This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R0594
Commission Implementing Regulation (EU) 2020/594 of 30 April 2020 authorising agreements and decisions on market stabilisation measures in the live trees and other plants, bulbs, roots and the like, cut flowers and ornamental foliage sector
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/594 tat-30 ta’ April 2020 li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tas-siġar ħajjin u tal-florikultura, tal-basal, tal-għeruq u simili, tal-fjuri maqtugħin u tal-faxxina ornamentali
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/594 tat-30 ta’ April 2020 li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tas-siġar ħajjin u tal-florikultura, tal-basal, tal-għeruq u simili, tal-fjuri maqtugħin u tal-faxxina ornamentali
C/2020/2883
ĠU L 140, 4.5.2020, p. 17–20
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
4.5.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 140/17 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/594
tat-30 ta’ April 2020
li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tas-siġar ħajjin u tal-florikultura, tal-basal, tal-għeruq u simili, tal-fjuri maqtugħin u tal-faxxina ornamentali
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 222 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Unjoni hija produttur ewlieni tas-siġar ħajjin u tal-florikultura; tal-basal, tal-għeruq u simili, tal-fjuri maqtugħin u tal-faxxina ornamentali (minn hawn ’il quddiem “pjanti u fjuri ħajjin”). Il-valur tal-produzzjoni totali tal-Unjoni fl-2019 ammonta għal EUR 20 biljun. |
(2) |
Madwar 85 % tal-produzzjoni tal-Unjoni ta’ pjanti u fjuri ħajjin hija destinata għas-suq intern, filwaqt li l-15 % li jifdal tiġi esportata lejn pajjiżi terzi. |
(3) |
Il-katina ta’ provvista fis-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin hija interkonnessa ħafna u tiddependi fuq loġistika organizzata bla xkiel u effiċjenti sabiex tiġi żgurata sistema tas-suq li tiffunzjona għall-prodotti li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma tat-tip li jitħassar malajr. |
(4) |
Barra minn hekk, il-produzzjoni u l-bejgħ tal-pjanti u l-fjuri ħajjin huma kkaratterizzati mill-istaġjonalità tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-pjanti u l-fjuri ħajjin huma prodotti fir-rebbiegħa għal okkażjonijiet speċifiċi, bħal Jum l-Omm jew l-Għid, u l-pjanti ta’ ġewwa huma prodotti speċifikament fi qsari ta’ daqs iżgħar biex jadattaw għad-domanda staġjonali. Normalment il-bejgħ jilħaq il-quċċata tiegħu fir-rebbiegħa. Għal xi wħud mis-subsetturi, bħal dak tal-pjanti annwali tal-imxietel tal-fjuri u tal-fjuri maqtugħin, 40 % sa 80 % tal-bejgħ iseħħ minn Marzu sa Ġunju. |
(5) |
Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi, stabbiliti fl-Istati Membri, fuq il-moviment tal-persuni, is-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin għaddej minn tfixkil ekonomiku li qed iwassal għal diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ fluss tal-flus għall-produtturi. |
(6) |
It-tixrid tal-marda u l-miżuri fis-seħħ jillimitaw id-disponibbiltà tal-manodopera, b’mod partikolari għat-trasport, li jxekklu speċifikament l-istadji tal-produzzjoni, tal-ġbir, tal-irkantar u tal-bejgħ tal-pjanti u l-fjuri ħajjin. |
(7) |
L-għeluq obbligatorju tas-swieq ta’ barra, taċ-ċentri ta’ ġardinaġġ u tal-ħwienet speċjalizzati ta’ bejgħ bl-imnut, kif ukoll l-għeluq tal-istabbilimenti tal-ospitalità u l-kanċellazzjoni ta’ avvenimenti u festi, waqqaf ukoll l-operat tas-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin. Il-ftuħ parzjali mill-ġdid taċ-ċentri ta’ ġardinaġġ u tal-ħwienet speċjalizzati ta’ bejgħ bl-imnut f’xi Stati Membri mhuwiex mistenni li jbiddel b’mod materjali din il-qagħda, peress li l-katina ta’ provvista hija interkonnessa ħafna u tiddependi minn loġistika li tiffunzjona u minn faċilitajiet ta’ ħażna limitati. Il-miżuri ta’ tbegħid soċjali huma mistennija li jibqgħu fis-seħħ fix-xhur li ġejjin u se jkomplu jaffettwaw kemm il-loġistika tat-trasport kif ukoll il-bejgħ peress li numru inqas ta’ konsumaturi jkunu jistgħu jidħlu fil-ħwienet. Barra minn hekk, avvenimenti kbar, bħall-fieri annwali tal-ġonna li jsiru fix-xhur li ġejjin, diġà ġew ikkanċellati, u avvenimenti soċjali oħra li normalment jitolbu tiżjin ta’ fjuri, bħal tiġijiet, qed jiġu kkanċellati wkoll. |
(8) |
Barra minn hekk, ix-xerrejja fl-Unjoni u fis-suq dinji qegħdin iħassru l-kuntratti, u qegħdin idewmu l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda huma u jistennew tnaqqis akbar fil-prezzijiet. L-esportazzjonijiet ukoll huma milqutin minn sfidi ta’ loġistika, billi l-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 fiċ-Ċina wassal għal konġestjoni sinifikanti fil-portijiet, fiċ-Ċina u lil hinn. Il-perjodu ta’ żieda fit-tħassir totali jew parzjali tat-tbaħħir mistenni jissokta tal-inqas sa Ġunju 2020, u dan se jwassal għall-iskarsezza tal-kontejners, għal żieda sinifikanti fit-tariffi, u għall-posponiment tal-konsenji tal-esportaturi. |
(9) |
Dan l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda qiegħed iqajjem tfixkil ekonomiku għas-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin. B’riżultat ta’ dak l-iżbilanċ, kien hemm tnaqqis qawwi fid-domanda għall-pjanti u l-fjuri ħajjin b’impatt immedjat u serju fuq is-suq. Id-domanda globali għall-prodotti tal-pjanti u l-fjuri ħajjin fis-suq tal-Unjoni naqset b’80 %. Il-kummerċ fl-irkanti ġie affettwat b’mod sinifikanti. L-irkant bi prezz uniformi, li jittratta 35 % tal-bejgħ kollu tal-Unjoni, irrapporta tnaqqis fid-dħul ta’ 85 % f’nofs Marzu 2020. Filwaqt li kien hemm xi rkupru fl-irkant bi prezz uniformi, id-dħul għadu 30 % inqas milli f’nofs April 2019. Fi Stati Membri oħra, bħall-Belġju u Franza, l-irkant u s-swieq bl-ingrossa għalqu. Barra minn hekk, f’ċerti Stati Membri, bħalma huma n-Netherlands, ġiet irrappurtata l-qerda fuq skala kbira ta’ pjanti tal-imxietel tal-fjuri, li ma jistgħux jinħażnu, u ta’ fjuri maqtugħin, li jitħassru u li huma staġjonali. Dan wassal għal tnaqqis qawwi fil-prezzijiet fuq l-irkant bi prezz uniformi. Matul il-ġimgħa bejn is-16 u t-22 ta’ Marzu 2020, meta kkollassa s-suq, il-prezzijiet kienu kważi 60 % inqas minn dak tal-istess ġimgħa fl-2019. Barra minn hekk, matul il-ġimgħat tat-23 sad-29 ta’ Marzu, tat-30 ta’ Marzu sal-5 ta’ April, u tas-6 sat-12 ta’ April 2020, il-prezzijiet kienu għadhom 36 % sa 23 % inqas meta mqabbla mal-istess ġimgħat fl-2019. |
(10) |
Minħabba ċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq, dawn l-avvenimenti jiġu kkwalifikati bħala perjodu ta’ żbilanċ serju fis-suq. |
(11) |
Biex is-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin jiġi megħjun isib bilanċ f’dan il-perjodu ta’ żbilanċ serju fis-suq, jixraq li tiġi awtorizzata l-adozzjoni ta’ ftehimiet u deċiżjonijiet tal-bdiewa, tal-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, tal-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti fis-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin għal perjodu ta’ sitt xhur. Dawk il-miżuri jinkludu: (i) l-irtirar mis-suq jew id-distribuzzjoni b’xejn; (ii) il-promozzjoni konġunta; u (iii) l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni. |
(12) |
Tali ftehimiet u deċiżjonijiet jistgħu jinkludu: (i) l-irtirar kollettiv mis-suq għal qerda ordnata ta’ pjanti u fjuri ħajjin; (ii) il-miżuri ta’ promozzjoni li jistiednu lill-konsumaturi biex jixtru pjanti u fjuri ħajjin; u (iii) l-ippjanar kollettiv tal-produzzjoni biex jiġi kkoordinat it-tħawwil ta’ pjanti u fjuri ħajjin fid-dawl tat-tneħħija fil-ġejjieni tar-restrizzjonijiet. |
(13) |
Jenħtieġ li kwalunkwe ftehim jew deċiżjoni tiġi temporanjament awtorizzata għal perjodu ta’ sitt xhur. Peress li dan huwa l-perjodu meta l-biċċa l-kbira tal-pjanti u l-fjuri ħajjin se jinġabru u jitqiegħdu fis-suq, dan huwa l-perjodu li fih il-miżuri huma mistennija li jkollhom l-aktar impatt sinifikanti. |
(14) |
F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 222(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għandha tingħata awtorizzazzjoni jekk din ma tfixkilx il-funzjonament tas-suq intern, u jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikunu strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur. Dawn il-kundizzjoni speċifiċi jeskludu ftehimiet u deċiżjonijiet li direttament jew indirettament iwasslu għat-tqassim tas-swieq, għad-diskriminazzjoni msejsa fuq in-nazzjonalità jew għall-iffissar tal-prezzijiet. Jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, jew ma jibqgħux jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat japplika għal dawn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet. |
(15) |
Jenħtieġ li din l-awtorizzazzjoni prevista f’dan ir-Regolament tkopri t-territorju tal-Unjoni, peress li l-iżbilanċ serju fis-suq huwa komuni għall-Unjoni kollha. |
(16) |
Sabiex l-Istati Membri jkunu f’qagħda li jivvalutaw jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ifixklux jew le l-funzjonament tas-suq intern, u jekk humiex strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin, jenħtieġ li tingħata informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, inkluż lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ dak l-istat, li għandhom l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni tal-pjanti u l-fjuri ħajjin kopert minn dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet, dwar il-ftehimiet konklużi u d-deċiżjonijiet meħudin, u dwar il-volum ta’ produzzjoni u l-perjodu taż-żmien li jkopru. |
(17) |
Minħabba li l-iżbilanċ serju tas-suq qed iseħħ matul il-perjodu meta jsir il-maġġoranza tal-bejgħ tas-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu. |
(18) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 152(1a), 209(1) u 210(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti fis-settur tas-siġar ħajjin u tal-florikultura; tal-basal, tal-għeruq u simili, tal-fjuri maqtugħin u tas-settur tal-faxxina ornamentali, minn hawn ’il quddiem “is-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin”, b’dan huma awtorizzati li jikkonkludu ftehimiet volontarji, u jieħdu deċiżjonijiet komuni dwar l-irtirar mis-suq u d-distribuzzjoni bla ħlas, il-promozzjoni konġunta u l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni tul perjodu ta’ sitt xhur, li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u jkunu strettament immirati lejn l-istabbilizzazzjoni tas-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin.
Artikolu 3
Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ta’ din l-awtorizzazzjoni huwa t-territorju tal-Unjoni.
Artikolu 4
1. Mal-adozzjoni tal-ftehimiet jew tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 , il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati, għandhom jikkomunikaw dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni ta’ pjanti u ffjuri ħajjin kopert minn dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet, billi jindikaw dawn li ġejjin:
(a) |
il-volum tal-produzzjoni stmat kopert; |
(b) |
il-perjodu ta’ żmien mistenni għall-implimentazzjoni. |
2. Sa mhux aktar tard minn 25 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati għandhom jikkomunikaw il-volum tal-produzzjoni ta’ pjanti u fjuri ħajjin tabilħaqq kopert mill-ftehimiet jew mid-deċiżjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1185 (2), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:
(a) |
sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara tmiem kull xahar, il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikkomunikati lilhom f’konformità mal-paragrafu 1 matul dak il-perjodu; |
(b) |
sa mhux aktar tard minn 30 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet implimentati matul dak il-perjodu. |
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).