This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R0044
Commission Implementing Regulation (EU) 2020/44 of 20 January 2020 making imports of certain woven and/or stitched glass fibre fabrics originating in the People’s Republic of China and Egypt subject to registration
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/44 tal-20 ta’ Jannar 2020 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu soġġetti għal reġistrazzjoni
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/44 tal-20 ta’ Jannar 2020 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu soġġetti għal reġistrazzjoni
C/2020/135
ĠU L 16, 21.1.2020, p. 1–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
21.1.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 16/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/44
tal-20 ta’ Jannar 2020
li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu soġġetti għal reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) , u b’mod partikolari l-Artikolu 24(5) tiegħu,
Wara li infurmat lill-Istati Membri
Billi:
(1) |
Fis-16 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-notifika ta’ bidu”), il-bidu ta’ proċediment antisussidji fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ materjali tal-fibra tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) u mill-Eġittu wara lment imressaq fl-1 ta’ April 2019 mill-ilmentatur f’isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ materjali tal-fibra tal-ħġieġ (“l-ilmentatur”). |
(2) |
Din l-investigazzjoni antisussidji hija mmexxija mill-Kummissjoni flimkien ma’ investigazzjoni anti-dumping li tkopri l-istess prodotti, li nbdiet fil-21 ta’ Frar 2019 (3). |
1. PRODOTT SOĠĠETT GĦAL REĠISTRAZZJONI
(3) |
Il-prodott soġġett għal reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa materjali ta’ ftietel u/jew ħjut tal-fibra tal-ħġieġ b’filament kontinwu, minsuġa u/jew meħjuta, b’elementi oħra jew mingħajrhom, għajr prodotti mxappin jew imxappin minn qabel (prepreg), u għajr materjali b’nisġa miftuħa b’ċelloli ta’ daqs aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 39 00, ex 7019 40 00, ex 7019 59 00 u ex 7019 90 00 (il-kodiċijiet TARIC 7019390080, 7019400080, 7019590080 u 7019900080). Dawn il-kodiċijiet NM u TARIC jingħataw għall-informazzjoni biss (4). |
2. TALBA
(4) |
Fil-31 ta’ Lulju 2019, l-ilmentatur ressaq talba għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ dik ir-reġistrazzjoni. |
(5) |
Fil-21 ta’ Novembru 2019, l-ilmentatur reġa’ ressaq talba għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku, b’ċifri aġġornati dwar l-importazzjoni (“it-tieni talba għal reġistrazzjoni”). |
3. RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI
(6) |
Skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet doganali jieħdu l-passi meħtieġa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu sussegwentement applikati fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ dik ir-reġistrazzjoni. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni. |
(7) |
Skont l-ilmentatur, ir-reġistrazzjoni hija ġġustifikata billi l-prodott ikkonċernat huwa ssussidjat u l-importazzjonijiet bi prezz baxx qed jikkawżaw dannu sinifikanti lill-industrija tal-Unjoni, li huwa diffiċli li jissewwa. |
(8) |
Il-Kummissjoni eżaminat it-talba fid-dawl tal-Artikolu 16(4) tar-Regolament bażiku. Ivvalutat jekk hemmx ċirkustanzi kritiċi fejn, għall-prodott issussidjat inkwistjoni, l-importazzjonijiet massivi f’perjodu relattivament qasir ta’ prodott li jibbenefika minn sussidji kumpensabbli jikkawżawx dannu li jkun diffiċli li jissewwa u jekk huwiex meqjus meħtieġ li jiġu vvalutati dazji kumpensatorji b’mod retrospettiv fuq dawk l-importazzjonijiet sabiex tiġi evitata r-rikorrenza ta’ dan id-dannu. |
3.1. Prodotti li jibbenefikaw minn sussidji kumpensatorji
(9) |
Fir-rigward tas-sussidjar, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ u mill-Eġittu qed ikunu ssussidjati. Is-sussidji allegati jikkonsistu, fost l-oħrajn, fi: trasferimenti diretti ta’ fondi fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament Bażiku; introjtu tal-gvern mhux eżiġibbli jew li ma nġabarx, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku; u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi b’rimunerazzjoni inqas minn adegwata, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(iii) tar-Regolament bażiku. |
(10) |
Huwa allegat li dawk il-miżuri huma sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvernijiet tar-RPĊ u tal-Eġittu jew minn gvernijiet reġjonali jew lokali oħra (inklużi korpi pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat. Huwa allegat li dawn huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u/jew fuq l-użu ta’ prodotti domestiċi minflok ta’ dawk importati u/jew huma limitati għal ċerti setturi u/jew tipi ta’ impriżi u/jew postijiet, u għaldaqstant huma speċifiċi u kumpensabbli. |
(11) |
L-evidenza tas-sussidjar tqiegħdet għad-dispożizzjoni fil-verżjoni miftuħa tal-ilment u kompliet tiġi analizzata fil-memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza. |
(12) |
Għaldaqstant, f’dan l-istadju l-evidenza disponibbli x’aktarx tindika li l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat qed jibbenefikaw minn sussidji kumpensabbli. |
3.2. Dannu li huwa diffiċli li jissewwa
(13) |
It-talba għal reġistrazzoni tipprovdi biżżejjed evidenza ta’ ċirkustanzi kritiċi, fejn għall-prodott ikkonċernat qed jiġi kkawżat dannu, li huwa diffiċli li jissewwa, minħabba importazzjonijiet massivi ta’ prodotti li jibbenefikaw minn sussidji kumpensabbli f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir. Barra minn hekk, fit-tieni talba għal reġistrazzjoni l-ilmentatur argumenta li l-industrija tal-materjali tal-fibra tal-ħġieġ tal-Unjoni attwalment tinsab fil-proċess li tinnegozja l-kuntratti tal-2020 mal-klijenti tal-Unjoni u li r-reġistrazzjoni immedjata hija essenzjali għalihom biex ma jitilfux parti kbira min-negozju tal-2020 tagħhom għall-prodotti ssussidjati. |
(14) |
Il-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza li s-sussidjar tal-produtturi esportaturi qed jikkawża dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, li huwa diffiċli li jissewwa. L-evidenza tikkonsisti f’data dettaljata, li tinsab fl-ilment u fl-aħħar talba għal reġistrazzjoni, li tikkonċerna l-fatturi ewlenin tad-dannu stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament bażiku. L-evidenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi tinkludi d-deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, ikkaratterizzat minn tnaqqis fil-marġnijiet tal-profitt li naqsu bin-nofs bejn l-2015 u t-30 ta’ Settembru 2018 kif ukoll telf fis-sehem mis-suq ta’ ħames punti perċentwali matul l-istess perjodu. Dan id-deterjorament ħabat maż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u mill-Eġittu u tnaqqis fil-prezz medju tal-importazzjoni tagħhom bi 13,5 % li, bejn l-1 ta’ Ottubru 2017 u t-30 ta’ Settembru 2018, kien qed iwaqqa’ b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’37 % fil-każ tar-RPĊ u b’26 % fil-każ tal-Eġittu, skont l-ilmentatur. |
(15) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni vvalutat jekk id-dannu mġarrab kienx diffiċli li jissewwa. Meta wieħed iqis li l-aktar utenti ta’ volum għoli importanti ta’ materjali tal-fibra tal-ħġieġ jużaw proċessi twal biex jiċċertifikaw lill-fornituri tagħhom, ladarba dawn jaqilbu għal fornitur Ċiniż jew Eġizzjan aktarx dawn mhumiex se jerġgħu jaqilbu għal produttur tal-Unjoni f’terminu qasir jew medju. Din it-theddida ta’ telf permanenti tas-sehem mis-suq jew ta’ introjtu imnaqqas tikkostitwixxi dannu li huwa diffiċli li jissewwa. Barra minn hekk, kif ġie argumentat fit-tieni talba għal reġistrazzjoni, hemm riskju ċar li mingħajr azzjoni, il-miżuri imposti fl-2020, jekk hemm, isiru ineffettivi b’mod sinifikanti fir-rigward tad-domanda tas-suq tal-2020. |
(16) |
Produttur esportatur, utent u l-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Prodotti Industrijali Żgħar u Prodotti Artistiċi u Artiġjanali (“CCCLA”) argumentaw li l-importazzjonijiet inkwistjoni aktarx mhux se jimminaw serjament l-effett ta’ rimedju tad-dazju definittiv billi l-prezz medju tal-bejgħ tal-importazzjonijiet żdiedu mill-2018 sal-2019. |
(17) |
Madankollu, skont l-Eurostat, il-Kummissjoni sabet li l-prezz medju tal-bejgħ tal-materjali tal-fibra tal-ħġieġ mir-RPĊ u mill-Eġittu, aġġustat skont il-metodoloġija spjegata fil-premessi 21 sa 24 below,waqa’ minn EUR 1,78 għal kull kilogramma fl-2015 għal EUR 1,54 għal kull kilogramma fil-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ din l-investigazzjoni (mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2018) (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). Wara l-bidu tal-investigazzjoni, bejn l-aħħar ta’ Frar 2019 u Settembru 2019, il-prezz tal-bejgħ għola għal EUR 1,57 għal kull kilogramma; madankollu, dan xorta huwa aktar baxx mill-prezz medju tal-bejgħ fl-2015, fl-2016 jew fl-2017 u aktar baxx b’mod sinifikanti mill-prezz mhux dannuż stabbilit fl-ilment. Dawn il-partijiet ma spjegawx kif, fid-dawl tal-evidenza li tinsab fl-ilment, dik iż-żieda tal-prezz tal-bejgħ kienet se tagħmel l-importazzjonijiet inkwistjoni inqas probabbli li jimminaw serjament l-effett ta’ rimedju tad-dazju definittiv. Għaldaqstant, din it-talba ġiet rifjutata. |
3.3. Importazzjonijiet massivi f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir
(18) |
Fit-talba għal reġistrazzjoni, l-ilmentatur uża l-istatistika tal-Eurostat dwar l-importazzjoni sabiex juri l-kobor tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u mill-Eġittu u kif żviluppaw il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet tagħhom. |
(19) |
Produttur esportatur, utent u s-CCCLA argumentaw li t-talba ma kinitx tipprovdi biżżejjed evidenza meħtieġa mill-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku billi aġġustat u qabblet b’mod żbaljat l-aktar data riċenti dwar l-importazzjoni ma’ statistika preċedenti dwar l-importazzjoni biex turi żieda fl-importazzjonijiet. Argumentaw ukoll li jenħtieġ li d-data dwar l-importazzjoni miċ-Ċina u mill-Eġittu tiġi analizzata b’mod separat. |
(20) |
Il-Kummissjoni nnotat li t-talba għal reġistrazzjoni, abbażi tad-data disponibbli għall-ilmentatur fil-mument tal-preżentazzjoni, kienet tinkludi biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li ma hemm l-ebda dispożizzjoni fir-Regolament bażiku li tiddikjara li jenħtieġ li d-data minn kull pajjiż tiġi analizzata b’mod separat f’każijiet fejn l-importazzjonijiet tas-suġġett jiġu kumulati skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament bażiku. Fi kwalunkwe każ, għall-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ddependiet fuq id-data tagħha stess u mhux dik mogħtija mill-ilmentatur, u d-data ġiet analizzata għaż-żewġ pajjiżi b’mod separat u b’mod kumulattiv. |
(21) |
Il-Kummissjoni sabet żewġ kwistjonijiet speċifiċi li jaffettwaw il-metodoloġija użata biex tiġi analizzata l-istatistika fid-dawl li jiġi determinat il-valur u l-volum tal-materjali tal-fibra tal-ħġieġ importati mir-RPĊ u mill-Eġittu. L-ewwel waħda tirrigwarda l-kodiċijiet NM, li qieset il-Kummissjoni. It-tieni kwistjoni tirrigwarda l-kodiċijiet TARIC, li l-Kummissjoni qieset taħt il-kodiċijiet NM rilevanti meta analizzat id-data wara l-bidu tal-investigazzjoni attwali. |
(22) |
Fir-rigward tal-klassifikazzjoni, l-ilmentatur argumenta li l-maġġoranza vasta tal-materjali tal-fibra tal-ħġieġ hija klassifikata taħt il-kodiċijiet NM 7019 39 00 u 7019 40 00 (“iż-żewġ kodiċijiet NM rilevanti”), filwaqt li l-importazzjonijiet taħt il-kodiċijiet NM 7019 59 00 u 7019 90 00 jinkludu prinċipalment prodotti oħrajn, għaldaqstant ma ġewx analizzati fl-ilment. Madankollu, l-ilmentatur stqarr li xi importazzjonijiet tal-materjali tal-fibra tal-ħġieġ jistgħu jiġu ddikjarati taħt dawn il-kodiċijiet u għaldaqstant ħassew il-ħtieġa li jinkluduhom sabiex ikopru l-importazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni bdiet il-każ u indikat l-erba’ kodiċijiet NM taħt id-deskrizzjoni tal-prodott fin-Notifika ta’ bidu. |
(23) |
Meta analizza l-importazzjonijiet, l-ilmentatur argumenta li ż-żewġ kodiċijiet NM l-aktar rilevanti jkopru wkoll prodotti għajr il-materjali tal-fibra tal-ħġieġ. Għaldaqstant, skont l-ilmentatur, kien meħtieġ li tiġi aġġustata d-data mhux ipproċessata tal-Eurostat abbażi tal-informazzjoni dwar is-suq tal-ilmentatur u l-kumpaniji li jappoġġjaw l-ilment. L-aġġustament kien relattivament żgħir fil-każ tar-RPĊ u mhux meħtieġ fil-każ tal-Eġittu. It-tweġibiet li waslu mingħand il-produtturi esportaturi għall-formoli tal-kampjuni u għall-kwestjonarju kkonfermaw l-istimi tal-ilmentatur. |
(24) |
Skont l-Artikolu 24(5a) tar-Regolament bażiku, fil-bidu, il-Kummissjoni ħolqot kodiċijiet TARIC speċifiċi taħt kull wieħed mill-erba’ kodiċijiet NM għall-materjali tal-fibra tal-ħġieġ (5). Madankollu, l-investigazzjoni uriet li, wara l-bidu tal-investigazzjoni, l-importaturi tal-materjali tal-fibra tal-ħġieġ użaw b’mod predominanti kodiċijiet TARIC residwi (“onnikomprensivi”) taħt iż-żewġ kodiċijiet NM rilevanti (6) minflok il-kodiċijiet TARIC speċifiċi maħluqa għall-materjali tal-fibra tal-ħġieġ. Fil-konfront ta’ din is-sitwazzjoni, fl-analiżi tagħha l-Kummissjoni użat id-data rrapportata taħt il-kodiċijiet TARIC maħluqa għall-materjali tal-fibra tal-ħġieġ kif ukoll il-kodiċijiet TARIC onnikomprensivi taħt iż-żewġ kodiċijiet NM rilevanti (7). |
(25) |
Billi l-investigazzjoni anti-dumping parallela msemmija fil-premessa 2 tikkonċerna l-importazzjoni tal-istess prodott mill-istess pajjiżi, jenħtieġ li d-data tal-bidu ta’ dak il-każ, jiġifieri l-21 ta’ Frar 2019, titqies bħala l-bidu tal-perjodu ta’ wara l-bidu biex tiġi vvalutata l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet. Il-volum tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati jiżviluppaw b’dan il-mod: Il-volum tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati (tunnellati)
|
3.3.1. Importazzjonijiet mir-RPĊ
(26) |
Fl-ilment tiegħu, l-ilmentatur ipprovda evidenza ta’ importazzjonijiet massivi ta’ materjali tal-fibra tal-ħġieġ Ċiniżi fl-Unjoni bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u t-30 ta’ Settembru 2018. Fil-fatt, skont l-ilment, matul dan il-perjodu l-produtturi esportaturi Ċiniżi kellhom sehem mis-suq minn 17,8 % sa 23,2 %. Il-volum medju ta’ importazzjonijiet ta’ kull xahar bejn Marzu u Novembru 2019 huwa madwar 41 % akbar minn dak matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-kwantità totali ta’ materjali tal-fibra tal-ħġieġ Ċiniżi importata fl-Unjoni bejn Marzu u Novembru 2019 hija 41 % akbar mill-kwantità totali importata matul l-istess perjodu fl-2018. |
3.3.2. Importazzjonijiet mill-Eġittu
(27) |
Fl-ilment tiegħu, l-ilmentatur ipprovda evidenza ta’ importazzjonijiet massivi ta’ materjali tal-fibra tal-ħġieġ Eġizzjani bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u t-30 ta’ Settembru 2018 b’żieda fil-volum ta’ aktar minn 14 000 % u sehem mis-suq minn 0 % fl-2015 għal madwar 8 % fl-2018. Il-volum medju ta’ importazzjonijiet ta’ kull xahar bejn Marzu u Novembru 2019 huwa 11 % akbar minn dak matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-kwantità totali ta’ materjali tal-fibra tal-ħġieġ fl-Eġittu importata fl-Unjoni bejn Marzu u Novembru 2019 hija 7 % akbar mill-kwantità totali importata matul l-istess perjodu fl-2018. |
3.3.3. Importazzjonijiet mir-RPĊ u mill-Eġittu b’mod kumulattiv
(28) |
Fl-ilment tiegħu, l-ilmentatur ipprovda evidenza ta’ importazzjonijiet massivi ta’ materjali tal-fibra tal-ħġieġ Ċiniżi u Eġizzjani bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u t-30 ta’ Settembru 2018 b’żieda fil-volum ta’ 33 % u sehem mis-suq minn 20,7 % fl-2015 għal 26 % fl-2018. Il-volum medju ta’ importazzjonijiet ta’ kull xahar bejn Marzu u Novembru 2019 huwa 31 % akbar minn dak matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-kwantità totali ta’ materjali tal-fibra tal-ħġieġ fir-RPĊ u fl-Eġittu importata fl-Unjoni bejn Marzu u Novembru 2019 hija 29 % akbar mill-kwantità totali importata matul l-istess perjodu fl-2018. |
3.3.4. Konklużjoni dwar l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet
(29) |
Abbażi taċ-ċifri fil-premessi 26 u 27, il-Kummissjoni kkonkludiet li qed isseħħ żieda massiva fl-importazzjonijiet mill-Eġittu u mir-RPĊ, kemm b’mod kumulattiv kif ukoll b’mod separat. Dawn iż-żidiet, flimkien mal-ishma mis-suq rispettivi taż-żewġ pajjiżi esportaturi matul il-perjodu kkunsidrat, jammontaw għal importazzjonijiet massivi f’perjodu relattivament qasir ta’ żmien, fis-sens tal-Artikolu 16(4) tar-Regolament bażiku. |
3.4. Preklużjoni ta’ rikorrenza tad-dannu
(30) |
Fl-aħħar nett, minħabba l-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi 9 sa 29, il-Kummissjoni qieset li kien hemm bżonn li tħejji l-impożizzjoni retroattiva potenzjali tal-miżuri billi timponi reġistrazzjoni sabiex tipprekludi r-rikorrenza ta’ dan id-dannu. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet tas-suq ta’ wara l-PI pjuttost jikkonfermaw li s-sitwazzjoni tal-industrija domestika diġà kienet qed tiddeterjora minħabba ż-żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet sussidjati bi prezzijiet baxxi. |
4. PROĊEDURA
(31) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza sabiex tiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku. |
(32) |
Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dment li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu. |
5. Reġistrazzjoni
(33) |
Skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni bl-iskop li jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji, dawk id-dazji jistgħu, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa, jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli. |
(34) |
F’dan l-istadju tal-investigazzjoni għadu mhuwiex possibbli li jiġi stmat l-ammont ta’ sussidju fir-RPĊ u fl-Eġittu. L-ilment ma jipprevedix stima eżatta tal-ammont ta’ sussidju, li normalment jenħtieġ li jintuża bħala l-bażi biex jiġu stabbiliti d-dazji kompensatorji. L-ilment fih biss stima tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu rigward Ottubru 2017 sa Settembru 2018 ta’ 87 % għar-RPĊ u 60 % għall-Eġittu. F’konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont stmat ta’ responsabbiltà jkun rilevanti biss f’każ li dazju bbażat fuq l-ammont ta’ sussidji kompensatorji jkun ogħla u l-Kummissjoni tikkonkludi b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li timponi dan id-dazju ogħla. |
6. PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
(35) |
Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10); |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-awtoritajiet doganali huma b’dan mitluba, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2016/1037, jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ materjali ta’ ftietel u/jew ħjut tal-fibra tal-ħġieġ b’filament kontinwu, minsuġa u/jew meħjuta, b’elementi oħra jew mingħajrhom, għajr prodotti mxappin jew imxappin minn qabel (prepreg), u għajr materjali b’nisġa miftuħa b’ċelloli ta’ daqs aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 39 00, ex 7019 40 00, ex 7019 59 00 u ex 7019 90 00 (il-kodiċijiet TARIC 7019390080, 7019400080, 7019590080 u 7019900080) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu.
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
3. Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta’ sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.
(2) In-Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU C 167, 16.5.2019, p. 11).
(3) In-Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU C 68, 21.2.2019, p. 29).
(4) In-Notifika li tiċċara n-notifiki ta’ bidu ta’ proċedimenti anti-dumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU C 314, 18.9.2019, p. 6).
(5) Kodiċijiet TARIC 7019390080; 7019400080; 7019590080; 7019900080.
(6) Kodiċijiet TARIC 7019390085; 7019400085.
(7) Kodiċijiet TARIC użati għad-data dwar l-importazzjoni qabel il-bidu tal-investigazzjoni: 7019390090 u 7019400099; il-kodiċijiet TARIC użati għad-data dwar l-importazzjoni wara l-bidu tal-investigazzjoni: 7019390080, 7019390085, 7019400080, u 7019400085.
(8) Wara l-bidu tal-każ ta’ anti-dumping, jiġifieri minn Marzu sa Novembru 2019
(9) Marzu sa Novembru 2018
(10) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).