EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1537

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1537 tat-22 ta’ Ottubru 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha

ĠU L 351I, 22.10.2020, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1537/oj

22.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 351/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1537

tat-22 ta’ Ottubru 2020

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 (1).

(2)

Il-miżuri restrittivi mmirati kontra attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha huma wħud fost il-miżuri inklużi fil-qafas tal-Unjoni għal rispons diplomatiku konġunt kontra attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi (is-sett ta’ għodod taċ-ċiberdiplomazija) u huma strument vitali biex attivitajiet bħal dawn jiġu skoraġġuti u jingħata rispons għalihom.

(3)

Bħala prevenzjoni, skoraġġiment, deterrent u rispons għal imġiba malizzjuża kontinwa u dejjem tiżdied fiċ-ċiberspazju, jenħtieġ li żewġ persuni fiżiċi u korp wieħed jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2019/797. Dawk il-persuni u dak il-korp huma responsabbli għal jew kienu involuti f’attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha, b’mod partikolari l-attakk ċibernetiku kontra l-Parlament federali Ġermaniż (Destscher Bundestag) li seħħ f’April u Mejju 2015.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (ĠU L 129 I, 17.5.2019, p. 13).


ANNESS

L-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2019/797:

A.

Persuni fiżiċi

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“7.

Dmitry Sergeyevich BADIN

Дмитрий Сергеевич БАДИН

Data tat-twelid: 15 ta’ Novembru 1990

Post tat-twelid: Kursk, ir-Repubblika Soċjalista Federattiva Sovjetika Russa (illum il-Federazzjoni Russa)

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Dmitry Badin ħa sehem f’attakk ċibernetiku b’effett sinifikanti kontra l-Parlament federali Ġermaniż (Deutscher Bundestag).

Bħala uffiċjali tal-intelligence militari tal-85 Ċentru Ewlieni għas-Servizzi Speċjali (GTsSS) tad-Direttorat Ewlieni tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GU/GRU), Dmitry Badin kien parti minn tim ta’ uffiċjali tal-intelligence militari Russi li wettqu attakk ċibernetiku kontra l-Parlament federali Ġermaniż (Deutscher Bundestag) f’April u Mejju 2015. Dan l-attakk ċibernetiku kien immirat kontra s-sistema ta’ informazzjoni tal-Parlament u affettwa l-operat tagħha għal diversi ġranet. Insteraq ammont ta’ data sinifikanti u ġew affettwati l-kontijiet tal-posta elettronika ta’ diversi Membri Parlamentari kif ukoll tal-Kanċillier Angela Merkel.

22.10.2020

8.

Igor Olegovich KOSTYUKOV

Игорь Олегович КОСТЮКОВ

Data tat-twelid: 21 ta’ Frar 1961

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Igor Kostyukov huwa attwalment il-Kap tad-Direttorat Ewlieni tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GU/GRU), fejn preċedentement serva bħala l-Ewwel Viċi Kap. Waħda mill-unitajiet taħt il-kmand tiegħu hija l-85 Ċentru Ewlieni għas-Servizzi Speċjali (GTsSS), magħrufa wkoll bħala “l-unità militari 26165” (psewdonimi li bihom hija magħrufa fil-qasam tagħha: “APT28”, “Fancy Bear”, “Sofacy Group”, “Pawn Storm” u “Strontium”).

F’din il-kapaċità, Igor Kostyukov huwa responsabbli għall-attakki ċibernetiċi mwettqa mill-GTsSS, inkluż dawk b’effett sinifikanti li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha.

B’mod partikolari, uffiċjali tal-intelligence militari tal-GTsSS ħadu sehem fl-attakk ċibernetiku kontra l-Parlament federali Ġermaniż (Deutscher Bundestag) li seħħ f’April u Mejju 2015 u l-attentat ta’ attakk ċibernetiku mmirat għall-hacking fin-network tal-WiFi tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fin-Netherlands f’April 2018.

L-attakk ċibernetiku kontra l-Parlament federali Ġermaniż kien immirat kontra s-sistema ta’ informazzjoni tal-Parlament u affettwa l-operat tagħha għal diversi ġranet. Insteraq ammont ta’ data sinifikanti u ġew affettwati l-kontijiet tal-posta elettronika ta’ diversi Membri Parlamentari kif ukoll tal-Kanċillier Angela Merkel.

22.10.2020”

B.

Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“4.

Il-85 Ċentru Ewlieni għas-Servizzi Speċjali (GTsSS) tad-Direttorat Ewlieni tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GU/GRU)

Indirizz: Komsomol’skiy Prospekt, 20, Moska, 119146, Federazzjoni Russa

Il-85 Ċentru Ewlieni għas-Servizzi Speċjali (GTsSS) tad-Direttorat Ewlieni tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GU/GRU), magħruf ukoll bħala “l-unità militari 26165” (psewdonimi li bihom huwa magħruf fil-qasam tiegħu: “APT28”, “Fancy Bear”, “Sofacy Group”, “Pawn Storm” u “Strontium”), huwa responsabbli għal attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li jikkostitwixxi theddida esterna għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha.

B’mod partikolari, uffiċjali tal-intelligence militari tal-GTsSS ħadu sehem fl-attakk ċibernetiku kontra l-Parlament federali Ġermaniż (Deutscher Bundestag) li seħħ f’April u Mejju 2015 u l-attentat ta’ attakk ċibernetiku mmirat għall-hacking fin-network tal-WiFi tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fin-Netherlands f’April 2018.

L-attakk ċibernetiku kontra l-Parlament federali Ġermaniż kien immirat kontra s-sistema ta’ informazzjoni tal-Parlament u affettwa l-operat tagħha għal diversi ġranet. Insteraq ammont ta’ data sinifikanti u ġew affettwati l-kontijiet tal-posta elettronika ta’ diversi Membri Parlamentari kif ukoll tal-Kanċillier Angela Merkel.

22.10.2020”


Top