Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1161

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1161 tal-4 ta’ Awwissu 2020 li tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2020) 5205) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/5205

ĠU L 257, 6.8.2020, p. 32–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/07/2022; Imħassar b' 32022D1307 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1161/oj

6.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/32


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1161

tal-4 ta’ Awwissu 2020

li tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2020) 5205)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8b(5) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE jipprevedi l-istabbiliment ta’ lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi li għalihom trid tinġabar data tal-monitoraġġ minn madwar l-Unjoni għall-finijiet ta’ appoġġ fil-ġejjieni ta’ eżerċizzji ta’ prijoritizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-ewwel lista ta’ sorveljanza ta’ dan it-tip kellha tinkludi indikazzjoni tal-matriċijiet ta’ monitoraġġ u metodi possibbli ta’ analiżi li ma jinvolvux spejjeż eċċessivi għal kull sustanza.

(2)

Is-sustanzi fil-lista ta’ sorveljanza jridu jintgħażlu minn fost dawk li għalihom l-informazzjoni disponibbli tindika li jistgħu joħolqu riskju sinifikanti, fil-livell tal-Unjoni, għall-ambjent akkwatiku jew permezz tiegħu, iżda li għalihom id-data tal-monitoraġġ disponibbli mhix biżżejjed biex wieħed jasal għal konklużjoni dwar ir-riskju reali maħluq. Jenħtieġ li s-sustanzi ta’ tossiċità kbira, li jintużaw f’ħafna Stati Membri u li jintremew fl-ambjent akkwatiku iżda li ma jiġux immonitorjati jew li rari jsirilhom monitoraġġ, jiġu kkunsidrati biex jiġu inklużi fil-lista ta’ sorveljanza. Dak il-proċess tal-għażla jenħtieġ li jqis l-informazzjoni elenkata fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari s-sustanzi niġġiesa emerġenti.

(3)

Il-monitoraġġ tas-sustanzi fil-lista ta’ sorveljanza jenħtieġ li jiġġenera data ta’ kwalità għolja dwar il-konċentrazzjonijiet tagħhom fl-ambjent akkwatiku, li tkun tajba biex, f’eżerċizzju separat ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2000/60/KE, tappoġġa l-valutazzjonijiet tar-riskju li fuqhom tistrieħ l-identifikazzjoni tas-sustanzi ta’ prijorità. F’dak ir-reviżjoni, jenħtieġ li s-sustanzi li jinstab li joħolqu riskju sinifikanti jiġu kkunsidrati biex jiġu inklużi fil-lista ta’ sustanzi ta’ prijorità. Imbagħad jiġi stabbilit ukoll standard tal-kwalità ambjentali li l-Istati Membri jridu jilħqu. Sabiex sustanza tiġi proposta biex tiġi inkluża fil-lista ta’ sustanzi ta’ prijorità trid tiġi soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt.

(4)

L-ewwel lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/495 (3) u kienet tinkludi għaxar sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi, flimkien ma’ indikazzjoni tal-matriċi tal-monitoraġġ, metodi analitiċi possibbli li ma jinvolvux spejjeż eċċessivi, u limiti aċċettabbli massimi tad-detezzjoni tal-metodu.

(5)

Skont l-Artikolu 8b(2) tad-Direttiva 2008/105/KE, il-Kummissjoni trid taġġorna l-lista ta’ sorveljanza kull sentejn. Meta taġġorna l-lista, il-Kummissjoni trid tneħħi kwalunkwe sustanza li għaliha tista’ tiġi konkluża valutazzjoni bbażata fuq ir-riskju msemmija fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/60/KE mingħajr data tal-monitoraġġ addizzjonali.

(6)

Il-lista ta’ sorveljanza ġiet aġġornata fl-2018 kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/840 (4) bit-tneħħija ta’ ħames sustanzi u biż-żieda ta’ tliet sustanzi, b’tali mod li l-lista kien fiha tmien sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi.

(7)

Skont l-Artikolu 8b(2) tad-Direttiva 2008/105/KE, it-tul ta’ żmien ta’ perjodu ta’ monitoraġġ kontinwu ta’ lista ta’ sorveljanza għal kwalunkwe sustanza individwali ma għandux jaqbeż erba’ snin. Għalhekk, l-obbligu ta’ monitoraġġ tal-lista ta’ sorveljanza għall-ħames sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi li kienu ilhom fil-lista mill-2015, jiġifieri s-17-alpha-ethinylestradiol (EE2), is-17-beta-estradiol (E2) u l-estron (E1), il-grupp ta’ antibijotiċi makrolidi, il-metijokarb, u l-grupp ta’ neonikotinojdi, spiċċa fl-2019. Id-data tal-monitoraġġ miksuba se tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni msemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/60/KE.

(8)

Abbażi tad-data tal-monitoraġġ miksuba mill-2018 ’l hawn għat-tliet sustanzi l-oħra, jiġifieri l-metaflumiżon, l-amoksiċillina u ċ-ċiprofloksaċina, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kinitx inkisbet biżżejjed data tal-monitoraġġ ta’ kwalità għolja, u li għalhekk, dawk is-sustanzi jenħtieġ li jibqgħu fil-lista ta’ sorveljanza.

(9)

Matul l-2019, il-Kummissjoni ġabret data dwar firxa ta’ sustanzi oħra li jistgħu jiġu inklużi fil-lista ta’ sorveljanza. Qieset it-tipi differenti ta’ informazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, u kkonsultat lil esperti mill-Istati Membri u lil gruppi tal-partijiet ikkonċernati. Meta jkun hemm dubju dwar it-tossiċità ta’ xi sustanzi, jew meta s-sensittività, l-affidabbiltà jew il-komparabbiltà tal-metodi tal-monitoraġġ disponibbli ma jkunux adegwati, jenħtieġ li dawk is-sustanzi ma jiġux inklużi fil-lista ta’ sorveljanza. L-antibijotiku tas-sulfonammid sulfametoksażolu u l-antibijotiku tad-diamminopirimidina trimetoprim, l-antidipressant venlafaksina u l-metabolita tiegħu O-desmetilvenlafaksina, grupp ta’ tliet farmaċewtiċi ażoliċi (klotrimażolu, flukonażolu u mikonażolu) u seba’ pestiċidi ażoliċi (imażalil, ipkonażolu, metkonażolu, penkonażolu, prokloraż, tebukonażolu, tetrakonażolu), u l-fungiċidi famoksadon u dimossistrobina ġew identifikati bħala kandidati xierqa. L-inklużjoni tad-diversi farmaċewtiċi hija konsistenti mal-Approċċ Strateġiku tal-UE għall-Farmaċewtiċi fl-Ambjent (5), u l-inklużjoni taż-żewġ antibijotiċi hija konsistenti wkoll mal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew “Saħħa Waħda” kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (AMR) (6), li jappoġġa l-użu tal-lista ta’ sorveljanza biex “jittejjeb l-għarfien dwar l-okkorrenza u t-tixrid tal-antimikrobiċi fl-ambjent”.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, il-Kummissjoni identifikat xi metodi possibbli ta’ analiżi għas-sustanzi proposti. Għal kull sustanza, inkluż kull sustanza individwali fi grupp, jenħtieġ li l-limitu tad-detezzjoni tal-metodu jkun baxx minn tal-inqas daqs il-konċentrazzjoni mingħajr effett prevista (PNEC) u speċifika għas-sustanza fil-matriċi rilevanti.

(11)

Is-sulfametoksażolu u t-trimetoprim, spiss iżda mhux dejjem, jintużaw f’kombinament minħabba l-effetti sinerġistiċi ddikjarati tagħhom; dawn jistgħu u jenħtieġ li jiġu analizzati flimkien minkejja li mhumiex miġbura flimkien fil-lista. Il-venlafaksina u l-metabolita tiegħu huma raggruppati minħabba l-effetti potenzjalment addittivi tagħhom; dawn jistgħu u jenħtieġ li jiġu analizzati flimkien. Is-sustanzi ażoliċi huma raggruppati minħabba li għandhom l-istess modalità ta’ azzjoni u jista’ jkollhom ukoll effetti addittivi, minkejja l-emissjonijiet tagħhom li jiġu minn firxa ta’ sorsi u li x’aktarx ivarjaw maż-żmien; dawn jistgħu u jenħtieġ li jiġu analizzati flimkien ukoll. Iż-żewġ fungiċidi, li l-emissjonijiet tagħhom x’aktarx ivarjaw ukoll, jistgħu jiġu analizzati flimkien iżda ma hemmx għalfejn.

(12)

Il-metodi analitiċi speċifikati fil-lista ta’ sorveljanza mhumiex ikkunsidrati li jinvolvu spejjeż eċċessivi. Jekk fil-ġejjieni ikun hemm xi informazzjoni ġdida li twassal biex tonqos il-konċentrazzjoni mingħajr effett prevista għal sustanzi speċifiċi, il-limitu massimu aċċettabbli tad-detezzjoni tal-metodu jaf ikollu jitnaqqas sakemm dawk is-sustanzi jibqgħu fil-lista.

(13)

Għall-komparabbiltà, jenħtieġ li jsir monitoraġġ tas-sustanzi kollha f’kampjuni tal-ilma sħaħ.

(14)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/840 jiġi sostitwit fl-intier tiegħu. Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/840 titħassar.

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2000/60/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE hija stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/840 titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 348, 24.12.2008, p. 84.

(2)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/495 tal-20 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 78, 24.3.2015, p. 40).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/840 tal-5 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi għal monitoraġġ fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/495 (ĠU L 141, 7.6.2018, p. 9).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Approċċ Strateġiku tal-Unjoni Ewropea għall-Farmaċewtiċi fl-Ambjent, COM(2019) 128 final.

(6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Pjan ta’ Azzjoni Ewropew “Saħħa Waħda” kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (AMR) (COM(2017) 339 final).


ANNESS

Lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha kif stabbilit fl-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE

Isem is-sustanza/il-grupp ta’ sustanzi

Numru CAS  (1)

Numru tal-UE  (2)

Metodu analitiku indikattiv  (3)  (4)

Limitu massimu aċċettabbli ta’ detezzjoni tal-metodu (ng/l)

Metaflumiżon

139968-49-3

604-167-6

LLE-LC-MS-MS jew SPE–LC-MS-MS

65

Amoksiċillina

26787-78-0

248-003-8

SPE-LC-MS-MS

78

Ċiprofloksaċina

85721-33-1

617-751-0

SPE-LC-MS-MS

89

Sulfametoksażolu  (5)

723-46-6

211-963-3

SPE-LC-MS-MS

100

Trimetoprim  (5)

738-70-5

212-006-2

SPE-LC-MS-MS

100

Venlafaksina u

O-desmetilvenlafaksina  (6)

93413-69-5

93413-62-8

618-944-2

700-516-2

SPE-LC-MS-MS

6

Komposti ażoliċi  (7)

 

 

SPE-LC-MS-MS

 

Klotrimażolu

Flukonażolu

Imażalil

Ipkonażolu

Metkonażolu

Mikonażolu

Penkonażolu

Prokloraż

Tebukonażolu

Tetrakonażolu

23593-75-1

86386-73-4

35554-44-0

125225-28-7

125116-23-6

22916-47-8

66246-88-6

67747-09-5

107534-96-3

112281-77-3

245-764-8

627-806-0

252-615-0

603-038-1

603-031-3

245-324-5

266-275-6

266-994-5

403-640-2

407-760-6

 

20

250

800

44

29

200

1 700

161

240

1 900

Dimossistrobina

149961-52-4

604-712-8

SPE-LC-MS-MS

32

Famoksadon

131807-57-3

603-520-1

SPE-LC-MS-MS

8,5


(1)  Chemical Abstracts Service (Servizz tal-Astratti tal-Kimiċi).

(2)  Numru tal-Unjoni Ewropea.

(3)  Sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tar-riżultati minn Stati Membri differenti, is-sustanzi kollha għandhom jiġu mmonitorjati f’kampjuni tal-ilma sħaħ.

(4)  Metodi tal-estrazzjoni:

 

LLE – estrazzjoni b’ripartizzjoni likwidu-likwidu

 

SPE – estrazzjoni f’fażi solida

Metodi analitiċi:

 

LC-MS-MS – Spettrometrija tal-massa bi kwadrupol triplu bi kromatografija likwida (tandem).

(5)  Is-sulmetametoksażolu u t-trimetoprim għandhom jiġu analizzati flimkien fl-istess kampjuni iżda għandhom jiġu rrappurtati bħala konċentrazzjonijiet individwali.

(6)  Il-venlafaksina u l-O-desmetilvenlafaksina għandhom jiġu analizzati flimkien fl-istess kampjuni iżda għandhom jiġu rrappurtati bħala konċentrazzjonijiet individwali.

(7)  Il-komposti ażoliċi għandhom jiġu analizzati flimkien fl-istess kampjuni iżda għandhom jiġu rrappurtati bħala konċentrazzjonijiet individwali.


Top