Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0662

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/662 tal-25 ta' April 2019 li jestendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta), għall-makku ferreri (Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) f'ċerti ilmijiet territorjali ta' Spanja (il-Gżejjer Baleariċi)

    C/2019/2946

    ĠU L 112, 26.4.2019, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/662/oj

    26.4.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 112/16


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/662

    tal-25 ta' April 2019

    li jestendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta), għall-makku ferreri (Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) f'ċerti ilmijiet territorjali ta' Spanja (il-Gżejjer Baleariċi)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta' tagħmir irmunkat sa tliet mili nawtiċi mill-kosta jew sa livell ta' fond ta' 50 m meta dak il-fond jintlaħaq 'il ġewwa minn dik id-distanza mill-kosta.

    (2)

    Meta xi Stat Membru jitlobha, il-Kummissjoni tista' tippermetti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, dment li jiġu ssodisfati għadd ta' kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9).

    (3)

    Ingħatat deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta' dak ir-Regolament sas-6 ta' Diċembru 2016 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1233/2013 (2).

    (4)

    Fid-9 ta' Awwissu 2016, l-Awtoritajiet Spanjoli talbu lill-Kummissjoni testendi d-deroga lil hinn minn tmiem il-perjodu ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1233/2013. Spanja tat informazzjoni aġġornata li tiġġustifika l-estensjoni tad-deroga.

    (5)

    Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta d-deroga mitluba minn Spanja u l-abbozz tal-pjan ta' ġestjoni relatat waqt it-53 sessjoni plenarja tiegħu li saret f'Ottubru 2016 (3).

    (6)

    L-STECF jinnota li l-abbozz tal-pjan ta' ġestjoni l-ġdid għall-2016-2019 tjieb sew meta mqabbel mal-pjan ta' ġestjoni preċedenti adottat fl-2013. Madankollu, l-STECF indika ċerti aspetti li jeħtieġu iktar ġustifikazzjoni u kjarifika, b'mod partikolari dawk dwar iż-żieda fil-flessibbiltà taċ-ċensiment għall-flotta; l-operazzjoni fuq il-qigħan tal-algi Posidonia; is-separazzjoni tal-ilmijiet madwar Mallorca f'żewġ żoni ta' ġestjoni; żieda fil-qabda totali permissibbli (TAC) staġonali u estensjoni tal-istaġun tas-sajd għall-arżnell.

    (7)

    Fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-STECF, il-Kummissjoni talbet aktar data u kjarifiki, u Spanja ssottomettiethom lill-Kummissjoni fid-19 ta' Ġunju u fis-6 ta' Novembru 2017, flimkien ma' studju xjentifiku (4). Spanja rtirat żewġ proposti għal tibdil fil-pjan ta' ġestjoni: is-separazzjoni tal-ilmijiet madwar Mallorca f'żewġ żoni ta' ġestjoni u l-estensjoni tal-istaġun tas-sajd għall-arżnell.

    (8)

    Spanja adottat il-pjan ta' ġestjoni permezz ta' Digriet (5) skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    (9)

    L-estensjoni tad-deroga li talbet Spanja tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    (10)

    Jeżistu limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi meta wieħed iqis id-daqs limitat tal-blata kontinentali u d-distribuzzjoni spazjali tal-ispeċi fil-mira, li hija limitata esklussivament għal ċerti żoni fiż-żoni kostali f'fond li jkun anqas minn 50 metru.

    (11)

    Is-sajd bit-tartaruni ma jistax isir bi rkaptu ieħor u ma għandu l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar. Dan is-sajd huwa selettiv, billi t-tartaruni jinġibdu fil-kolonna tal-ilma u ma jmissux qiegħ il-baħar.

    (12)

    It-talba tkopri bastimenti rreġistrati f'ċensiment marittimu ġestit mid-Direttorat Ġenerali għas-Sajd u l-Ambjent tal-Baħar tal-Gżejjer Baleariċi li għandhom esperjenza ta' aktar minn ħames snin fis-sajd u li jaħdmu skont il-pjan ta' ġestjoni li jirregola s-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta), għall-makku ferreri (Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris). Dawk il-bastimenti jinsabu fil-lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    (13)

    Id-deroga li talbet Spanja tolqot għadd limitat ta' 55 bastiment.

    (14)

    Il-pjan ta' ġestjoni jiggarantixxi li fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd, billi l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lil 55 bastiment speċifiku u se jiġi stabbilit limitu massimu totali għat-tunnellaġġ u għall-potenza.

    (15)

    L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jitwettqu f'distanza qasira ħafna mill-kosta u għaldaqstant ma jfixklux l-attivitajiet ta' bastimenti oħra.

    (16)

    L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 li, permezz ta' deroga, jippermetti s-sajd 'il fuq mill-ħabitats protetti jekk is-sajd isir mingħajr ma jintmess il-qiegħ tal-algi skont ċerti kundizzjonijiet.

    (17)

    Billi l-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati huma selettivi, għandhom effett negliġibbli fuq l-ambjent, u mhumiex affettwati mid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, dawn huma eleġibbli għad-deroga għall-qies minimu tal-malji msemmi fl-Artikolu 9(7) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. Għaldaqstant, ir-regoli dwar il-qies minimu tal-malji stipulati fl-Artikolu 9(3) ma japplikawx.

    (18)

    Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma japplikawx minħabba li dawn għandhom x'jaqsmu mal-bastimenti tat-tkarkir.

    (19)

    L-attività tat-tartaruni hija rregolata fil-pjan ta' ġestjoni Spanjol biex jiġi żgurat li l-qbid tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ikun minimu u li l-attivitajiet tas-sajd ma jkollhomx fil-mira ċ-ċefalopodi.

    (20)

    Il-pjan ta' ġestjoni Spanjol jinkludi miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, f'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u mal-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (6)

    (21)

    Għaldaqstant, l-estensjoni tad-deroga li ntalbet jenħtieġ li tingħata.

    (22)

    Spanja jenħtieġ li tirrapporta lill-Kummissjoni fi żmien xieraq u skont il-pjan ta' monitoraġġ previst fil-pjan ta' ġestjoni Spanjol.

    (23)

    It-tul tal-estensjoni tad-deroga jenħtieġ li jkun limitat biex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri ta' ġestjoni korrettivi fil-pront f'każ li r-rapport lill-Kummissjoni juri qagħda ħażina ta' konservazzjoni tal-istokk sfruttat, filwaqt li jkun hemm l-opportunità biex titjieb il-bażi xjentifika għal pjan ta' ġestjoni mtejjeb.

    (24)

    Billi d-deroga li ngħatat permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1233/2013 skadiet fis-6 ta' Diċembru 2016, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mis-6 ta' Diċembru 2016.

    (25)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Deroga

    L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ilmijiet territorjali ta' Spanja maġenb il-kosta tal-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, għas-sajd għall-makku (Aphia minuta), għall-makku ferreri (Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) bit-tartaruni li jintużaw minn bastimenti:

    (a)

    irreġistrati fiċ-ċensiment marittimu ġestit mid-Direttorat Ġenerali għas-Sajd u l-Ambjent tal-Baħar tal-Gżejjer Baleariċi;

    (b)

    b'esperjenza fis-sajd ta' aktar minn ħames snin u li fil-ġejjieni mhux se jżidu l-isforz tas-sajd eżerċitat; kif ukoll

    (c)

    b'awtorizzazzjoni għas-sajd u li joperaw skont il-pjan ta' ġestjoni li adottat Spanja skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    Artikolu 2

    Pjan ta' monitoraġġ u rappurtar

    Sa Ġunju 2019, Spanja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni rapport imfassal skont il-pjan ta' monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta' ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c).

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u perjodu ta' applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mis-6 ta' Diċembru 2016 sal-31 ta' Diċembru 2019.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta' April 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1233/2013 tad-29 ta' Novembru 2013 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd mit-tartaruni għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) f'ċerti ilmijiet territorjali ta' Spanja (il-Gżejjer Baleariċi) (ĠU L 322, 3.12.2013, p. 17).

    (3)  It-53 rapport tal-laqgħa plenarja tal-STECF (PLEN-16-03, JRC103924): https://stecf.jrc.ec.europa.eu/reports/plenary

    (4)  Studju dwar is-sajd bit-tartaruni bl-irkaptu “gerretera” fil-gżira ta' Ibiza, 30.5.2017 (Estudio de la pesca de “gerret” con artes de tirada en la Isla de Ibiza, 30.5.2017).

    (5)  Decreto 19/2019, de 15 de marzo, por el que se establece el Plan de Gestión Pluriinsular para la Pesca con Artes de Tiro Tradicionales en aguas de las Illes Balears (BOIB No 035, 16.3.2019, p. 9442).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).


    Top