Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0983

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/983 tas-7 ta’ Lulju 2020 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cape Verde (2019-2024)

    ST/8662/2019/REV/1

    ĠU L 222, 10.7.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/983/oj

    Related international agreement

    10.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 222/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/983

    tas-7 ta’ Lulju 2020

    dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cape Verde (2019-2024)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u mal-Artikolu 218(7),

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Fid-19 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2027/2006 (2) biex ikkonkluda l-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cape Verde (3) (‘il-Ftehim’). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Marzu 2007, ġie mġedded b’mod taċitu u għadu fis-seħħ.

    (2)

    Konsegwentement għar-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill iddeċieda fl-4 ta’ Ġunju 2018 li jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika ta’ Cape Verde għall-konklużjoni ta’ Protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    (3)

    Il-Protokoll preċedenti għall-Ftehim skada fit-22 ta’ Diċembru 2018.

    (4)

    Il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat Protokoll ġdid f’isem l-Unjoni. Bħala riżultat ta’ dawk in-negozjati, il-Protokoll il-ġdid ġie inizjalat fit-12 ta’ Ottubru 2018.

    (5)

    F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/951 (4), il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cape Verde (2019-2024) (5) (“il-Protokoll”) ġie ffirmat fl-20 ta’ Mejju 2019.

    (6)

    Il-Protokoll ġie applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu.

    (7)

    L-għan tal-Protokoll huwa li jippermetti lill-Unjoni u lir-Repubblika ta’ Cape Verde jaħdmu aktar mill-qrib bejniethom biex jippromwovu politika tas-sajd sostenibbli, l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Cape Verde, u l-isforzi ta’ Cape Verde biex jiżviluppa ekonomija blu.

    (8)

    Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi approvat.

    (9)

    L-Artikolu 9 tal-Ftehim jistabbilixxi l-Kummissjoni Konġunta inkarigata mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, skont dak l-Artikolu, u l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 7(1) u (2) tal-Protokoll, il-Kummissjoni Konġunta tista’ tadotta ċerti modifiki għall-Protokoll. Sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni ta’ tali emendi, jenħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tkun awtorizzata, suġġett għal kondizzjonijiet sostantivi u proċedurali speċifiċi, tapprovahom f’isem l-Unjoni taħt proċedura simplifikata.

    (10)

    Jeħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-modifiki għall-Protokoll tiġi stabbilita mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri. L-emendi proposti jkunu aċċettati dment li ma jkunx hemm minoranza li timblokka, skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ta’ Stati Membri li joġġezzjonaw fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri.

    (11)

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kummissjoni Konġunta dwar kwistjonijiet oħra jenħtieġ li tiġi ddeterminata skont it-Trattati u forom stabbiliti ta’ prattika,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cape Verde (2019-2024) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 16 tal-Protokoll.

    Artikolu 3

    Skont il-proċedura stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun awtorizzata tapprova, f’isem l-Unjoni, il-modifiki għall-Protokoll li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni Konġunta stabbilita taħt l-Artikolu 9 tal-Ftehim.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ROTH


    (1)  L-approvazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Kap Verde (ĠU L 414, 30.12.2006, p. 1).

    (3)  ĠU L 414, 30.12.2006, p. 3.

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/951 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cape Verde (2019-2024) (ĠU L 154, 12.6.2019, p. 1).

    (5)  ĠU L 154, 12.6.2019, p. 3.


    ANNESS

    PROĊEDURA GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ MODIFIKI GĦALL-PROTOKOLL, LI GĦANDHOM JIĠU ADOTTATI MILL-KUMMISSJONI KONĠUNTA

    Fejn ikun meħtieġ li l-Kummissjoni Konġunta tadotta modifiki għall-Protokoll skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(3), u l-Artikolu 7(1) u (2) tal-Protokoll, il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun awtorizzata tapprova l-modifiki proposti f’isem l-Unjoni, taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li l-approvazzjoni f’isem l-Unjoni:

    (a)

    tkun konformi mal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd;

    (b)

    tkun konsistenti mar-regoli rilevanti adottati minn organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u tqis il-ġestjoni konġunta minn Stati kostali;

    (c)

    tqis l-aħħar informazzjoni statistika, bijoloġika u rilevanti oħra mibgħuta lill-Kummissjoni Ewropea.

    (2)

    Qabel ma l-Kummissjoni Ewropea tapprova l-modifiki proposti f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tressaqhom quddiem il-Kunsill kmieni biżżejjed qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kummissjoni Konġunta.

    (3)

    Il-konformità tal-modifiki proposti mal-kriterji stabbiliti fil-punt 1 ta’ dan l-Anness tiġi vvalutata mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri.

    (4)

    Dment li għadd ta’ Stati Membri ekwivalenti għal minoranza li timblokka fil-Kunsill skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma joġġezzjonawx għall-modifiki proposti, il-Kummissjoni Ewropea għandha tapprovahom f’isem l-Unjoni. Jekk ikun hemm tali minoranza li timblokka, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiċħad il-modifiki proposti f’isem l-Unjoni.

    (5)

    Jekk, matul laqgħat ulterjuri, inklużi dawk fuq il-post, ikun impossibbli li jintlaħaq qbil, il-kwistjoni għandha tgħaddi għal darba oħra quddiem il-Kunsill, skont il-proċedura prevista fil-punti 2 sa 4, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tieħu kont ta’ elementi ġodda.

    (6)

    Il-Kummissjoni Ewropea hija mistiedna biex, fi żmien debitu, tieħu kwalunkwe pass meħtieġ bħala segwitu għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Konġunta, inklużi, fejn xieraq, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

    (7)

    Fi kwistjonijiet oħra, li ma jikkonċernawx modifiki għall-Protokoll skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(3), u l-Artikolu 7(1) u (2) tiegħu, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kummissjoni Konġunta għandha tiġi ddeterminata skont it-Trattati u forom stabbiliti ta’ prattiki ta’ ħidma.


    Top