EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1492

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1492 tat-12 ta’ Ottubru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni tal-Proċeduri Operazzjonali Komuni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 343, 16.10.2020, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1492/oj

16.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 343/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1492

tat-12 ta’ Ottubru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni tal-Proċeduri Operazzjonali Komuni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom (1) (il-“Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/219 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020.

(2)

Skont il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim (“il-Kumitat Konġunt”) jista’ jadotta deċiżjoni dwar il-proċeduri operazzjonali komuni (“COP”) żviluppati mill-amministratur tar-reġistru Żvizzeru u mill-amministratur ċentrali tal-Unjoni li huma relatati ma’ kwistjonijiet tekniċi jew oħrajn meħtieġa għall-operat tal-kollegament, b’kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet tal-leġiżlazzjoni domestika. Wara, is-COP jidħlu fis-seħħ meta jiġu adottati bid-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

(3)

Waqt it-tielet laqgħa tiegħu li se ssir fl-2020, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta s-COP.

(4)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kumitat Konġunt, peress li s-COP se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

(5)

L-adozzjoni tas-COP tirrappreżenta element importanti tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, minħabba li tiddetermina l-proċeduri operazzjonali biex jaħdem il-kollegament u li ż-żewġ naħat għandhom isegwu.

(6)

Jeħtieġ li l-Kumitati Konġunt jistabbilixxi grupp ta’ ħidma skont il-Ftehim biex jassisti lill-Kumitat Konġunt fil-funzjonijiet tiegħu skont il-Ftehim fir-rigward tal-iżvilupp ta’ linji gwida tekniċi biex tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim inkluż kwistjonijiet tekniċi jew kwistjonijiet oħra meħtieġa għall-operat tal-kollegament u b’kont meħud tal-prijoritajiet tal-leġiżlazzjoni domestika. Il-grupp ta’ ħidma jenħtieġ li tal-inqas jinkludi l-amministratur tar-Reġistru Żvizzeru u l-amministratur ċentrali tal-Unjoni.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tielet laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni tal-Proċeduri Operazzjonali Komuni kif ukoll l-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma skont l-Artikolu 12(5) tal-Ftehim, għandhom ikunu bbażati fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż (3).

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu ma’ tibdiliet minuri fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 322, 7.12.2017, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/219 tat-23 ta’ Jannar 2018 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom (ĠU L 43, 16.2.2018, p. 1).

(3)  Ara d-dokument ST 10831/20 fuq http://register.consilium.europa.eu.


Top