EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020A1009(01)

Opinjoni tal-Kummissjoni 8 ta’ Ottubru 2020. rigward il-pjan immodifikat għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta miż-żarmar tal-Impjant tal-Enerġija ta’ Berkeley fir-Renju Unit (it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku) 2020/C 335/01

C/2020/6767

ĠU C 335, 9.10.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 335/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

8 ta’ Ottubru 2020.

rigward il-pjan immodifikat għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta miż-żarmar tal-Impjant tal-Enerġija ta’ Berkeley fir-Renju Unit

(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2020/C 335/01)

Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal xi valutazzjonijiet addizzjonali li jridu jitwettqu skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-obbligi li joħorġu minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja (1).

Fis-7 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern tar-Renju Unit, f’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom, id-Data Ġenerali relatata mal-pjan immodifikat għar-rimi tal-iskart radjuattiv (2) li jirriżulta miż-żarmar tal-Impjant tal-Enerġija ta’ Berkeley.

Abbażi ta’ din id-data u l-informazzjoni addizzjonali li talbet il-Kummissjoni fis-17 ta’ Mejju 2018 u fid-19 ta’ Lulju 2018 u li pprovdew l-awtoritajiet tar-Renju Unit fis-26 ta’ Ġunju 2018 u fis-26 ta’ Ġunju 2020, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

1.

Id-distanza bejn is-sit u l-eqreb fruntiera ma’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ Franza, hija madwar 220 km.

2.

Il-modifiki ppjanati jikkonċernaw żieda fil-limitu ta’ rilaxx awtorizzat għall-effluwenti radjuattivi fl-ajru (li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ħarġet l-Opinjoni inizjali tagħha skont l-Artikolu 37 fl-2002) minħabba l-attivitajiet il-ġodda ppjanati ta’ dekummissjonar tal-Impjant tal-Enerġija ta’ Berkeley.

3.

F’kundizzjonijiet operattivi normali, il-modifiki ppjanati mhux suppost jikkawżaw esponiment għall-popolazzjoni ta’ Stat Membru ieħor li jkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, fir-rigward tal-limitu tad-doża stabbilita fid-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza.

4.

F’każ li jkun hemm rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, li jistgħu jseħħu wara xi aċċidenti tat-tip u tal-kobor ikkunsidrati fil-pjan immodifikat, id-dożi li x’aktarx jilħqu lill-popolazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma jkunux sinifikanti mil-lat tas-saħħa, fir-rigward tal-livelli ta’ referenza stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (3).

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan immodifikat għar-rimi tal-iskart radjuattiv fi kwalunkwe għamla li jirriżulta miż-żarmar tal-Impjant tal-Enerġija ta’ Berkeley, li jinsab f’Berkeley, f’Gloucestershire, fl-Ingilterra, ir-Renju Unit, kemm waqt l-operat normali kif ukoll fil-każ ta’ aċċidenti tat-tip u tal-kobor ikkunsidrati fid-Data Ġenerali, mhux suppost tirriżulta f’kontaminazzjoni radjuattiva tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor, li tkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Kadri SIMSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-aspetti ambjentali jkomplu jiġu vvalutati. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni lejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE; lejn id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll lejn id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u lejn id-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.

(2)  Ir-rimi tal-iskart radjuattiv skont it-tifsira tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/635/Euratom tal-11 ta’ Ottubru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 36).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).


Top