’ produtturi magħrufin fl-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Huma jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. |
(48) |
Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni kienet stabbilita għal 214 227 tunnellata metrika. Il-Kummissjoni stabbiliet iċ-ċifra abbażi tat-tweġiba għall-kwestjonarju li ppreżenta l-ilmentatur, u vverifikata mat-tweġibiet tal-kwestjonarju individwali tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Kif indikat fil-premessi (8) u (11), tliet produtturi tal-Unjoni ntgħażlu fil-kampjun u kienu jirrappreżentaw madwar 58,2 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili. |
4.2. Il-konsum fl-Unjoni
(49) |
Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni fuq il-bażi tal-bejgħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni, l-istimi tal-ilmentatur fuq l-importazzjonijiet tal-HWTP minn pajjiżi oħra u l-bejgħ fl-Unjoni mill-uniku produttur esportatur Korean abbażi tat-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju. |
(50) |
Il-konsum fl-Unjoni żviluppa kif ġej: Tabella 1 Il-konsum tal-Unjoni (tunnellati)
|
(51) |
Matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-Unjoni żdied kemxejn, b’1 %. Żdied b’5 % fil-perjodu bejn l-2016 u l-2018 u mbagħad naqas b’4 % fil-perjodu tal-investigazzjoni. |
4.3. Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
4.3.1. Il-volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
(52) |
Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju li ssottometta l-uniku produttur esportatur Korean. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit billi l-volum tal-importazzjonijiet ġie mqabbel mal-konsum tal-Unjoni. |
(53) |
L-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej: Tabella 2 Il-volum tal-importazzjoni (tunnellati) u s-sehem mis-suq
|
(54) |
Kollox ma’ kollox l-importazzjonijiet Koreani żdiedu bi 83 % matul il-perjodu kkunsidrat. Wara tnaqqis ta’ 31 % fl-2017, l-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea żdiedu b’mod sinifikanti, b’ 165 % mill-2017 sal-perjodu tal-investigazzjoni. Kollox ma’ kollox is-sehem mis-suq tagħhom żdied bi 80 % matul il-perjodu kollu, u l-akbar żieda sinifikanti (+ 165 %) seħħet bejn l-2017 u l-perjodu tal-investigazzjoni. |
4.3.2. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezzijiet
(55) |
Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi tat-tweġiba għall-kwestjonarju li ssottometta l-produttur esportatur. |
(56) |
Il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppa kif ġej: Tabella 3 Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/tunnellata)
|
(57) |
Il-prezzijiet tal-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu f’daqqa waħda fl-2018 bi 17-il punt perċentwali apparagun tas-sena ta’ qabel, u b’mod ġenerali b’34 % matul il-perjodu kkunsidrat. |
(58) |
Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu tal-investigazzjoni billi qabblet:
|
(59) |
It-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq bażi ta’ tip b’tip għal tranżazzjonijiet fl-istess livell ta’ kummerċ, aġġustati kif dovut fejn meħtieġ, u wara t-tnaqqis tar-rifużjonijiet u l-iskontijiet. Ir-riżultat tat-tqabbil kien espress bħala perċentwal tal-fatturat ipotetiku tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dan wera marġini ta’ tnaqqis medju ponderat ta’ 11,1 % għall-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat. Instab li madwar 99,4 % tal-volumi tal-importazzjoni kienu qed iroħħsu l-prezz. |
4.4. Il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni
4.4.1. Kummenti ġenerali
(60) |
Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-analiżi tal-impatt li għandhom l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. |
(61) |
Kif imsemmi fil-premessa (11), intuża l-kampjunar biex jiġi stipulat id-dannu possibbli li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. |
(62) |
Biex jiġi stipulat id-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi tad-dannu. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi fuq il-bażi ta’ data inkluża fit-tweġibiet tal-kwestjonarju mill-ilmentatur. Din id-data hija marbuta mal-produtturi kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi tad-data inkluża fit-tweġibiet tal-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Iż-żewġ ġabriet ta’ data nstabu li huma rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. |
(63) |
L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività u d-daqs tal-marġni tad-dumping. |
(64) |
L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji ta’ unità, il-kost ta’ unità, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabilità, il-flussi tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-kapital. |
4.4.2. Indikaturi makroekonomiċi
4.4.2.1. Il-produzzjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-użu tal-kapaċità
(65) |
Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Tabella 4 Il-produzzjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-użu tal-kapaċità
|
(66) |
Il-produzzjoni tal-HWTP hija attività bi spiża fissa għolja. Matul il-perjodu kkunsidrat, il-volum ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 2 %, bi tnaqqis saħansitra aktar qawwi ta’ sitt (6) punti perċentwali mill-2017 ’l hawn. Il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet b’ 6 %. It-tnaqqis tar-rata tal-użu tal-kapaċità bi 8 % fuq il-perjodu kollu huwa marbut kemm mat-tnaqqis tal-volum tal-produzzjoni kif ukoll maż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni. |
4.4.2.2. Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq
(67) |
Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u s-sehem mis-suq żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Tabella 5 Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq
|
(68) |
Għalkemm il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdied b’9 % mill-2016 sal-2017, minn dak iż-żmien ’l hawn kien hemm tnaqqis kostanti ta’ 2 % matul il-perjodu kkunsidrat, f’konformità mat-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni. |
(69) |
Matul il-perjodu kkunsidrat, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni f’volum ta’ bejgħ wera xejra simili. Naqas bi 3 %. |
4.4.2.3. Tkabbir
(70) |
Il-konsum tal-Unjoni żdied bi ftit, b’1 % matul il-perjodu kkunsidrat, filwaqt li l-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas bi ftit, bi 2 %. Għaldaqstant l-industrija tal-Unjoni tilfet mis-sehem mis-suq, bil-kuntrarju għall-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, li s-sehem tiegħu mis-suq żdied b’mod konsiderevoli matul il-perjodu kkunsidrat u assorbixxa ż-żieda kollha fil-konsum. |
4.4.2.4. Impjiegi u produttività
(71) |
Matul il-perjodu kkunsidrat, l-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej: Tabella 6 Impjiegi u produttività
|
(72) |
Il-livell tal-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni baqa’ pjuttost stabbli matul il-perjodu kkunsidrat, u żdied bi ftit, bi 2 %. Din it-tendenza tista’ tiġi spjegata min-natura kontinwa tal-proċess ta’ produzzjoni tal-HWTP, li huwa ferm awtomatizzat, kontinwu u ġie razzjonalizzat b’mod sinifikanti. Il-produzzjoni tal-karta termali tinvolvi spejjeż fissi għoljin. Il-magni ma jistgħux jitwaqqfu faċilment mingħajr ma jkun hemm impatt sinifikanti fuq il-proċess ta’ produzzjoni. Għalhekk, il-produtturi minflok inaqqsu l-għadd ta’ impjegati fuq xi magna partikolari, il-produtturi jċaqalqu l-produzzjoni għal tip ieħor ta’ karta. Għaldaqstant, il-livelli tal-impjieg isegwu l-produzzjoni ta’ tipi differenti ta’ karti u t-tqassim ta’ dawn it-tipi. L-industrija tal-Unjoni ppruvat iżżomm l-impjiegi minkejja l-profittabilità dejjem tonqos. |
4.4.2.5. Il-kobor tal-marġni tad-dumping
(73) |
Il-marġini tad-dumping kien ferm ogħla mil-livell de minimis. L-impatt tal-kobor tal-marġini ta’ dumping effettiv fuq l-industrija tal-Unjoni ma kienx negliġibbli, meta wieħed iqis il-volum dejjem jiżdied tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat. |
4.4.3. Indikaturi mikroekonomiċi
4.4.3.1. Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet
(74) |
Il-prezzijiet medji ponderati ta’ bejgħ ta’ kull unità, tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, mitluba lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni, żviluppaw kif ġej fil-perjodu kkunsidrat: Tabella 7 Prezzijiet ta’ bejgħ fl-Unjoni
|
(75) |
Matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezz medju tal-bejgħ ta’ kull unità żdied b’14 % u l-kost tal-produzzjoni ta’ kull unità żdied bi 23 %. Din iż-żieda fil-kost tal-produzzjoni kienet l-aktar minħabba ż-żieda fil-kostijiet tal-lewkokolorant kimiku (“ODB2”) li jiġi applikat fil-kisja waqt il-proċess ta’ produzzjoni tal-HWTP. Fi tmiem l-2017 u matul l-2018, l-għeluq temporanju tal-impjanti ta’ produzzjoni tal-ODB2 fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”) ikkawża nuqqas kbir ta’ din il-kimika fid-dinja kollha. B’riżultat ta’ dan, il-prezzijiet tal-produzzjoni żdiedu mir-raba’ trimestru tal-2017 u tul l-2018, u dan kellu impatt fuq il-PI. |
(76) |
Id-differenza bejn il-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità u l-kost tal-produzzjoni ta’ unità turi li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx kapaċi tirkupra l-ispejjeż kollha tal-produzzjoni li żdiedu minħabba l-pressjoni tal-prezzijiet li rriżultat mill-importazzjonijiet Koreani li huma l-oġġett ta’ dumping. |
4.4.3.2. Kostijiet lavorattivi
(77) |
Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Tabella 8 Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat
|
(78) |
Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żdiedu b’4 % matul il-perjodu kkunsidrat. Il-kostijiet lavorattivi għal kull impjegat żdiedu speċjalment fl-2017, meta żdiedu l-produzzjoni u l-produttività. |
4.4.3.3. Inventarji
(79) |
Il-livelli tal-istokkijiet tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Tabella 9 Inventarji
|
(80) |
Matul il-perjodu kkonċernat, il-livelli tal-istokkijiet tal-għeluq tal-industrija tal-Unjoni żdiedu b’mod sinifikanti, biex laħqu tkabbir ta’ 19 % matul il-PI meta apparagun tal-2016. |
4.4.3.4. Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investiment u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital
(81) |
Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Tabella 10 Profittabilità, fluss tal-flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti
|
(82) |
Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dan il-bejgħ. Il-profittabilità naqset b’mod drastiku matul il-perjodu kkunsidrat bi kważi 70 %, minħabba li l-industrija ma kinitx kapaċi tikkumpensa iż-żieda fil-kost tal-produzzjoni bi prezzijiet tal-bejgħ aktar għoljin. Il-pressjoni konsiderevoli fuq il-prezzijiet eżerċitata fuq l-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet li qed jiżdiedu mill-Korea, speċjalment fil-perjodu mill-2017 sal-PI, ma ppermettietx li l-industrija tal-Unjoni tibbenefika mill-kemxejn żieda fil-konsum tal-Unjoni. |
(83) |
Il-fluss tal-flus nett huwa l-abbiltà tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw huma stess l-attivitajiet tagħhom. Ix-xejra fil-fluss tal-flus nett segwiet xejra qawwija ’l isfel, l-aktar minħabba t-tnaqqis fil-profittabilità. |
(84) |
Il-livell ta’ investimenti annwali, li huwa wkoll għal prodotti oħra apparti l-HWTP, żdied b’137 % matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, iż-żieda fil-livelli ta’ investiment ma sarrfitx f’żidiet korrispondenti fil-kapaċità għall-HWTP (ara t-tabella 4). L-investimenti fl-HWTP kellhom biss l-għan li jżommu l-kapaċitajiet eżistenti u li jagħmlu s-sostituzzjonijiet debiti tal-assi ta’ produzzjoni meħtieġa. Il-produzzjoni tal-HWTP hija industrija intensiva fl-assi. L-industrija tal-Unjoni trid regolarment tissostitwixxi makkinarju li għamel żmienu jew li ma jistax jibqa’ jintuża. Produttur tal-Unjoni wieħed biss ilu jinvesti f’linja ta’ produzzjoni ġdida (f’impjant tal-karta u f’magna tal-kisi) biex iżid il-kapaċità, li għandha tintuża l-aktar għal prodotti oħra għajr l-HWTP. |
(85) |
Il-livell totali tal-investimenti kien insinifikanti fir-rigward tal-ispiża totali tal-bini ta’ linja ta’ produzzjoni ġdida. Fil-kumpaniji inklużi fil-kampjun, l-investimenti baqgħu inqas mir-rata ta’ deprezzament. Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-karta termali ħafifa (7) (“LWTP”), il-Kummissjoni qieset li “minkejja l-fatt li l-investimenti rduppjaw, il-livell assolut tal-investimenti baqa’ limitat, b’mod partikolari meta jitqies il-fatt li pereżempju, il-valur stmat ta’ linja tal-produzzjoni ġdida tal-LWTP huwa ta’ EUR 120 miljun”. Peress li l-HWTP hija prodotta fuq l-istess magni bħall-LWTP u li l-livelli ta’ investiment globali tal-HWTP kienu saħansitra inqas mil-livelli osservati matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni għall-LWTP (matul il-PI, l-investimenti fl-HWTP kienu jammontaw għal EUR 6,5 – 7,0 miljun apparagun ta’ EUR 4,5 – 9,0 miljun ta’ investimenti għal-LWTP fl-2015, jiġifieri waqt l-investigazzjoni fil-PI għal-LWTP), jista’ jiġi konkluż li l-livell ta’ investimenti tal-industrija tal-Unjoni kien f’livell perikolożament baxx. |
(86) |
Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt fil-perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Dan żviluppa b’mod negattiv matul il-perjodu kkunsidrat, li jirrifletti x-xejra għall-profittabilità u l-flussi tal-flus. B’mod ġenerali, il-produtturi fil-kampjun żammew il-livell tagħhom ta’ investiment għall-ammonti meħtieġa biex ikomplu għaddejjin bl-attività. |
4.4.4. Il-konklużjoni dwar id-dannu
(87) |
Matul il-perjodu kkunsidrat, id-dannu tal-industrija tal-Unjoni kien materjali u evidenti fir-rigward tal-indikaturi tad-dannu relatati mal-prezzijiet, bħall-profittabilità jew il-fluss tal-flus. |
(88) |
Barra minn hekk, f’dak li għandu x’jaqsam mal-indikaturi tad-dannu relatati mal-volum, il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni naqas b’10 punti perċentwali mill-2017, biex ntlaħaq volum ta’ bejgħ saħansitra aktar baxx matul il-PI apparagun tal-2016. B’kuntrast ma’ dan, matul il-perjodu kkunsidrat, l-esportatur Korean uniku rnexxielu kważi jirdoppja l-esportazzjonijiet tiegħu, u żied b’mod sinifikanti s-sehem mis-suq tiegħu, bi kważi 5 punti perċentwali. Iż-żieda fil-perjodu ta’ bejn l-2017 u l-PI kienet partikolarment notevoli. L-esportatur Korean kważi ttripplika l-esportazzjonijiet u s-sehem mis-suq tiegħu. Il-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni marret sostanzjalment għall-agħar bħala riżultat taż-żieda fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. |
(89) |
Id-diffikultajiet biex jiġi ġġenerat il-kapital poġġew taħt pressjoni l-kapaċità ta’ investiment fi proċessi ta’ produzzjoni ġodda u innovattivi tal-HWTP. Matul il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni investiet fil-livell minimu meħtieġ sabiex timmodernizza u tissostitwixxi t-tagħmir skadut u biex timplimenta l-aġġornamenti tekniċi meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni ambjentali. Minkejja azzjonijiet konkreti biex jiġu ottimizzati l-proċessi interni mill-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat sabiex titjieb il-prestazzjoni ġenerali tagħha, is-sitwazzjoni tagħha ddeterjorat b’mod sinifikanti fir-rigward tal-profittabilità u t-telf tas-sehem mis-suq. |
(90) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni f’dan l-istadju għalhekk ikkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. |
5. RABTA TA’ KAWŻALITÀ
(91) |
F’konformità mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi magħrufin oħrajn setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kull dannu possibbli kkawżat minn fatturi għajr l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż kkonċernat ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping. Dawn il-fatturi huma l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, iż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, l-allegata inkapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tissodisfa d-domanda tal-prodotti mingħajr il-Bisfenol A (“mingħajr BPA”) u mill-kompetizzjoni domestika fost il-produtturi tal-Unjoni. |
5.1. L-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping
(92) |
Kien hemm korrelazzjoni ċara bejn iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Korea u s-sitwazzjoni deterjoranti tal-industrija tal-Unjoni. L-importazzjonijiet mill-Korea żdiedu bi 83 % matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Iż-żieda sostanzjali fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Korea kienet b’mod ċar ta’ detriment għall-industrija tal-Unjoni, li s-sehem fis-suq tagħha niżel bi 3 % matul il-perjodu kollu kkunsidrat u b’10 % mill-2017 ’l hawn. |
(93) |
Il-prezzijiet Koreani kienu b’mod konsistenti u sinifikanti taħt il-prezzijiet tal-Unjoni. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Koreani kienu inferjuri għall-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, b’marġni ta’ twaqqigħ fil-prezz ta’ 11,1 % matul il-PI. L-Industrija tal-Unjoni ma setgħetx tispjega ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni, u dan juri l-pressjoni fuq il-prezzijiet li għamlu l-importazzjonijiet ikkonċernati. Din is-sitwazzjoni kellha impatt serju fuq il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni, li naqset għal livelli baxxi ħafna matul il-PI. |
(94) |
Fid-dawl tal-koinċidenza stabbilita b’mod ċar fiż-żmien bejn, minn naħa waħda, il-livell dejjem jiżdied ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezzijiet li nsab li kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-istaġnar tal-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, it-telf tas-sehem mis-suq u t-tnaqqis fil-profittabilità, jista’ jiġi konkluż li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kienu responsabbli għas-sitwazzjoni ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni. |
5.2. Effetti ta’ fatturi oħra
5.2.1. Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra
(95) |
Il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Tabella 11 Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra
|
(96) |
Fir-rigward tas-snin ta’ qabel il-perjodu tal-investigazzjoni, il-volumi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi kienu bbażati fuq l-ilment. Għall-PI, il-volum ġie kkalkulat bil-multiplikazzjoni tad-data marbuta mal-ilmenti tal-2018 mad-differenza ta’ bejn l-2018 u l-PI (-0,1 %) indikata mid-data tal-Eurostat bil-kodiċijiet tan-NM 4809 90 00, 4811 59 00 u 4811 90 00. Il-prezz matul il-perjodu kkunsidrat kien ibbażat fuq data tal-Eurostat, fejn bħala l-eqreb approssimazzjoni ittieħed id-differenzjar tal-prezzijiet Koreani bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodotti l-oħra li jaqgħu taħt l-istess kodiċijiet tan-NM. Għalhekk, sar aġġustament abbażi tal-proporzjon fil-prezz bejn il-prezzijiet tal-Eurostat għall-Korea u l-prezzijiet tal-bejgħ reali tal-produttur esportatur Korean. |
(97) |
L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra naqsu b’31 % f’termini ta’ volumi matul il-perjodu kkunsidrat u s-sehem mis-suq tagħhom fl-Unjoni bi 32 %. Dawn il-volumi ta’ importazzjoni saru bi prezzijiet kemxejn aktar baxxi mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, iżda ferm ogħla mill-prezz medju użat mill-esportatur Korean. L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra għalhekk sofrew ukoll miż-żieda fl-importazzjonijiet Koreani. |
(98) |
Il-produttur esportatur iddikjara li l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu se jikkontribwixxu għal prezzijiet aktar baxxi u kienu jkomplu jżidu l-pressjoni ’l isfel fil-prezz li diġà kienet ġiet ikkawżata minn politiki ta’ pprezzar aggressiv ta’ ċerti produtturi tal-Unjoni. L-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu f’livelli baxxi ħafna, bejn 1 500 u 2 500 tunnellata fl-2018 (8). Is-sehem mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet kien stmat li kien jammonta għal madwar 1 % tal-konsum tal-Unjoni. B’paragun ma’ dan, l-importazzjonijiet mill-Korea, kif ivverifikati, ammontaw għal bejn 15 500 u 17 500 tunnellata f’dik is-sena. F’tali livelli baxxi, l-importazzjonijiet Ċiniżi ma kellhomx effett evidenti fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkonċernat. Barra minn hekk, il-prezzijiet ta’ dawk l-importazzjonijiet fl-Unjoni, skont il-metodu deskritt fil-premessa (96), kienu ferm ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Korea u f’livell simili għal dawk tal-Industrija tal-Unjoni. |
(99) |
Għalhekk, ġie konkluż b’mod provviżorju li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi probabbilment ma kkawżawx dannu għall-industrija tal-Unjoni u ma jnaqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
5.2.2. Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni
(100) |
Il-volum tal-esportazzjonijiet (bejgħ mhux relatat) tal-industrija tal-Unjoni żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: It-Tabella 12 Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni
|
(101) |
Matul il-perjodu kkunsidrat, il-volum tal-esportazzjonijiet lil klijenti mhux relatati mill-industrija tal-Unjoni naqas b’14 %. Il-prezzijiet telgħu b’16 %. Is-sehem tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni fuq il-volum totali tal-bejgħ tagħhom naqas b’madwar 10 % matul il-perjodu kkunsidrat, u laħaq 17,7 % matul il-PI. L-impatt tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kien għalhekk limitat. |
(102) |
Ġie konkluż b’mod provviżorju li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma setax ikollha impatt sinifikanti fuq id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u li ma tnaqqasx ir-rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
5.2.3. Żieda fil-prezzijiet tal-materja prima
(103) |
L-għeluq temporanju tal-impjanti ta’ produzzjoni fir-RPĊ fl-2017 u fl-2018 ikkawża nuqqas ta’ ODB2, input kimiku, fi tmiem l-2017 u matul l-2018. Il-prezzijiet tal-ODB2 żdiedu b’madwar 500 % bejn Settembru 2017, meta l-ewwel impjanti Ċiniżi għalqu, u kmieni fl-2018. Skont il-grad speċifiku tal-prodott ikkonċernat (9), din is-sustanza kimika kienet tirrappreżenta minn 7 sa 15 % tal-ispiża tal-produzzjoni totali tal-HWTP matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (10). Dan in-nuqqas kellu impatt fuq l-istruttura tal-ispejjeż tal-industrija tal-karta termali globali peress li din laqtet lill-produtturi kollha tal-HWTP b’mod ugwali madwar id-dinja, anke fil-Korea. |
(104) |
Il-produttur esportatur iddikjara li ż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, speċjalment minħabba n-nuqqas ta’ ODB2, flimkien ma’ kuntratti ta’ terminu twil, naqqsu il-profittabilità u kkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. L-industrija tal-Unjoni ma kinitx tkun kapaċi titrasferixxi ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħha minħabba n-natura fit-tul tal-kuntratti ta’ provvista tagħha tal-HWTP. Għaldaqstant iffukat fuq il-qasam tal-LWTP minħabba l-karatteristika flessibbli tas-suq tal-provvista tal-LWTP peress li l-prezzijiet mhumiex innegozjati fuq terminu twil. |
(105) |
Quddiem din is-sitwazzjoni, u għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-produttur esportatur, l-industrija tal-Unjoni setgħet iżżid il-prezzijiet tagħha kważi immedjatament minħabba li ma kellhiex kuntratti fissi fuq terminu twil mal-klijenti tagħha, iżda pjuttost “ftehimiet ta’ rġulija” flessibbli. Il-parti l-kbira tal-klijenti, inklużi l-laminaturi l-kbar, aċċettaw żieda immedjata fil-prezz wara l-kriżi tal-ODB2. |
(106) |
Madankollu, hekk kif iż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni ħabtet maż-żieda fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-Korea, il-produtturi Ewropej ma setgħux jgħaddu ż-żieda kollha tal-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom fuq il-klijenti tagħhom. Setgħu biss iżidu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom parzjalment bħala kumpens għaż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima (11). L-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ġagħluhom jassorbu parti kbira miż-żidiet fl-ispejjeż. Il-produttur esportatur Korean seta’ jgħaddi ż-żieda fl-ispejjeż fuq il-klijenti tiegħu billi żied il-prezzijiet tal-bejgħ b’34 % matul il-perjodu kkunsidrat. Minħabba li l-prezzijiet Koreani kienu konsistentement aktar baxxi mill-prezzijiet tal-Unjoni kif ukoll l-oġġett ta’ dumping, dawn impedew lill-industrija tal-Unjoni milli tgħaddi kompletament iż-żieda fl-ispejjeż. Minħabba l-imġiba aggressiva fl-ipprezzar tal-produttur esportatur Korean, l-industrija tal-Unjoni setgħet tgħaddi ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħha fl-Unjoni b’madwar 50 % biss. |
(107) |
Sabiex tiġi aktar evidenzjata r-rabta ta’ kawżalità bejn iż-żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Korea u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, sar tqabbil mal-prestazzjoni tal-LWTP. Tabilħaqq, fil-produzzjoni tal-HWTP u tal-LTWP ntużaw magni u teknoloġija identiċi; it-tnejn li huma użaw l-istess prodotti ta’ input u ffaċċjaw karatteristiċi simili tas-suq. L-LWTP ġiet affettwata mill-istess żieda fil-kost tal-materja prima bl-istess mod bħall-prodott ikkonċernat. Matul il-PI, l-importazzjonijiet tal-LWTP mill-Korea kienu soġġetti għal dazji anti-dumping. |
(108) |
Tnejn mit-tliet produtturi fil-kampjun ipproduċew u biegħu wkoll kwantitajiet sinifikanti ta’ LWTP matul il-perjodu kkunsidrat. Matul il-PI, il-marġni ta’ profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fuq il-HWTP kien f’livell ta’ bejn 2 u 5 %. Din iċ-ċifra hija konsiderevolment inqas mill-marġni vverifikat ta’ profittabilità għal prodotti oħra mmanifatturati, fejn l-LWTP għandha sehem kbir, u ntlaħqet mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fl-2018 u matul il-PI, minkejja l-ogħla livell ta’ prezzijiet milħuq mill-ODB2. Il-produtturi tal-Unjoni kienu kapaċi jsostnu żidiet fil-kost tal-input f’suq mhux imxekkel minn importazzjonijiet bi prezz inġust (12). Dan juri li hija l-pressjoni fuq il-prezzijiet minn importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping li qed tikkawża t-tnaqqis fil-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni tal-HWTP. |
(109) |
Il-produttur esportatur sostna wkoll li, minħabba n-nuqqas fl-ODB2, l-industrija tal-Unjoni ma kinitx kapaċi tissodisfa d-domanda fis-suq tal-Unjoni u żied jgħid li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqset fl-2018 u matul il-PI minħabba n-nuqqas ta’ ODB2. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni kellha biżżejjed kapaċità żejda biex tissodisfa d-domanda (ara l-premessa (65)) u l-investigazzjoni tal-Kummissjoni sabet li l-ebda wieħed mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun ma rrifjuta xi ordni ta’ xiri minħabba nuqqas ta’ ODB2. |
(110) |
Ġie konkluż b’mod provviżorju li ż-żieda fil-prezz tal-ODB2 ma naqqsitx ir-rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
5.2.4. L-allegata inkapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tissodisfa d-domanda ta’ prodotti mingħajr BPA
(111) |
Il-produttur esportatur iddikjara li t-tranżizzjoni kajmana tal-industrija tal-Unjoni għal prodotti mingħajr BPA kkawżat l-allegata żieda fjakka fil-bejgħ tiegħu. |
(112) |
L-ewwel nett, l-investigazzjoni stabbiliet li l-biċċa l-kbira tal-produtturi Ewropej ilhom jipproduċu prodotti mingħajr BPA diġà għal aktar minn 20 sena (13). |
(113) |
Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni stqarret u wriet fil-bejgħ tagħha matul il-PI li hija kompliet tbigħ karta bil-BPA għax kien hemm domanda kontinwa għal din il-karta, u dan għaliex il-prezz tal-prodotti li fihom il-BPA kien orħos (14). L-utenti tal-HWTP, bħal laminaturi u konvertituri, komplew jordnaw l-HWTP li jkollha l-BPA minkejja li kienet liberament disponibbli dik mingħajr BPA. Dan kompla jsostni d-dikjarazzjoni tal-industrija tal-Unjoni li l-klijenti għażlu li jipposponu li jaqilbu sa kemm setgħu (fil-prattika sa nofs l-2019) minħabba l-prezz ogħla tal-alternattivi mingħajr BPA. |
(114) |
Ma ngħatat l-ebda evidenza li l-produtturi tal-Unjoni kellhom nuqqas ta’ BPA jew ta’ Bisfenol S (“BPS”) (l-iżviluppatur li qed jissostitwixxi fil-biċċa l-kbira lill-BPA mill-2020, li diġà kien ilu jintuża sew mill-inqas sa mill-2018) fi kwalunkwe waqt. Matul il-PI, kemm l-esportatur Korean kif ukoll il-produtturi tal-Unjoni kienu qed ibigħu kwantitajiet sinifikanti ta’ HWTP li jkollha kemm il-BPA kif ukoll il-BPS. |
(115) |
Għalhekk l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi tforni prodotti mingħajr BPA matul il-perjodu kkunsidrat. Il-bejgħ mingħandha ta’ prodotti mingħajr BPA ma kkontribwixxiex għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u ma naqqasx ir-rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
5.2.5. Kompetizzjoni domestika fost il-produtturi Ewropej
(116) |
Il-produttur esportatur allega li l-kompetizzjoni domestika kompliet tnaqqas il-prezzijiet tal-Unjoni: xi produtturi tal-Unjoni għaddew kompletament iż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni fil-prezzijiet tal-HWTP tagħhom, filwaqt li produtturi tal-Unjoni oħrajn iddeċiedew li jżommu l-prezzijiet baxxi sabiex jiksbu ishma mis-suq. Dawn l-istrateġiji differenti komplew jżidu n-nuqqas ta’ profittabilità tal-industrija tal-Unjoni. |
(117) |
Il-produttur esportatur ma ssostanzjax dan l-argument b’xi evidenza ta’ prattiki antikompetittivi. Xejn fil-fajl ma wera li l-kompetizzjoni fost il-produtturi tal-Unjoni ma kinitx ġusta. Barra minn hekk, il-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-Unjoni ma tfissirx li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ma sfurzawx lil dawn il-produtturi biex jagħmlu offerti aħjar minn ta’ xulxin f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta, u biex b’hekk ibigħu bi prezzijiet mhux sostenibbli. |
(118) |
Fost il-produtturi Ewropej, il-kumpaniji li żiedu b’relattivament ftit il-prezzijiet, f’mument relattivament tard, ma rawx żieda fl-ishma tas-suq tagħhom. Għall-kuntrarju, bħall-produtturi l-oħra tal-Unjoni, l-ishma tas-suq tagħhom komplew jonqsu matul il-perjodu kkonċernat (15). |
(119) |
Għaldaqstant, il-kompetizzjoni domestika fis-suq Ewropew ma kkontribwietx għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u ma naqqasitx ir-rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
5.3. Konklużjoni dwar il-kawżalità
(120) |
Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet f’dan l-istadju li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Korea kellhom impatt kbir fuq id-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Fatturi oħra, li jistgħu jitqiesu b’mod individwali jew kollettiv, bħall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, iż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, l-allegata inkapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tissodisfa d-domanda ta’ prodotti mingħajr BPA u l-allegata kompetizzjoni domestika fost il-produtturi Ewropej, tqiesu li żiedu biss id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Korea, iżda provviżorjament ma nstabx li jnaqqsu r-rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
6. INTERESS TAL-UNJONI
(121) |
Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk setgħetx b’mod ċar tikkonkludi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri f’dan il-każ fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, minkejja li ġie stabbilit dumping dannuż. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq ir-rikonoxximent tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi u tal-utenti. |
(122) |
Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet interessati kollha. Madankollu hija rċeviet tweġibiet mingħand żewġ importaturi u mingħand ħames utenti biss, li minn fosthom importatur wieħed biss u żewġ utenti ssottomettew il-kwestjonarju. |
6.1. Interess tal-industrija tal-Unjoni
(123) |
Il-membri kollha tal-ETPA appoġġaw l-ilment. Mill-membri kollha li ma humiex fl-ETPA, Ricoh Industrie France S.A.S. (Ricoh), kienet l-iktar importatni f’termini ta’ volumi ta’ bejgħ (stmati mill-ilmentatur għal madwar 20 % mill-bejgħ kollu tal-industrija tal-Unjoni). Ricoh esprimiet ruħha favur l-ilment. |
(124) |
Il-Konfederazzjoni tal-Industriji tal-Karta Ewropej (“CEPI”) għamlet kummenti dwar l-investigazzjoni u appoġġatha bis-sħiħ, għar-raġuni li l-miżuri anti-dumping kontra l-importazzjonijiet Koreani kienu se jgħinu biex jerġa’ jkun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-HWTP, u kienu se jibagħtu sinjal qawwi lill-esportaturi, li l-Unjoni Ewropea hija impenjata favur il-kummerċ ħieles globali b’kundizzjonijiet kompetittivi u ġusti. |
(125) |
Il-produtturi tal-Unjoni argumentaw li l-impożizzjoni ta’ miżuri tista’ tissalvagwardja l-impjiegi, tippromwovi aktar investimenti u tikkontribwixxi biex titreġġa’ lura x-xejra ta’ tnaqqis fil-profittabilità li ġiet osservata minn meta l-esportatur Korean daħal fis-suq tal-Unjoni. L-impożizzjoni ta’ miżuri se tistabbilixxi mill-ġdid kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u livell ġust tal-prezz fis-suq tal-Unjoni, u se ttejjeb il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni għal livelli kkunsidrati normali għal din l-industrija intensiva fil-kapital. |
(126) |
Għaldaqstant, f’dan l-istadju l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping tkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni. |
6.2. L-interess tal-importaturi mhux relatati
(127) |
Waħda mill-partijiet wieġbet għall-kwestjonarju tal-importaturi. Din il-parti ma esprimietx opinjoni dwar jekk taqbilx jew le mal-impożizzjoni ta’ miżuri. Mix-xiri kollu tal-HWTP li sar minn din il-kumpanija fil-PI, perċentwal relattivament żgħir biss (bejn 10 u 20 %) oriġina mill-Korea, u kienet tiddependi ħafna fuq il-produtturi tal-Unjoni għall-provvista tagħha. Il-marġnijiet tal-profitt irrappurtati, b’mod ġenerali u fuq il-bejgħ mill-ġdid tal-HWTP importata kienu jirrappreżentaw aktar minn 20 % tal-fatturat. Minħabba l-marġini ta’ profitt b’saħħtu u l-parti relattivament modesta tax-xiri mill-Korea, id-dazji ma għandux ikollhom effett sproporzjonat fuq is-sitwazzjoni ta’ dan l-importatur. |
(128) |
Għalhekk, fl-istadju provviżorju, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-interessi ta’ dan l-importatur mhux relatat mhux se jġarrbu dannu mid-dazji anti-dumping fuq l-HWTP. |
6.3. Interessi tal-utenti
(129) |
Ħames utenti ppreżentaw lilhom infushom mal-Kummissjoni u tnejn minnhom biss taw ftit informazzjoni ddettaljata. L-ewwel wieħed minn dawn it-tnejn bagħat lura kwestjonarju vojt, li jindika kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkwantifika l-effetti possibbli ta’ xi dazji anti-dumping fuq is-sitwazzjoni tiegħu. |
(130) |
It-tieni utent iddikjara li matul il-kriżi tal-ODB2 il-produtturi tal-Unjoni żiedu l-prezzijiet u ma kinux kapaċi jfornu kwantitajiet suffiċjenti, u għal din ir-raġuni, dar lejn l-esportatur Korean. Madankollu, dan l-utent ma pprovda l-ebda evidenza li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tforni l-kwantitajiet mitluba u jidher li dan l-utent ma aċċettax iż-żidiet fil-prezz marbuta mal-kriżi tal-ODB2, u dar fuq l-esportatur Korean għal prezzijiet orħos. Il-Kummissjoni osservat ukoll li ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ natura temporanja li seħħew fil-passat, bħall-kriżi tal-ODB2, u li għalihom ma hemm l-ebda evidenza li dawn se jerġgħu jseħħu fil-futur matul il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri, ma setgħux jegħlbu l-ħtieġa li jiġu eliminati l-effetti tad-dumping dannuż li jfixklu l-kummerċ. Għaldaqstant din id-dikjarazzjoni ma ntlaqgħetx. |
(131) |
L-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ utenti ma pprovda biżżejjed informazzjoni verifikabbli li tippermetti li l-Kummissjoni tagħmel analiżi oġġettiva dwar l-impatt tal-miżuri fuq is-sitwazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, it-tnejn li huma ċaħdu t-talba tal-Kummissjoni biex jipprovdu l-marġni tal-profitt tagħhom sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkwantifika l-effetti possibbli ta’ kwalunkwe dazju anti-dumping fuq il-prestazzjoni tagħhom. |
(132) |
Tliet utenti sostnew li, għall-kuntrarju tal-produtturi Ewropej, l-esportatur Korean kien kapaċi jipprovdi karta termali affordabbli mingħajr BPA. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni uriet li din l-argumentazzjoni hija bla bażi, kif spjegat fil-premessi minn (111) sa (115). Ma ngħatat l-ebda evidenza li l-produtturi tal-Unjoni kien jonqoshom jew ma kinux kapaċi jfornu prodotti mingħajr BPA. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni stabbiliet li l-biċċa l-kbira tal-produtturi Ewropej ilhom jipproduċu prodotti mingħajr BPA għal aktar minn 20 sena. |
(133) |
Tliet utenti opponew l-impożizzjoni potenzjali ta’ miżuri fuq il-bażi li l-produttur esportatur żgura provvista stabbli u kien fornitur importanti fis-suq tal-Unjoni. L-ebda waħda minn dawn it-tliet kumpaniji ma pprovdiet evidenza li ssostni d-dikjarazzjonijiet tagħha. Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdiedet b’ 6 % matul il-perjodu kkunsidrat u l-Industrija tal-Unjoni għandha kapaċità żejda sinifikanti. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessi minn (111) sa (115), l-industrija tal-Unjoni, minkejja l-kundizzjonijiet diffiċli tas-suq, dejjem kienet kapaċi tipprovdi kemm karta termali mingħajr BPA u kemm karta bil-BPA matul il-perjodu kkunsidrat. |
(134) |
Fl-istadju provviżorju, il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-effetti ta’ impożizzjoni potenzjali ta’ dazji fuq l-utenti ma jidhirx li huma akbar mill-effetti pożittivi tal-miżuri fuq l-industrija tal-Unjoni. Fil-fatt, l-ebda wieħed mill-utenti ma pprovda informazzjoni affidabbli li tippermetti lill-Kummissjoni tevalwa jekk l-impożizzjoni ta’ dazji jkollhiex impatt sinifikanti jew le, fuqhom. |
6.4. L-interessi ta’ partijiet interessati oħra
(135) |
L-esportatur Korean u l-Gvern tal-Korea sostnew li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping timpedixxi lill-klijenti tal-Unjoni milli jkollhom aċċess affordabbli għall-HWTP mingħajr BPA. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni wriet li din id-dikjarazzjoni hija bla bażi. |
(136) |
L-ewwel nett, l-industrija tal-Unjoni wriet li għandha kapaċità suffiċjenti biex tkun tista’ ssegwi d-domanda għall-prodotti mingħajr BPA u li tista’ taqleb kompletament il-produzzjoni tagħha mill-HWTP bil-BPA għall-HWTP mingħajr BPA. It-tieni, il-livelli tal-istokkijiet tal-industrija tal-Unjoni kienu qed jiżdiedu b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkonċernat, li jfisser li kien disponibbli stokk kbir biżżejjed biex immedjatament tibda tiġi pprovduta l-industrija tal-Unjoni. It-tielet, id-dazji anti-dumping ma jwaqqfux lill-klijenti milli jixtru l-provvista tal-HWTP tagħhom minn barra mill-Unjoni. Hemm sorsi oħra ta’ provvista disponibbli kif muri fit-Tabella 11 (Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra). Il-klijenti għalhekk ikunu jistgħu jsibu sorsi alternattivi ta’ provvista bi prezzijiet kompetittivi u ġusti. |
(137) |
L-esportatur Korean u l-Gvern tal-Korea sostnew li, jekk ikun hemm nuqqas ieħor ta’ materja prima, id-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet mill-Korea jimminaw serjament l-utenti Ewropej tal-HWTP. Il-Kummissjoni fakkret li l-effett tal-miżuri anti-dumping huwa biex terġa’ tiġi stabbilita kompetizzjoni ġusta u effettiva bejn l-atturi kollha, li l-industrija tal-Unjoni għandha biżżejjed kapaċità kif imsemmi fil-premessi minn (65) sa (66) u li l-ebda wieħed mill-utenti li ppreżenta ruħu ma pprovda xi informazzjoni sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina dik id-dikjarazzjoni. |
(138) |
L-esportatur Korean u l-Gvern tal-Korea għamlu riferiment għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn il-Korea u l-UE, li daħal fis-seħħ fl-2015, u argumentaw li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping tkun ta’ ħsara għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni u l-Korea. Il-Kummissjoni osservat li din mhijiex kunsiderazzjoni li tista’ tiġi indirizzata taħt l-analiżi tal-interessi tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni fakkret li skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn il-Korea u l-UE, iż-żewġ partijiet qablu li l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ jibqgħu applikabbli bis-sħiħ, u li l-oriġini ta’ dan il-proċediment huwa l-aġir tal-produtturi esportaturi Koreani. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet irrifjutata. |
6.5. Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni
(139) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-HWTP li joriġinaw mill-pajjiż kkonċernat f’dan l-istadju tal-investigazzjoni. |
7. MIŻURI ANTI-DUMPING PROVVIŻORJI
(140) |
Abbażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni dwar id-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri provviżorji sabiex ikun evitat dannu ulterjuri għall-industrija tal-Unjoni minn importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. |
7.1. Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu (Marġni tad-dannu)
(141) |
Sabiex tiddetermina l-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet l-ammont ta’ dazju neċessarju biex ikun eliminat id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
(142) |
Id-dannu jiġi eliminat jekk l-industrija tal-Unjoni tkun kapaċi tkopri l-kostijiet tal-produzzjoni tagħha, inklużi dawk il-kostijiet li jirriżultaw mill-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, u l-protokolli tagħhom, li għalihom l-Unjoni hija parti, u mill-Konvenzjonijiet tal-ILO elenkati fl-Anness Ia tar-Regolament bażiku, u tikseb profitt raġonevoli (“profitt fil-mira”). |
(143) |
L-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-profitt minimu fil-mira għal 6 %. Skont dan l-Artikolu, sabiex tistabbilixxi l-profitt fil-mira, il-Kummissjoni trid tqis il-fatturi bħal pereżempju l-livell ta’ profittabilità qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Korea, il-livell ta’ profittabilità meħtieġ sabiex jitkoprew il-kostijiet u l-investimenti kollha, il-kostijiet tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni, u l-livell ta’ profittabilità li wieħed għandu jistenna f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. |
(144) |
L-investigazzjoni wriet li l-profittabilità reali tal-industrija tal-Unjoni fis-sena 2016, jiġifieri qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet Koreani, kienet fil-livell minn 8 sa 11 %. |
(145) |
Tnejn mill-produtturi fil-kampjun għamlu talba għal investimenti mitlufa. Il-Kummissjoni investigat din il-pretensjoni skont l-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku. Madankollu, il-kumpaniji kkonċernati ma kinux kapaċi jipprovdi evidenza dokumentata biex isostnu din il-pretensjoni, li għalhekk, provviżorjament ma ntlaqgħetx. |
(146) |
Fid-dawl tal-fatti ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża l-marġni ta’ profitt miksub mill-industrija fis-sena 2016 bħala l-profitt fil-mira. Dan il-profitt fil-mira ġie miżjud mal-kost tal-produzzjoni reali tal-industrija tal-Unjoni biex jiġi stabbilit il-prezz li ma jikkawżax dannu. |
(147) |
Skont l-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni vvalutat il-kostijiet futuri li jirriżultaw minn Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, u l-protokolli taħthom, li għalihom l-Unjoni hija parti, li l-industrija tal-Unjoni se ġġarrab matul il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 11(2). Abbażi tal-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni stabbiliet kost addizzjonali fuq medda ta’ bejn EUR 6 u 10 għal kull tunnellata, li ġew miżjuda mal-prezz mhux dannuż. |
(148) |
Il-Kummissjoni mbagħad iddeterminat il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu fuq il-bażi ta’ tqabbil tal-medja ponderata tal-prezz tal-importazzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera fil-pajjiż ikkonċernat, kif stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, mal-medja ponderata tal-prezz mhux dannuż tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Kull differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjoni. Il-marġni tal-bejgħ bil-prezz imwaqqa’ ġie stabbilit b’mod provviżorju għal 22,5 %. |
(149) |
Għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (45), l-istess marġni tal-bejgħ bil-prezz imwaqqa’ huwa applikabbli għall-produtturi esportaturi l-oħra kollha, jekk hemm. |
7.2. Miżuri provviżorji
(150) |
Abbażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni dwar id-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri provviżorji sabiex ikun evitat dannu ulterjuri għall-industrija tal-Unjoni minn importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. |
(151) |
Il-miżuri anti-dumping provviżorji jeħtieġ li jiġu imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali tqila li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea, f’konformità mar-regola tad-dazju inferjuri fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni qabblet il-marġni ta’ dannu u l-marġni tad-dumping. L-ammont tad-dazji jeħtieġ li jiġi stabbilit fil-livell li hu l-inqas wieħed bejn l-marġini tad-dumping u dak tad-dannu, jiġifieri fil-livell tal-marġini tad-dumping. |
(152) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping provviżorji, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:
|
(153) |
Kif spjegat ukoll fil-premessa (45), il-livell tal-kooperazzjoni f’dan il-każ huwa għoli minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jirrappreżentaw l-esportazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, id-dazju residwu anti-dumping huwa bbażat fuq dak tal-kumpanija li kkooperat. |
(154) |
Ir-rati tad-dazju anti-dumping ta’ kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Gћaldaqstant, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju huma esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Korea u mmanifatturat mill-entitajiet ġuridiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”. |
(155) |
Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ din ir-rata ta’ dazju anti-dumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (16). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li t-tibdil ma jaffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata ta’ dazju li tapplika għaliha. Jekk it-tibdil fl-isem tal-kumpanija ma jaffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat avviż li jinnotifika dwar it-tibdil tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(156) |
Biex ikun żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma jkunux ikkooperaw f’din l-investigazzjoni, iżda anki għall-produtturi li ma esportawx lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. |
8. INFORMAZZJONI FL-ISTADJU PROVVIŻORJU
(157) |
Skont l-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji provviżorji. Din l-informazzjoni saret ukoll disponibbli għall-pubbliku ġenerali permezz tas-sit web tad-DĠ KUMMERĊ. Il-partijiet interessati ngħataw tlett ijiem tax-xogħol sabiex jikkummentaw dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli ddivulgati speċifikament lilhom. |
(158) |
Waslu kummenti mingħand il-grupp Hansol u mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Il-Kummissjoni qieset il-kummenti li kienu kkunsidrati ta’ natura klerikali u kkoreġiet il-marġni kif xieraq. |
9. DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
(159) |
Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni se tistieden lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti bil-miktub fi żmien 15-il jum u/jew jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċeduri kummerċjali fi żmien ħamest (5) ijiem. |
(160) |
Il-konklużjonijiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ dazji provviżorji huma provviżorji u jistgħu jiġu emendati fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju provviżorju anti-dumping ġie impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali tqila, definita bħala karta termali li tiżen aktar minn 65 g/m2; li tinbiegħ f’rombli b’wisa’ ta’ 20 cm jew aktar, li jiżnu 50 kg jew aktar (inkluża l-karta) u b’dijametru ta’ 40 cm jew aktar (ir-rombli jumbo); b’kisja fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat jew mingħajr kisja; miksija b’sustanza termosensittiva (jiġifieri taħlita ta’ kolorant u żviluppatur li tirreaġixxi u tifforma immaġni meta tiġi applikata s-sħana) fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat; u b’kisja ta’ fuq jew mingħajrha, li toriġina mir-Repubblika tal-Korea, li bħalissa taqa’ fil-kodiċijiet tan-NM ex 4809 90 00, ex 4811 59 00 u ex 4811 90 00 (il-kodiċijiet TARIC 4809900020, 4811590020 u 4811900020).
2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping provviżorju applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 għandha tkun 22,3 %.
3. Ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-għoti ta’ depożitu ta’ garanzija ekwivalenti għall-ammont tad-dazju provviżorju.
4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali
Artikolu 2
1. Il-partijiet interessati għandhom jippreżentaw il-kummenti bil-miktub tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum tal-kalendarju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-partijiet interessati li jixtiequ seduta mal-Kummissjoni għandhom jagħmlu dan fi żmien ħamest (5) ijiem kalendarji mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
3. Il-partijiet interessati li jixtiequ jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali għandhom jagħmlu dan fi żmien ħamest (5) ijiem tal-kalendarju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-Uffiċjal tas-Seduta għandu jeżamina t-talbiet ippreżentati barra dan il-limitu taż-żmien u jista’ jiddeċiedi dwar jekk l-aċċettazzjoni tagħhom tkunx xieraq.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1 għandu japplika għal perjodu ta’ sitt xhur.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) In-Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping rigward l-importazzjonijiet, ta’ ċerta karta termali tqila, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea (ĠU C 342, 10.10.2019, p. 8).
(3) Id-data mill-kumpaniji tal-Unjoni fil-kampjun f’dan ir-Regolament hija ppreżentata f’firxiet minħabba r-riskju li kwalunkwe kumpanija li tieħu sehem fil-kampjun tista’ tanalizza b’dekostruzzjoni (reverse-engineers) id-data tal-kompetituri tagħha, speċjalment minħabba li tnejn mit-tliet kumpaniji fil-kampjun, sa mid-29 ta’ Marzu 2019 huma relatati u mis-6 ta’ Awwissu 2019 bdew joperaw bħala kumpaniji f’intragrupp. Id-data mill-uniku produttur esportatur li kkoopera qed tingħata f’firxiet peress li hija l-unika kumpanija li kkooperat.
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/2235 tat-12 ta’ Diċembru 2016 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-bisfenol A (ĠU L 337, 13.12.2016, p. 3).
(5) Iċ-ċifra eżatta mhijiex ipprovduta peress li din hija d-data speċifika għall-kumpanija.
(6) Ara pereżempju l-paragrafu 68 tas-Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) tas-17 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-466/12, RFA International, LP vs il-Kummissjoni Ewropea.
(7) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/763 tat-2 ta’ Mejju 2017 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea (ĠU L 114, 3.5.2017, p. 3), premessa 91.
(8) Estimi mill-ilmentatur.
(9) ODB2 tintuża fi kwantitajiet differenti skont il-kompożizzjoni tal-kisi applikat.
(10) Sors: L-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
(11) Filwaqt li l-prezzijiet żdiedu b’14 %, il-kostijiet tal-produzzjoni żdiedu bi 23 % (it-Tabella 7).
(12) Il-miżuri anti-dumping bħalissa huma applikabbli fuq l-importazzjonijiet tal-LWTP mill-Korea, li stabbilew mill-ġdid kundizzjonijiet ekwi.
(13) Sors: Ir-riżultati tal-investigazzjoni tal-ilmentatur u tal-Kummissjoni.
(14) Il-karta li jkollha l-BPA hija irħas biex tiġi prodotta u għalhekk normalment hija wkoll orħos minn karti li jkun fihom żviluppaturi oħra.
(15) Sors: L-ilmentatur u l-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
(16) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat H, Rue de la Loi 170, 1040 Brussell, il-Belġju.