EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1075

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1075 tas-26 ta’ Ġunju 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

ST/14185/2019/INIT

ĠU L 240, 24.7.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1075/oj

Related international agreement

24.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 240/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1075

tas-26 ta’ Ġunju 2020

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100(2), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni, nnegozjat Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-Ftehim”) f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2016 li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati.

(2)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1153 (2) il-Ftehim ġie ffirmat fl-20 ta’ Mejju 2019, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(3)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-korpi konġunti stabbiliti mill-Ftehim u għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja, talbiet għal konsultazzjonijiet u miżuri għas-sospensjoni tal-obbligi ta’ aċċettazzjoni.

(4)

F’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 17(6) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 11(1) tal-Ftehim (“il-Kumitat Konġunt”) ikun jista’ jadotta emendi għall-Annessi għall-Ftehim.

(5)

Sabiex tiffaċilita l-approvazzjoni ta’ emendi għall-Annessi għall-Ftehim li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt u biex jiġi evitat ir-riskju li l-Unjoni ma jkollhiex pożizzjoni dwar emendi proposti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata biex tapprova tali emendi proposti f’isem l-Unjoni soġġett għal kondizzjonijiet sostantivi u proċedurali speċifiċi.

(6)

Sabiex ikun żgurat li l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ emendi proposti għall-Annessi għall-Ftehim li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt tkun konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tissottometti l-emendi proposti lill-Kunsill għall-konsultazzjoni biżżejjed qabelil-laqgħa tal-Kumitat Konġunt li matulha dawk l-emendi jkunu ser jiġu adottati. Il-konformità ta’ dawk l-emendi ppreżentati mill-Kummissjoni lill-Kunsill jenħtieġ li tkun valutata mill-Kumitati tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper).

(7)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (il-‘Ftehim’) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 17(1) tal-Ftehim (3).

Artikolu 3

1.   L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 11(1) tal-Ftehim mill-Kummissjoni Ewropea, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“EASA”) u akkumpanjata mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni bħala rappreżentanti tal-Istati Membri.

2.   L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata fil-Bord tas-Sorveljanza taċ-Ċertifikazzjoni stabbilit bil-paragrafu 3.1.1. tal-Anness I għall-Ftehim mill-EASA, assistita mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni direttament ikkonċernati mill-aġenda għal kull laqgħa.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi għall-Annessi għall-Ftehim adottati mill-Kumitat Konġunt f’konformità mal-punt(c) tal-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 17(6) tal-Ftehim sa fejn dawn l-emendi jkunu konsistenti mal-atti legali rilevanti tal-Unjoni, u ma jinvolvu l-ebda modifika tagħhom, soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni f’isem l-Unjoni:

tkun fl-interessi tal-Unjoni;

taqdi l-għanijiet li l-Unjoni ssegwi fil-qafas tal-politika tagħha dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni u l-kummerċ;

tqis l-interessi tal-manifatturi, il-kummerċjanti u l-konsumaturi tal-Unjoni;

ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali;

fejn applikabbli, tappoġġa t-titjib tal-kwalità tal-prodotti ajrunawtiċi billi tagħmilha aktar faċli li jinqabdu prattiki frawdolenti u qarrieqa;

fejn applikabbli, ikollha l-għan tal-approssimazzjoni tal-istandards marbuta mal-prodotti ajrunawtiċi;

fejn applikabbli, tevita li toħloq ostakli għall-innovazzjoni; u

fejn applikabbli, tiffaċilita l-kummerċ tal-prodotti ajrunawtiċi.

(b)

Il-Kummissjoni tippreżenta l-emendi proposti lill-Kunsill f’waqthom qabel l-approvazzjoni tagħhom.

Coreper għandu jivvaluta jekk l-emendi proposti jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a).

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni sakemm għadd ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw minoranza li timblokka tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 16(4) Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma joġġezzjonawx għalihom. Jekk ikun hemm din il-minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-emendi proposti f’isem l-Unjoni.

Artikolu 5

1.   Il-Kummissjoni tista’ tieħu l-azzjoni li ġejja:

(a)

tadotta miżuri ta’ salvagwardja f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 5(1) tal-Ftehim,

(b)

titlob konsultazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim,

(c)

tieħu miżuri biex tissospendi obbligi ta’ aċċettazzjoni reċiproka u tirrevoka din is-sospensjoni f’konformità mal-Artikolu 16 tal-Ftehim.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill biżżejjed minn qabel l-intenzjoni tagħha li tieħu azzjoni skont dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Kunsens tas-17 ta’ Ġunju 2020 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1153 tas-26 ta’ Ġunju 2018 dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 210, 21.8.2018, p. 2).

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


Top