EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1105

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1105 tal-24 ta’ Lulju 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ST/9209/2020/REV/1

ĠU L 242, 28.7.2020, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1105/oj

28.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/4


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1105

tal-24 ta’ Lulju 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1401 (2), l-Italja kienet ġiet awtorizzata, sal-31 ta’ Diċembru 2017, tiddisponi li t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta fuq provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi kellha titħallas minn dawk l-awtoritajiet f’kont bankarju separat u mblukkat tal-awtoritajiet tat-taxxa. Dik il-miżura speċjali kienet tikkostitwixxi deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE relattivament għall-ħlas tal-VAT u għar-regoli tal-fatturazzjoni.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784 (3), l-Italja kienet ġiet awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sat-30 ta’ Ġunju 2020, u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-miżura speċjali twessa’ biex jinkludi l-provvisti lil ċerti kumpaniji kkontrollati minn awtoritajiet pubbliċi u lil kumpaniji kkwotati fil-Borża li huma inklużi fl-indiċi Financial Times Stock Exchange Milano Indice di Borsa (‘FTSE MIB’).

(3)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-4 ta’ Diċembru 2019, l-Italja talbet li l-awtorizzazzjoni biex tapplika l-miżura speċjali tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2023 u li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali jiġi ristrett għal provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi lill-awtoritajiet pubbliċi biss. Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Marzu 2020, l-Italja mmodifikat it-talba tagħha sabiex l-estensjoni mitluba ssir identika fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784.

(4)

Permezz ta’ ittra datata l-5 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħrajn dwar it-talba li għamlet l-Italja. Permezz ta’ ittra datata s-6 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

(5)

Il-miżura speċjali hija parti minn pakkett ta’ miżuri introdotti mill-Italja sabiex tiġġieled kontra l-frodi fit-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa. Dak il-pakkett ta’ miżuri, inkluż obbligu ta’ fatturazzjoni elettronika, kif awtorizzat mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 (4), issostitwixxa miżuri oħrajn ta’ kontroll u jippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa Taljani li jwettqu kontroverifiki tal-operazzjonijiet differenti ddikjarati mill-operaturi u li jimmonitorjaw il-ħlasijiet tal-VAT tagħhom.

(6)

L-Italja tqis li, fil-kuntest tal-pakkett ta’ miżuri implimentati, il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja tqassar iż-żmien meħtieġ mill-amministrazzjoni tat-taxxa biex issir konxja mill-eżistenza ta’ każ potenzjali ta’ frodi fit-taxxa jew ta’ evażjoni tat-taxxa. Madankollu, l-Italja tqis ukoll li, fin-nuqqas tal-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum introdott mill-miżura speċjali, jista’ jkun li, ladarba tkun twettqet il-kontroverifika, l-irkupru jaf ikun impossibbli mill-frodaturi jew mill-evażuri jekk dawn ikunu insolventi. Għalhekk, il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum, bħala miżura ex ante, irriżulta li huwa aktar effettiv mill-fatturazzjoni elettronika obbligatorja, li hija miżura ex post. Id-data definittiva dwar l-effettività tal-miżura speċjali turi li din kienet ukoll aktar effettiva milli mistenni.

(7)

Wieħed mill-effetti tal-miżura huwa li l-fornituri, li huma persuni taxxabbli, ma jistgħux ipaċu l-VAT li jħallsu fuq ix-xiri tagħhom bil-VAT li jirċievu fuq il-provvisti tagħhom. Jista’ jkun li tali fornituri jkunu kostantement f’pożizzjoni ta’ kreditu u jista’ jkun li jkollhom jitolbu rifużjoni effettiva tal-VAT li jħallsu fuq ix-xiri tagħhom mill-amministrazzjoni tat-taxxa. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, il-persuni taxxabbli li jwettqu tranżazzjonijiet soġġetti għall-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum ikunu intitolati li jirċievu l-ħlas tal-krediti rilevanti tal-VAT bħala prijorità, fil-limitu tal-kreditu derivanti minn tali tranżazzjonijiet. Din il-prattika timplika li t-talbiet għal rifużjoni relatati mal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum jiġu pproċessati bi prijorità kemm matul l-investigazzjoni preliminari kif ukoll matul il-ħlas ta’ somom dovuti minn rifużjonijiet li mhumiex prijorità.

(8)

Skont il-premessa (7) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784, ladarba s-sistema komposta mill-pakkett ta’ miżuri ta’ kontroll li l-Italja kellha l-ħsieb li tapplika tkun implimentata bis-sħiħ, ma għandux ikun hemm aktar bżonn ta’ derogi mid-Direttiva 2006/112/KE biex ikun applikat il-ħlas maqsum. Għalhekk, l-Italja offriet assigurazzjoni li ma kinitx se tfittex li ġġedded id-deroga li tippermetti l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum. Madankollu, billi għadu kmieni biex tiġi vvalutata bis-sħiħ l-effettività ta’ dawn il-miżuri minħabba li kien reċentement li ġew implimentati, u fid-dawl tad-diffikultajiet li l-Italja qed tiffaċċa bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, li qed tagħmilha aktar diffiċli għal persuni taxxabbli biex jimplimentaw il-bidliet meħtieġa fis-sistemi tagħhom ta’ fatturazzjoni, u għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex jaddattaw is-sistemi tagħhom ta’ kontroll u tal-informatika, it-tneħħija tal-miżura jista’ jkollha effetti negattivi sinifikanti fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u fuq il-ġbir tal-VAT, kif ukoll fuq il-kostijiet amministrattivi għall-persuni taxxabbli taħt iċ-ċirkostanzi kurrenti. Għalhekk huwa xieraq li tiġi estiża l-awtorizzazzjoni tad-deroga mid-Direttiva 2006/112/KE.

(9)

Jenħtieġ li d-deroga mitluba tkun limitata fiż-żmien sabiex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex adatta u effettiva. Għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tiġi estiża sat-30 ta’ Ġunju 2023, li jagħti żmien biżżejjed biex issir valutazzjoni tal-effettività tal-miżuri implimentati mill-Italja bl-għan li titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa fis-setturi kkonċernati.

(10)

Sabiex jiġi żgurat is-segwitu meħtieġ fil-qafas tad-deroga mitluba u b’mod partikolari sabiex tivvaluta l-impatt fuq ir-rifużjonijiet tal-VAT lill-persuni taxxabbli koperti minn dik id-deroga, jenħtieġ li l-Italja tkun obbligata tressaq rapport lill-Kummissjoni sa Settembru 2021 dwar il-qagħda globali tar-rifużjonijiet tal-VAT lill-persuni taxxabbli u b’mod partikolari dwar l-ammont medju ta’ żmien meħtieġ għal dawn ir-rifużjonijiet, u dwar l-effettività tal-miżura speċjali u ta’ kwalunkwe miżura oħra implimentati mill-Italja bl-għan li titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa fis-setturi kkonċernati. Jenħtieġ li dak ir-rapport jinkludi lista tal-miżuri differenti implimentati, flimkien mad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

(11)

Il-miżura speċjali hija proporzjonata għall-objettivi mmirati billi hija limitata fiż-żmien u hija ristretta għal setturi li jippreżentaw problemi konsiderevoli fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma toħloqx xi riskju li l-prattika tal-evażjoni tat-taxxa tiġi trasferita lejn setturi oħrajn jew lejn Stati Membri oħrajn.

(12)

Minħabba d-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, il-proċess għat-tiġdid tad-deroga ħa aktar żmien milli kien mistenni u ma ġiex finalizzat sat-30 ta’ Ġunju 2020. Mingħajr l-applikazzjoni retroattiva ta’ din id-Deċiżjoni, il-kumpaniji li japplikaw il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum ikollhom ibiddlu s-sistemi tagħhom ta’ fatturazzjoni biex jakkomodaw il-bidliet mil-lum għal għada. L-amministrazzjoni tat-taxxa jkollha timplimenta adattamenti simili fis-sistemi tagħha. Minħabba dawk id-diffikultajiet, ma jidhirx xieraq li n-negozji u l-amministrazzjoni tat-taxxa jintalbu jwettqu dawn il-bidliet f’dan il-mument. Huwa għalhekk kunsiljabbli li din id-Deċiżjoni tiġi applikata retroattivament sabiex tkun żgurata l-kontinwità legali tal-miżura.

(13)

Id-deroga mhijiex se taffettwa negattivament l-ammont globali ta’ dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni rikavati mill-VAT.

(14)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sat-30 ta’ Settembru 2021, l-Italja għandha tressaq rapport lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni ġenerali tar-rifużjonijiet tal-VAT lill-persuni taxxabbli milqutin mill-miżuri msemmija fl-Artikoli 1 u 2 u, b’mod partikolari, dwar kemm tieħu żmien, bħala medja, il-proċedura tar-rifużjoni u dwar l-effettività ta’ dawk il-miżuri u ta’ kwalunkwe miżura oħra implimentati mill-Italja bl-għan li titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa fis-setturi kkonċernati. Dak ir-rapport għandu jinkludi lista tal-miżuri differenti implimentati, flimkien mad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.”;

(2)

fl-Artikolu 5, id-data “30 ta’ Ġunju 2020” hija sostitwita bid-data “30 ta’ Ġunju 2023”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2020.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1401 tal-14 ta’ Lulju 2015 li tawtorizza lill-Italja biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 206 u 226 tad- Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 217, 18.8.2015, p. 7).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784 tal-25 ta’ April 2017 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u li tħassar id- Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1401 (ĠU L 118, 6.5.2017, p. 17).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 tas-16 ta’ April 2018 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 99, 19.4.2018, p. 14).


Top