EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1123

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1123 tat-12 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2013 rigward l-implimentazzjoni teknika tat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/1839

ĠU L 177, 2.7.2019, p. 63–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/1123/oj

2.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/63


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1123

tat-12 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2013 rigward l-implimentazzjoni teknika tat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jesiġi li l-kwoti kollha maħruġa mill-1 ta' Jannar 2012 'il quddiem jinżammu f'Reġistru tal-Unjoni. Tali Reġistru tal-Unjoni kien inizjalment stabbilit mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 (3).

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 (4) ħassar ir-Regolament (UE) Nru 920/2010 sabiex jistabbilixxi rekwiżiti ġenerali, operazzjonali u ta' manutenzjoni fir-rigward tar-Reġistru tal-Unjoni għall-perjodu ta' skambju li jibda fl-1 ta' Jannar 2013 u l-perjodi sussegwenti, fir-rigward tar-reġistru indipendenti tat-tranżazzjonijiet previst fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/87/KE u fir-rigward tar-reġistri previsti fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(3)

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 jipprevedi l-istabbiliment ta' reġistri għat-twettiq ta' obbligi li joħorġu mill-Protokoll ta' Kyoto. Ir-Regolament (UE) Nru 389/2013 jirregola wkoll il-funzjonament ta' dawn ir-reġistri.

(4)

Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto, adottat l-emenda ta' Doha li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, li jibda mill-1 ta' Jannar 2013 u jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2020 (“l-Emenda ta' Doha”). L-Unjoni approvat l-Emenda ta' Doha bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1339 (6). Jenħtieġ li l-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto tiġi implimentata fir-Reġistru tal-Unjoni u fir-reġistri nazzjonali tal-Protokoll ta' Kjoto. Madankollu, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet rilevanti japplikaw biss mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto.

(5)

In-Norveġja u l-Liechtenstein qed jipparteċipaw fl-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE, iżda mhumiex partijiet fil-ftehim ta' twettiq konġunt (7) matul it-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto. Għalhekk, għandha tiġi stabbilita proċedura tal-ikklerjar speċifika fi tmiem it-tieni perjodu ta' impenn kif stipulat fl-Artikolu 10(6) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.

(6)

L-operazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward tat-tielet perjodu ta' skambju tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tal-UE bejn l-2013 u l-2020 għandhom jitlestew f'konformità mar-regoli stipulati fir-Regolament (UE) Nru 389/2013. Billi d-Direttiva 2003/87/KE tipprevedi l-użu ta' krediti internazzjonali ġġenerati skont il-Protokoll ta' Kyoto, dak ir-Regolament ser ikompli japplika għal dawk l-operazzjonijiet sal-1 ta' Lulju 2023, li huwa t-tmiem tal-perjodu addizzjonali għall-issodisfar tal-impenji skont it-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto. Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar ir-regoli li japplikaw għall-operazzjonijiet kollha relatati mat-tielet perjodu ta' skambju f'konformità mad-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata mid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), minn naħa, u r-regoli li japplikaw għall-operazzjonijiet kollha relatati mar-raba' perjodu ta' skambju f'konformità mad-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), min-naħa l-oħra, il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 389/2013 li jkomplu japplikaw, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament preżenti, għall-operazzjonijiet relatati mat-tielet perjodu ta' skambju, se jkun limitat għal dak l-iskop,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament (UE) Nru 389/2013, jiddaħħal l-Artikolu 73h li ġej:

“Artikolu 73h

Il-proċess ta' kklerjar għal pajjiżi li mhumiex parti minn ftehim ta' twettiq konġunt

1.   Fi żmien 6 xhur wara l-għeluq tal-perjodu ta' negozjar 2013–2020, l-amministratur ċentrali għandu jikkalkula l-valur tal-ikklerjar għal pajjiżi li mhumiex partijiet għal ftehim ta' twettiq konġunt billi jnaqqas l-ammont ugwali għall-kwoti fl-EU ETS li jirriżultaw mill-inklużjoni ta' dak il-pajjiż fl-EU ETS għall-perjodu ta' negozjar 2013–2020 mill-ammont totali ta' kwoti ġenerali ċeduti minn operaturi amministrati mill-amministratur nazzjonali ta' dak il-pajjiż għall-perjodu 2013–2020.

2.   L-amministratur ċentrali għandu jinnotifika lill-amministraturi nazzjonali dwar ir-riżultat tal-kalkolu skont il-paragrafu 1.

3.   Fi żmien 5 jiem tax-xogħol min-notifika stabbilita fil-paragrafu 2, l-Amministratur Ċentrali għandu jittrasferixxi ammont ta' AAUs li jkun ugwali għall-valur ta' kklerjar ikkalkulat skont il-paragrafu 1 mill-Kont ta' Kklerjar Ċentrali tal-ETS fir-Reġistru tal-Unjoni lil kont ta' depożitu ta' parti tal-PK fir-reġistru tal-PK ta' kull pajjiż b'valur ta' kklerjar pożittiv.

4.   Fi żmien 5 jiem ta' xogħol min-notifika stabbilita fil-paragrafu 2, kull amministratur tar-reġistru tal-PK li l-pajjiż tiegħu jkollu valur ta' kklerjar negattiv għandu jittrasferixxi ammont ta' AAUs ugwali għall-ekwivalenti pożittiv tal-valur ta' kklerjar ikkalkulat skont il-paragrafu 1 lill-Kont ta' Kklerjar Ċentrali tal-ETS fir-Reġistru tal-Unjoni.

5.   Qabel ma jsir it-trasferiment imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu, l-amministratur nazzjonali rilevanti jew l-amministratur ċentrali għandu l-ewwel jittrasferixxi l-għadd ta' AAUs meħtieġa biex jissodisfaw is-sehem tar-rikavat applikat għall-ewwel trasferimenti internazzjonali ta' AAUs skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.

6.   Fi żmien 6 xhur wara l-għeluq tal-perjodu ta' negozjar 2013–2020, l-amministratur ċentrali għandu jikkalkula l-valur ta' kklerjar għal pajjiżi li ma jkunux partijiet fi ftehim ta' twettiq konġunt billi jnaqqas l-ammont ugwali għall-emissjonijiet ivverifikati minn operaturi ta' inġenji tal-ajru li huma inklużi fl-inventarju nazzjonali taħt l-UNFCCC ta' dak il-pajjiż mill-ammont totali ta' kwoti ġenerali ċeduti minn operaturi ta' inġenji tal-ajru amministrati mill-amministratur nazzjonali ta' dak il-pajjiż għall-perjodu 2013–2020.

7.   L-amministratur ċentrali għandu jinnotifika lill-amministraturi nazzjonali dwar ir-riżultat tal-kalkolu skont il-paragrafu 6.

8.   Fi żmien 5 jiem ta' xogħol min-notifika skont il-paragrafu 7, kull amministratur tar-reġistru tal-PK li l-pajjiż tiegħu jkollu valur ta' kklerjar pożittiv għandu jittrasferixxi ammont ta' AAUs li jkun ugwali għall-valur ta' kklerjar ikkalkulat skont il-paragrafu 6 lill-Kont ta' Kklerjar Ċentrali tal-ETS fir-Reġistru tal-Unjoni.

9.   Fi żmien 5 jiem tax-xogħol min-notifika skont il-paragrafu 7, l-Amministratur Ċentrali għandu jittrasferixxi ammont ta' AAUs li jkun ugwali għall-ekwivalenti pożittiv tal-valur ta' kklerjar ikkalkulat skont il-paragrafu 6 mill-Kont ta' Kklerjar Ċentrali tal-ETS fir-Reġistru tal-Unjoni lil kont ta' depożitu ta' parti tal-PK fir-reġistru tal-PK ta' kull pajjiż b'valur ta' kklerjar negattiv.

10.   Qabel ma jsir it-trasferiment imsemmi fil-paragrafi 8 u 9 ta' dan l-Artikolu, l-amministratur nazzjonali rilevanti jew l-amministratur ċentrali għandu l-ewwel jittrasferixxi l-għadd ta' AAUs meħtieġa biex jissodisfaw is-sehem tar-rikavat applikat għall-ewwel trasferimenti internazzjonali ta' AAUs skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data tal-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta' komunikazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13.

(2)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 tas-7 ta' Ottubru 2010 għal sistema standardizzata u sigura ta' reġistri skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 270, 14.10.2010, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 u (UE) Nru 1193/2011 (ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta' Kyoto (ĠU L 49, 19.2.2004, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1339 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-impenji taħtha (ĠU L 207, 4.8.2015, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1340 tas-It-Tnejn, 13 ta' Lulju 2015 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Islanda, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda għat-tieni perijodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 207, 4.8.2015, p. 15).

(8)  Id-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3).


Top