Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0231

    Regolament Tal-Kunsill (UE) 2020/231 tat-18 ta’ Frar 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1977 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta' kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perijodu 2019–2020

    ST/5380/2020/INIT

    ĠU L 47I, 20.2.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/231/oj

    20.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 47/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2020/231

    tat-18 ta’ Frar 2020

    li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1977 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta' kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perijodu 2019–2020

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1977 (1) jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta' kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perijodu 2019-2020. Ġew stabbiliti volumi xierqa għal kull kwota tariffarja sabiex ikun żgurat li l-industrija tal-ipproċessar tal-Unjoni jkollha provvista adegwata għall-perijodu 2019-2020.

    (2)

    Fil-kwota tariffarja applikabbli taħt in-numru tal-ordni 09.2750 elenkata fl-Anness għar-Regolament (UE) 2018/1977, l-uniċi prodotti koperti mill-kodiċi tan-NM ex 0305 20 00 bil-kodiċi tat-TARIC 35 huma dawk li jikkorrispondu mad-deskrizzjoni "bajd tal-ħut, maħsul, imnaddaf mill-organi aderenti u sempliċiment immellaħ jew fis-salmura, għall-manifattura ta' sostituti tal-kavjar".

    (3)

    Madankollu, taħt ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/2265 (2), li kien jippreċedi r-Regolament (UE) 2018/1977, il-kwota tariffarja kkonċernata kienet tirreferi għall-kodiċi tan-NM ex 1604 32 00 bil-kodiċi tat-TARIC 20 għal dawk il-prodotti li jikkorrispondu mad-deskrizzjoni tal-" bajd tal-ħut, maħsul, imnaddaf mill-organi aderenti u sempliċiment immellaħ jew fis-salmura, għall-manifattura ta' sostituti tal-kavjar".

    (4)

    Id-diskrepanza bejn iż-żewġ Regolamenti fir-rigward tal-kodiċi tan-NM rilevanti, fir-rigward tal-istess numru tal-ordni, għamlitha diffiċli biex l-industrija tal-ipproċessar tal-Unjoni tinterpreta d-dispożizzjonijiet rilevanti u biex tifhem id-differenza bejn iż-żewġ kodiċijiet tan-NM. Dan in-nuqqas ta' ċarezza kellu impatt negattiv fuq l-industrija tal-ipproċessar tal-Unjoni.

    (5)

    Huwa xieraq li tiġi emendata l-lista ta' prodotti koperti mill-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.2750 sabiex dawn ikunu jinkludu wkoll, għal perijodu limitat ta’ sena, il-prodotti bil-kodiċi tan-NM ex 1604 32 00 bil-kodiċi tat-TARIC 20. Barra minn hekk, jenħtieġ li tinżdied nota ta’ qiegħ il-paġna li tkun tirreferi għal dawn il-kodiċijiet tan-NM u tat-TARIC u għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019.

    (6)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1977 jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-perijodu li matulu l-kwoti miftuħin bir-Regolament (UE) 2018/1977 japplikaw fl-ewwel sena huwa mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019. Minħabba li huwa neċessarju li l-operaturi ekonomiċi jiġu ttrattati bl-istess mod, u filwaqt li jitqies il-fatt li għadha ma ġietx eżawrita l-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.2752, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2019 sabiex l-operaturi ekonomiċi li jużaw il-bajd iebes tal-ħut (bħala prodott lest) ikollhom l-opportunità li jkomplu jibbenefikaw mid-dazju favorevoli għal din il-kwota mingħajr interruzzjoni għal perijodu limitat taż-żmien. Għaldaqstant jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    It-tielet ringiela tal-Anness għar-Regolament (UE) 2018/1977 (Numru tal-ordni 09.2750) hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-entrata taħt il-kolonna “Kodiċi tan-NM” hija sostitwita b’dan li ġej:

    “ex  03052000

    ex 1604 32 00”;

    (2)

    l-entrata taħt il-kolonna “Kodiċi tat-TARIC” hija sostitwita b’dan li ġej:

    “35

    20”;

    (3)

    in-nota ta’ qiegħ il-paġna segwenti tiżdied mal-kolonna “Deskrizzjoni” wara l-kliem “sostituti tal-kavjar”:

    “Għall-kodiċi tat-TARIC 1604320020 din il-kwota tariffarja tapplika mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2019.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Z. MARIĆ


    (1)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1977 tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perijodu 2019 – 2020 (ĠU L 317, 14.12.2018, p. 2).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/2265 tas-7 ta’ Diċembru 2015 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu 2016 – 2018 (ĠU L 322, 8.12.2015, p. 4).


    Top