Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2253

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2020/2253 tat-29 ta’ Diċembru 2020 li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-Kooperazzjoni dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari u l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra

    ĠU L 444, 31.12.2020, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2253/oj

    31.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 444/11


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (Euratom) 2020/2253

    tat-29 ta’ Diċembru 2020

    li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-Kooperazzjoni dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari u l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fil-25 ta' Frar 2020, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Renju Unit għal ftehim ta' sħubija ġdid. Dawk in-negozjati rriżultaw fi Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (il-''Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni''), Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata (il-''Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni'') u Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari (il-''Ftehim dwar l-Enerġija Nukleari'') ('il-Ftehimiet').

    (2)

    Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jkopri kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-''Komunità''), jiġifieri l-assoċjazzjoni mal-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom u mal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni rregolata mill-Ħames Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (Parteċipazzjoni fi programmi tal-Unjoni, ġestjoni finanzjarja tajba u dispożizzjonijiet finanzjarji). Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jiġi konkluż f'isem il-Komunità fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-''Trattat Euratom''). L-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni f'isem l-Unjoni huwa soġġett għal proċedura separata.

    (3)

    Qiegħed jiġi mfakkar li l-abbozzi ta' ftehimiet bilaterali bejn Stat Membru tal-Komunità u r-Renju Unit fl-ambitu tat-Trattat Euratom, inklużi ftehimiet għall-iskambju ta' informazzjoni xjentifika jew industrijali fil-qasam nukleari, jistgħu jiġu konklużi sakemm il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fl-Artikoli 29 u 103 ta' dak it-Trattat jiġu mħarsa.

    (4)

    Minħabba s-sitwazzjoni eċċezzjonali tar-Renju Unit fil-konfront tal-Unjoni u tal-Komunità, u l-urġenza tas-sitwazzjoni bil-perijodu ta' tranżizzjoni jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom, jenħtieġ li jiġi ffirmat u applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu. Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li l-Ftehim dwar l-Enerġija Nukleari jiġi ffirmat u jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu u titlesta r-reviżjoni legali-lingwistika finali u jiġi stabbilit li tali verżjonijiet lingwistiċi finalment riveduti huma awtentiċi u definittivi mill-Partijiet.

    (5)

    Minħabba li n-negozjati tal-Ftehimiet tlestew tard ħafna, sebat ijiem biss qabel it-tmiem tal-perijodu ta' tranżizzjoni, ma kienx possibbli li ssir r-reviżjoni legali-lingwistika finali tat-testi tal-Ftehimiet qabel l-iffirmar tagħhom. Għalhekk, immedjatament wara l-iffirmar tal-Ftehimiet, jenħtieġ li l-Partijiet jipproċedu għar-reviżjoni legali-lingwistika finali tat-testi tal-Ftehimiet fl-24 lingwa awtentika kollha. Dik ir-reviżjoni legali-lingwistika jenħtieġ li titlesta fi żmien debitu. Wara, permezz tal-iskambju ta' noti diplomatiċi, jenħtieġ li l-Partijiet jistabbilixxu dawk it-testi riveduti tal-Ftehimiet fit-tali lingwi kollha bħala awtentiċi u definittivi. Jenħtieġ li dawk it-testi riveduti jissostitwixxu ab initio l-verżjonijiet iffirmati tal-Ftehimiet.

    6)

    Il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-Ftehim dwar l-Enerġija Nukleari jenħtieġ li tiġi approvata.

    (7)

    Il-konklużjoni mill-Kummissjoni, li taġixxi f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jenħtieġ li tiġi approvata,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-konklużjoni mill-Kummissjoni, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għall-Kooperazzjoni dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari hija b'dan approvata, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.

    2.   Il-konklużjoni mill-Kummissjoni, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, inkluż id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-applikazzjoni proviżorja, hija b'dan approvata fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

    3.   It-test tal-Ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    It-test tal-Ftehim imsemmi fil-paragrafu 2 huwa mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 (1).

    Artikolu 2

    1.   Qabel il-konklużjoni tiegħu u soġġett għar-reċiproċità, il-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 1(1), għandu jġi ffirmat u għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-1 ta' Jannar 2021, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu u tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2.

    2.   Il-verżjonijiet tal-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 1(1) bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Netherlandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni legali-lingwistika finali.

    Il-verżjonijiet lingwistiċi li jirriżultaw mir-reviżjoni legali-lingwistika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu stabbiliti bħala awtentiċi u definittivi permezz tal-iskambju ta' noti diplomatiċi mar-Renju Unit.

    It-testi awtentiċi u definittivi msemmija fit-tieni subparagrafu għandhom jissostitwixxu ab initio l-verżjonijiet iffirmati tal-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 1(1).

    3.   L-applikazzjoni proviżorja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi maqbula permezz ta' skambju ta' ittri bejn il-Komunità u l-Gvern tar-Renju Unit. It-testi ta' dawk l-ittri huma mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    1.   Qabel il-konklużjoni tiegħu u soġġett għar-reċiproċità, il-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 1(2), fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom, għandu jiġi ffirmat u għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-1 ta' Jannar 2021, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    2.   In-notifika lir-Renju Unit f'konformità mal-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/2252 rigward it-tlestija tar-rekwiżiti u l-proċeduri interni tal-Unjoni meħtieġa għall-applikazzjoni proviżorja għandha tingħata mill-President tal-Kunsill dment li, qabel id-data msemmija fil-paragrafu 1, ir-Renju Unit ikun innotifika lill-Unjoni li jkunu tlestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri interni tiegħu meħtieġa għall-applikazzjoni proviżorja.

    3.   Il-verżjonijiet tal-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 1(2) bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Netherlandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni legali-lingwistika finali.

    Il-verżjonijiet lingwistiċi li jirriżultaw mir-reviżjoni legali-lingwistika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu stabbiliti bħala awtentiċi u definittivi permezz tal-iskambju ta' noti diplomatiċi mar-Renju Unit.

    It-testi awtentiċi u definittivi msemmija fit-tieni subparagrafu għandhom jissostitwixxu ab initio l-verżjonijiet iffirmati tal-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-29 ta’ Diċembru 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ROTH


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 29 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata (ĠU L 444, 31.12.2020, p. 2).


    Top