EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1664

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1664 tad-9 ta’ Novembru 2020 dwar ċerti miżuri protettivi interim relatati mal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 fil-Ġermanja (notifikata bid-dokument C(2020) 7887) (It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/7887

ĠU L 374, 10.11.2020, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/11/2020; Imħassar b' 32020D1809 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1664/oj

10.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 374/11


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1664

tad-9 ta’ Novembru 2020

dwar ċerti miżuri protettivi interim relatati mal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 fil-Ġermanja

(notifikata bid-dokument C(2020) 7887)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza avjarja hija marda virali infettiva fl-għasafar, inkluż il-pollam. L-infezzjonijiet bil-viruses tal-influwenza avjarja fil-pollam domestiku jikkawżaw żewġ forom ewlenin ta’ dik il-marda li jvarjaw fil-virulenza tagħhom. Il-forma b’patoġeniċità baxxa ġeneralment tikkawża biss sintomi ħfief, filwaqt li l-forma b’patoġeniċità għolja twassal għal rati ferm għoljin ta’ mortalità fil-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet tal-pollam. Il-marda jaf tħalli impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-pollam u tikkawża tfixkil tal-kummerċ fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

Mill-2005 ’l hawn, il-viruses tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja (HPAI) tas-sottotip H5 urew li kapaċi jinfettaw lill-għasafar migratorji, u mbagħad dawn jistgħu jxerrdu dawn il-viruses fuq distanzi twal tul il-migrazzjonijiet tagħhom tal-ħarifa u tar-rebbiegħa.

(3)

Il-preżenza ta’ viruses tal-HPAI fl-għasafar selvaġġi hija theddida kontinwa għall-introduzzjoni diretta u indiretta ta’ dawn il-viruses fl-azjendi fejn jinżamm il-pollam jew fejn jinżammu għasafar tat-trobbija oħra.

(4)

Fil-każ ta’ tifqigħa tal-HPAI, hemm riskju li l-aġent tal-marda jinfirex f’azjendi oħra fejn jinżamm il-pollam jew fejn jinżammu għasafar tat-trobbija oħra.

(5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (3) tistabbilixxi ċerti miżuri preventivi relatati mas-sorveljanza u mad-detezzjoni bikrija tal-influwenza avjarja u miżuri minimi ta’ kontroll li jridu jiġu applikati fil-każ ta’ tifqigħa ta’ dik il-marda fil-pollam jew f’għasafar tat-trobbija oħra. Dik id-Direttiva tipprevedi l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fil-każ ta’ tifqigħa tal-HPAI. Din ir-reġjonalizzazzjoni tiġi applikata b’mod partikolari biex jiġi ppreservat l-istatus tas-saħħa tal-għasafar fil-kumplament tat-territorju tal-Istat Membru permezz tal-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-aġent patoġeniku u l-iżgurar tad-detezzjoni bikrija tal-marda.

(6)

Riċentement, il-Ġermanja kkonfermat il-preżenza tal-virus tal-HPAI tas-sottotip H5N8 fl-għasafar selvaġġi migratorji u mhux migratorji fit-territorju tagħhom.

(7)

Barra minn hekk, riċentement il-Ġermanja għarrfet lill-Kummissjoni dwar tifqigħa tal-HPAI tas-sottotip H5N8 fit-territorju tiegħu, f’azjenda fejn jinżamm il-pollam jew fejn jinżammu għasafar tat-trobbija oħra fid-distrett ta’ Nordfriesland, u minnufih ħa l-miżuri meħtieġa skont id-Direttiva 2005/94/KE, inkluż l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza.

(8)

Il-Kummissjoni eżaminat dawk il-miżuri b’kollaborazzjoni mal-Ġermanja, u ħarġet sodisfatta li l-fruntieri ta’ dawk iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti mill-awtorità kompetenti f’dak l-Istat Membru, jinsabu ’l bogħod biżżejjed mill-azjenda fejn ġiet ikkonfermata t-tifqigħa.

(9)

Għall-prevenzjoni ta’ kull tfixkil bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u għall-evitar ta’ ostaki mhux ġustifikati għall-kummerċ imposti minn pajjiżi terzi, jeħtieġ jiġu deskritti malajr iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti fir-rigward tal-HPAI fil-Ġermanja fil-livell tal-Unjoni.

(10)

Għaldaqstant, sakemm jerġa' jitlaqqa’ l-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fil-Ġermanja, fejn qed jiġu applikati l-miżuri ta’ kontroll għas-saħħa tal-annimali stipulati fid-Direttiva 2005/94/KE, jenħtieġ jiġu definiti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ jiġi ffissat it-tul taż-żmien ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(11)

Din id-Deċiżjoni se tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ġermanja għandha tiżgura li ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2005/94/KE jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fil-Parti A u fil-Parti B tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-28 ta’ Frar 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16).


ANNESS

PARTI A

Żona ta’ protezzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1:

Stat Membru: Il-Ġermanja

Żona li tinkludi:

Id-data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2005/94/KE

SCHLESWIG-HOLSTEIN

Landkreis Nordfriesland

Hallig Oland

1.12.2020

PARTI B

Żona ta’ sorveljanza kif imsemmi fl-Artikolu 1:

Stat Membru: Il-Ġermanja

Żona li tinkludi:

Data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE

SCHLESWIG-HOLSTEIN

Landkreis Nordfriesland

Gemeinde Galmsbüll

Gemeinde Dagebüll

Gemeinde Ockholm

Hallig Gröde

Hallig Langeneß

Gemeinde Wyk auf Föhr

Gemeinde Wrixum

Gemeinde Oevenum

10.12.2020

Landkreis Nordfriesland

Hallig Oland

Mit-2.12.2020 sal-10.12.2020


Top