EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0593

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/593 tat-30 ta’ April 2020 li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tal-patata

C/2020/2890

ĠU L 140, 4.5.2020, p. 13–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/593/oj

4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/13


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/593

tat-30 ta’ April 2020

li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tal-patata

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 222 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-settur tal-patata jista’ jinqasam f’żewġ tipi: patata friska, li hija prinċipalment mixtrija għall-konsum domestiku, u patata għall-ipproċessar, li tintuża fl-għalf tal-annimali u f’prodotti tal-ikel ipproċessati, bħall-patata ffriżata (inklużi chips iffriżati), patata mnixxfa, patata ppreparata jew ippreservata.

(2)

Il-produzzjoni tal-patata fl-Unjoni tammonta għal madwar 52 miljun tunnellata, li minnhom 19,5 miljun tunnellata jikkorrispondu għall-patata għall-ipproċessar. L-akbar produtturi tal-Unjoni tal-patata għall-ipproċessar huma l-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja u n-Netherlands. Il-produzzjoni ta’ chips iffriżati hija stmata li tkopri madwar 41 % tal-produzzjoni tal-patata għall-ipproċessar.

(3)

L-Unjoni hija esportatur nett tal-patata pproċessata. Bħala medja, matul l-aħħar 5 snin, huwa stmat li l-ekwivalenti ta’ mill-inqas 4 miljun tunnellata ta’ patata għall-ipproċessar jiġi esportat mill-Belġju, mill-Ġermanja, minn Franza, mill-Italja u min-Netherlands lejn pajjiżi terzi fil-forma ta’ prodotti tal-patata pproċessata. L-esportazzjonijiet ta’ patata ffriżata u, b’mod partikolari, iċ-chips iffriżati, huma partikolarment sinifikanti f’kundizzjonijiet normali tas-suq: 64 % tal-patata ffriżata ġejja mill-Unjoni u l-valur tal-esportazzjonijiet ta’ chips iffriżati mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi ġie stmat għal EUR 1,85 biljun fl-2019.

(4)

Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u minħabba r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment ta’ persuni li ddaħħlu fl-Istati Membri, il-produtturi tal-patata għall-ipproċessar qed jesperjenzaw tfixkil ekonomiku li qed iwassal għal diffikultajiet finanzjarji u għal problemi ta’ fluss ta’ flus.

(5)

It-tixrid tal-marda u l-miżuri fis-seħħ jillimitaw id-disponibbiltà tal-ħaddiema, u b’hekk ixekklu speċifikament l-istadji tal-produzzjoni, l-ipproċessar u t-trasport tal-patata għall-ipproċessar.

(6)

L-għeluq obbligatorju ta’ ristoranti u ta’ stabbilimenti oħra ta’ ospitalità bħall-iskola u l-canteens tax-xogħol, kif ukoll il-kanċellazzjoni ta’ avvenimenti sportivi u ta’ divertiment, bħal festivals kulturali u festivals fil-miftuħ, turnej sportivi, fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi, ukoll waqqfu l-operat tal-ospitalità u l-catering, u dan wassal għal bidliet sinifikanti fix-xejriet tad-domanda għall-prodotti tal-patata. Peress li l-konsumaturi m’għadhomx jieklu jew jixtru fast food b’mod sinifikanti, id-domanda tal-konsumaturi ttrasferiet għall-patata friska għat-tisjir fid-dar. Barra minn hekk, filwaqt li l-konsumaturi żiedu l-konsum tagħhom ta’ ċerti prodotti tal-patata pproċessata bħal crisps u purè imnixxef, dan ma jistax jikkumpensa għat-tnaqqis fid-domanda fl-industrija tal-ospitalità u l-catering.

(7)

Barra minn hekk, ix-xerrejja fl-Unjoni u fis-suq dinji qegħdin iħassru kuntratti, u qed idewmu l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda huma u jistennew aktar tnaqqis fil-prezzijiet. L-esportazzjonijiet ukoll huma milqutin minn sfidi ta’ loġistika, billi l-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 fiċ-Ċina wassal għal konġestjoni sinifikanti fil-portijiet hemmhekk u f’postijiet oħra. Il-perjodu ta’ żieda f’blank sailings (kanċellazzjonjiet totali jew parzjali ta’ tbaħħir) mistenni jissokta tal-inqas sa Ġunju 2020, u dan se jwassal għall-iskarsezza tal-kontejners, b’mod partikolari għal dawk ta’ oġġetti friski u ffriżati, għal żieda sinifikanti fit-tariffi, kif ukoll għal posponimenti tal-konsenji tal-esportaturi. Mir-raba’ ġimgħa ta’ Marzu 2020, il-produtturi tal-Unjoni tal-patata għall-ipproċessar irrapportaw tnaqqis fl-għadd ta’ tranżazzjonijiet bejn l-Istati Membri fil-firxa ta’ bejn 25 sa 47 % u għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi fil-firxa ta’ bejn 30 sa 65 %.

(8)

B’riżultat ta’ dan, filwaqt li d-domanda għall-patata friska f’dan l-istadju żdiedet, kien hemm tnaqqis qawwi fid-domanda għall-patata għall-ipproċessar b’impatt immedjat u serju fuq is-suq. It-tnaqqis qawwi fid-domanda jikkonċerna b’mod partikolari, iżda mhux biss, il-patata għall-ipproċessar li tintuża f’chips iffriżati, il-patata maqtugħa oħra u prodotti imballati bil-vakwu, li normalment jiġu kkunsmati fi ħwienet fast food u f’ristoranti. Minħabba l-karatteristiċi differenti tal-patata friska u tal-patata għall-ipproċessar, il-patata għat-trasformazzjoni ma tistax tinbiegħ fis-suq tal-patata friska. B’riżultat ta’ dan, billi ma hemm l-ebda kummerċ, il-prezzijiet fis-swieq għall-futures naqsu b’mod sinifikanti u ġew irrapportati li huma 90 % inqas f’April 2020 meta mqabbla mal-kwotazzjonijiet f’Jannar 2020. Bħala konsegwenza tal-waqfien tal-kummerċ, f’xi Stati Membri produtturi bħall-Belġju u Franza, ma għadx hemm kwotazzjonijiet tal-prezzijiet għal ċerta patata għall-ipproċessar, li huwa sinjal ta’ tnaqqis sostanzjali fil-volum u fil-valur tat-transazzjonijiet. Fi Stati Membri oħra, bħall-Ġermanja u n-Netherlands, ġie rrapportat tnaqqis fil-prezz ta’ 90 % għall-patata għall-ipproċessar.

(9)

Barra minn hekk, bħalissa hemm maħżuna volumi kbar ta’ patata għall-ipproċessar. Huwa stmat li mill-inqas 2 650 000 tunnellata ta’ patata għall-ipproċessar (valur ta’ EUR 400 miljun) mill-kampanja tal-2019 se tibqa’ maħżuna sa tmiem il-kampanja tal-2020 f’Lulju 2020. Il-patata għall-ipproċessar li nħasdet f’Ottubru/Novembru 2019 u li għadha maħżuna, dalwaqt ma tkunx tajba għal kwalunkwe użu minħabba d-deterjorament fil-kwalità tagħha. Sabiex ikun hemm spazju għall-patata għall-ipproċessar mill-kampanja tal-2020, jeħtieġ li l-produtturi jeqirdu l-parti tal-istokkijiet li jifdal li ma jistgħux jiġu pproċessati fil-ħin. Peress li l-produtturi se jkollhom iħallsu l-ispejjeż tat-trasport u tal-qerda biex jeqirdu l-produzzjoni, hemm ir-riskju li l-patata għall-ipproċessar minflok se tinxtered fl-għelieqi, bħala l-aħħar soluzzjoni. It-tixrid tal-patata għall-ipproċessar fl-għelieqi se joħloq riskju ta’ konsegwenzi ambjentali u fitosanitarji li jdumu ħafna, għaliex dik il-patata se tiġġermina fuq l-uċuħ tar-raba’ sussegwenti u dan jista’ jiżviluppa mard li jikkawża kontaminazzjoni tal-ħamrija li ddum fit-tul u jfixkel fit-tul il-pjantaġġuni ġodda.

(10)

Iċ-ċirkostanzi ta’ hawn fuq iwasslu għal kwalifika ta’ dawn l-avvenimenti bħala perjodu ta’ żbilanċ qawwi fis-suq.

(11)

Sabiex il-produtturi tal-patata jiġu megħjuna jsibu bilanċ f’dan il-perjodu ta’ żbilanċ qawwi tas-suq, jixraq li jkunu permessi ftehimiet u deċiżjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa jew l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, jew l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti li jikkonċernaw il-patata għall-ipproċessar fuq bażi temporanja għal perjodu ta’ sitt xhur. Dawk il-miżuri jinkludu: (i) l-irtirar mis-suq u d-distribuzzjoni b’xejn; (ii) it-trasformazzjoni u l-ipproċessar; (iii) il-ħażna; (iv) il-promozzjoni konġunta; u (v) l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni.

(12)

Tali ftehimiet u deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-patata għall-ipproċessar jistgħu jinkludu: (i) l-irtirar tal-patata mis-suq għall-qerda ta’ prodotti b’mod ordnat jew għad-distribuzzjoni b’xejn lil banek tal-ikel jew lil istituzzjonijiet pubbliċi; (ii) l-ipproċessar ta’ patata għal għanijiet oħra bħal għalf tal-annimali, produzzjoni għall-metanizzazzjoni; (iii) il-ħolqien u s-sejba ta’ kapaċitajiet ta’ ħażna u t-tħejjija ta’ patata għal perjodi ta’ ħażna itwal; (iv) il-promozzjoni tal-konsum ta’ prodotti tal-patata pproċessata; u (v) miżuri ta’ ppjanar biex jitnaqqsu l-volumi għal pjantaġġuni futuri u l-aġġustament ta’ kuntratti eżistenti għall-patata mill-kampanja tal-2020.

(13)

Jenħtieġ li kwalunkwe ftehim jew deċiżjoni li tikkonċerna l-patata għall-ipproċessar tiġi temporanjament awtorizzata għal perjodu ta’ sitt xhur. Billi dan huwa l-perjodu li matulu l-istokkijiet eżistenti tal-patata mill-kampanja tal-2019 għandhom jiġu ġestiti u l-patata mill-kampanja tal-2020 se tinħasad minn dan is-sajf, dan huwa l-perjodu li fih il-miżuri huma mistennija li jkollhom l-aktar impatt sinifikanti.

(14)

F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 222(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, awtorizzazzjoni għandha tingħata bil-kundizzjoni li din ma tfixkilx il-funzjonament tas-suq intern, u li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikunu strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur. Dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi jeskludu ftehimiet u deċiżjonijiet li b’mod dirett jew indirett iwasslu għal tqassim tas-swieq, għal diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew għal iffissar tal-prezzijiet. Jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, jew ma jibqgħux jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat japplika għal dawn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet.

(15)

Jenħtieġ li din l-awtorizzazzjoni prevista f’dan ir-Regolament tkopri t-territorju tal-Unjoni peress li l-iżbilanċ serju fis-suq huwa komuni għall-Unjoni kollha.

(16)

Sabiex l-Istati Membri jkunu f’qagħda li jivvalutaw jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-patata għall-ipproċessar ifixklux jew le l-funzjonament tas-suq intern, u jekk humiex strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur tal-patata, jenħtieġ li tingħata informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, inkluż l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ dak l-istat, li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni tal-patata koperta minn dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet dwar il-ftehimiet konklużi u d-deċiżjonijiet meħuda, u dwar il-volum ta’ produzzjoni u l-perjodu taż-żmien li jkopru.

(17)

Minħabba l-iżbilanċ serju tas-suq, il-ħtieġa li jiġi ttrattat b’mod urġenti l-istokk tal-patata li jifdal u t-tħejjija għall-mument meta l-patata normalment tiġi maħsuda, maħżuna jew trasformata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(18)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 152(1a), 209(1) u 210(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti huma b’dan awtorizzati li jikkonkludu ftehimiet li jikkonċernaw il-patata għall-ipproċessar u jieħdu deċiżjonijiet komuni li jikkonċernaw il-patata għall-ipproċessar dwar l-irtirar mis-suq u d-distribuzzjoni b’xejn, it-trasformazzjoni u l-ipproċessar, il-ħażna, il-promozzjoni konġunta u l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni matul perjodu ta’ sitt xhur li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jkunu strettament immirati lejn l-istabbilizzazzjoni tas-settur tal-patata.

Artikolu 3

L-ambitu ġeografiku ta’ din l-awtorizzazzjoni huwa t-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 4

1.   Malli jiġu konklużi l-ftehimiet jew jittieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati, għandhom jikkomunikaw dawk il-ftehimiet jew deċiżjonijiet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni tal-patata kopert minn dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet, billi jindikaw dawn li ġejjin:

(a)

il-volum tal-produzzjoni stmat kopert;

(b)

il-perjodu ta’ żmien mistenni għall-implimentazzjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn 25 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati għandhom jikkomunikaw il-volum tal-produzzjoni tabilħaqq kopert mill-ftehimiet jew mid-deċiżjonijiet lill-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1185 (2), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

(a)

sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara tmiem kull xahar, il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikkomunikati lilhom f’konformità mal-paragrafu 1 matul dak il-perjodu;

(b)

sa mhux aktar tard minn 30 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt (6) xhur imsemmi fl-Artikolu 1, ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet implimentati matul dak il-perjodu.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).


Top