EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019H1660

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1660 tal-25 ta’ Settembru 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-kejl tal-konsum u l-kontijiet tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija

C/2019/6631

ĠU L 275, 28.10.2019, p. 121–141 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2019/1660/oj

28.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/121


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1660

tal-25 ta’ Settembru 2019

dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-kejl tal-konsum u l-kontijiet tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija impenjata biex tiżviluppa sistema tal-enerġija sostenibbli, kompetittiva, sigura u dekarbonizzata. L-unjoni tal-enerġija tistabbilixxi objettivi ambizzjużi għall-Unjoni. B’mod partikolari din għandha l-għan li: (i) tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra b’mill-inqas 40 % sal-2030 meta mqabbla mal-1990, (ii) iżżid il-proporzjon ta’ konsum tal-enerġija rinnovabbli sa mill-inqas 32 %, u (iii) tiffranka l-enerġija, biex b’hekk ittejjeb is-sigurtà, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-enerġija tal-Unjoni. Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (“EED”), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), tistabbilixxi mira ewlenija tal-effiċjenza fl-enerġija b’iffrankar ta’ mill-inqas 32,5 % fil-livell tal-Unjoni sal-2030.

(2)

It-tisħin u t-tkessiħ huma l-aktar sors sinifikanti tal-konsum finali tal-enerġija u jirrappreżentaw madwar 50 % tad-domanda totali tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea. 80 % ta’ dan jintuża fil-bini. Għalhekk, il-kisba tal-Unjoni tal-miri tal-enerġija u tal-klima tagħha hija influwenzata bil-kbir mill-isforzi tagħha biex tirrinnova l-istokkijiet tal-bini u biex tippromwovi tħaddim u użu aktar ottimali tal-bini.

(3)

L-informazzjoni ċara u fil-ħin u l-kontijiet tal-enerġija bbażati fuq il-konsum reali jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi biex jieħdu sehem attiv fit-tnaqqis tal-ħtiġijiet tal-enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ. Aktar minn 40 % tal-abitazzjonijiet fl-Unjoni jinsabu f’binjiet b’ħafna familji jew fi djar li jmissu ma’ bini fuq naħa waħda biss, u bosta minnhom għandhom sistemi kollettivi għall-provvista tat-tisħin tal-ispazju jew għall-preparazzjoni tal-ilma sħun domestiku. Għalhekk huwa importanti li l-okkupanti ta’ abitazzjonijiet bħal dawn ikollhom informazzjoni preċiża, affidabbli, ċara u fil-ħin dwar il-konsum tal-enerġija, irrispettivament minn jekk għandhomx relazzjoni kuntrattwali diretta jew individwali ma’ fornitur tal-enerġija.

(4)

L-EED hija l-leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni li tindirizza l-kejl u l-kontijiet tal-provvisti tal-enerġija termali. Fl-2018, l-EED ġiet emendata. Wieħed mill-għanijiet tal-emenda kien li jiġu ċċarati u msaħħa r-regoli applikabbli dwar il-kejl u l-kontijiet.

(5)

Il-kjarifiki jinkludu l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “utenti finali” flimkien mal-kunċett ta’ “klijent finali” li diġà intużaw fl-EED biex jiġi ċċarat li d-drittijiet għall-informazzjoni dwar il-kontijiet u il-konsum japplikaw ukoll għall-konsumaturi mingħajr kuntratti individwali jew diretti mal-fornitur tal-enerġija li tintuża għas-sistemi kollettivi tat-tisħin, tat-tkessiħ jew tal-produzzjoni tal-ilma sħun domestiku f’binjiet b’ħafna okkupanti.

(6)

Il-bidliet jespliċitaw ukoll ir-rekwiżit li l-Istati Membri jippubblikaw kriterji, metodoloġiji u proċeduri użati biex jingħataw eżenzjonijiet mir-rekwiżit ġenerali għall-kejl separat fil-binjiet b’ħafna okkupanti, u li jiċċaraw ir-rekwiżit mingħajr kundizzjonijiet biex l-ilma sħun domestiku jitkejjel individwalment fil-partijiet residenzjali tal-binjiet il-ġodda b’ħafna okkupanti.

(7)

Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ regoli trasparenti u disponibbli pubblikament dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż għall-binjiet b’ħafna appartamenti u għall-binjiet b’diversi użi minħabba li dawn huma importanti biex ikun hemm eżiti ġusti u biex jiġu stabbiliti inċentivi adegwati fost l-okkupanti ta’ binjiet bħal dawn.

(8)

Sabiex jissaħħaħ l-impatt tal-kejl u tal-kontijiet f’termini tal-bidla fl-imġiba li jistgħu jikkawżaw, u l-iffrankar enerġetiku konsegwenti, l-EED riveduta fiha wkoll rekwiżiti aktar ċari għal informazzjoni aktar utli u kompluta dwar il-kontijiet ibbażata fuq data dwar il-konsum bil-korrezzjonijiet tal-klima. Din tinkludi tqabbil rilevanti u elementi ġodda bħal pereżempju informazzjoni dwar it-taħlita enerġetika relatata u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, u dwar il-proċeduri ta’ lmenti jew il-mekkaniżmi disponibbli għas-soluzzjoni tat-tilwim.

(9)

Fl-istess ħin, rekwiżiti aktar stretti għal informazzjoni frekwenti dwar il-kontijiet u l-konsum kull fejn l-apparati li jinqraw mill-bogħod huma kkombinati ma’ regoli li jiżguraw it-tranżizzjoni gradwali għal arloġġi li jinqraw mill-bogħod u allokaturi tal-ispiża tat-tisħin għandhom l-għan li jiżguraw li eventwalment ikun hemm informazzjoni aktar fil-ħin u frekwenti disponibbli għall-utenti finali kollha.

(10)

L-Istati Membri jridu jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jittrasponu d-dispożizzjonijiet relatati mal-kejl u mal-kontijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2002 sa mhux aktar tard mill-25 ta’ Ottubru 2020.

(11)

L-EED tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fit-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni tas-sett rivedut ta’ rekwiżiti fir-rigward tal-kejl u tal-kontijiet, billi tippermettilhom jagħmlu dan b’mod li jaqbel l-aħjar maċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, inkluż il-kundizzjonijiet klimatiċi, il-mudelli tas-sjieda tal-proprjetà u tal-kera u l-istokkijiet tal-bini. Din ir-Rakkomandazzjoni tispjega r-rekwiżiti emendati u turi kif jistgħu jinkisbu l-objettivi tad-Direttiva. B’mod partikolari għandha l-għan tiżgura fehim uniformi tal-EED fl-Istati Membri kollha hekk kif iħejju l-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom.

(12)

Il-gwida pprovduta b’din ir-Rakkomandazzjoni tikkomplementa u tieħu post parzjalment il-gwida li nħarġet qabel mill-Kummissjoni b’rabta mal-Artikoli 9-11 tal-EED (3).

(13)

Din ir-Rakkomandazzjoni ma tbiddilx l-effetti legali tal-EED u hija mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni vinkolanti tal-EED kif ipprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja. Tiffoka fuq id-dispożizzjonijiet relatati mal-kejl u mal-kontijiet u tikkonċerna l-Artikoli 9a, 9b, 9c, 10a, 11a tal-EED u l-Anness VIIa tagħha.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu l-linji gwida pprovduti fl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni meta jittrasponu r-rekwiżiti introdotti mid-Direttiva (UE) 2018/2002 u stabbiliti fl-Artikoli 9a, 9b, 9c, 10a, 11a tal-EED u l-Anness VIIa tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Miguel ARIAS CAÑETE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210).

(3)  COM(2013) 762 final u SWD(2013) 448 final, Brussell, is-6 ta’ Novembru 2013.


ANNESS

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   Kuntest legali u politiku

L-Artikoli 9, 10 u 11 u l-Anness VII tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (“l-EED”) ikopru l-kejl tal-konsum u l-kontijiet tal-konsum tal-enerġija individwali. Il-bidliet relatati mal-kejl tal-konsum u l-kontijiet introdotti bir-reviżjoni tal-EED permezz ta’ Direttiva emendatorja (1) essenzjalment jinkludu:

iż-żieda ta’ dispożizzjonijiet legali ġodda speċifikament applikabbli għall-enerġija termali, jiġifieri l-Artikoli 9a, 9b, 9c, 10a, 11a u l-Anness VIIa, u

it-tneħħija tal-enerġija termali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet oriġinali tal-EED (l-Artikoli 9, 10, 11 u l-Anness VII).

Fir-rigward tal-kejl tal-konsum u l-kontijiet tal-elettriku, il-korp eżistenti tad-dritt tal-UE ġie konsolidat f’riformulazzjoni tad-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku li ġiet adottata wkoll bħala parti mill-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha.

Għall-gass, il-leġiżlatur (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill) inkluda bħala parti mir-reviżjoni tal-EED, klawsola ta’ rieżami fl-Artikolu 24(14) sabiex jiġi żgurat li l-każ għal bidliet simili jitqies abbażi ta’ valutazzjoni jew proposta mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2021.

Fil-qosor, l-EED riveduta sostanzjalment timmodifika d-dispożizzjonijiet dwar il-kejl tal-konsum u l-kontijiet fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli għall-enerġija termali. Għall-elettriku, dawn id-dispożizzjonijiet jibqgħu l-istess sakemm id-dispożizzjonijiet ġodda fir-Riformulazzjoni tad-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021 (2); għall-gass dawn jibqgħu l-istess kemm-il darba u sakemm il-leġiżlatur ma jadottax aktar bidliet.

1.2.   Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskop ta’ dan id-dokument

L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tiffaċilita l-applikazzjoni effettiva u koerenti tad-dispożizzjonijiet tal-EED dwar il-kejl tal-konsum u l-kontijiet tal-enerġija termali. Din parzjalment tissupplimenta u parzjalment tissostitwixxi l-gwida li diġà ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni.

In-nota ta’ gwida tal-2013 tal-Kummissjoni dwar l-Artikoli 9-11 (3) tibqa’ rilevanti għall-elettriku u għall-gass, peress li għalissa d-dispożizzjonijiet oriġinali tal-EED dwar l-elettriku u l-gass jibqgħu fis-seħħ. Madankollu, għall-enerġija termali, inbidlu jew ġew ikkjarifikati bosta affarijiet, u għalhekk in-nota tal-2013 se tkun biss parzjalment rilevanti ladarba tkun għaddiet l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet riveduti (25 ta’ Ottubru 2020) (4).

Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll gwida speċifika għall-kejl separat tal-konsum tal-enerġija termali f’binjiet b’aktar minn unità waħda (5). L-approċċ ġenerali ta’ din il-gwida jibqa’ validu, kif jibqgħu l-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet tagħha.

1.3.   Ħarsa ġenerali lejn il-bidliet relatati mal-kejl tal-konsum u l-kontijiet tal-enerġija termali

Id-differenzi ewlenin introdotti fl-EED riveduta għar-rekwiżiti tal-kejl tal-konsum u l-kontijiet għall-provvisti tal-enerġija termali huma kif ġej:

L-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “utenti aħħarin” flimkien mal-kunċett eżistenti ta’ “klijent aħħari”. B’mod partikolari, din għandha l-għan li tikkjarifika li d-drittijiet għal informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum (l-Artikolu 10a) japplikaw ukoll għall-konsumaturi mingħajr kuntratti individwali jew diretti mal-fornitur tal-enerġija li jintużaw f’sistemi kollettivi tat-tisħin, tat-tkessiħ jew tal-produzzjoni tal-ilma sħun f’binjiet b’aktar minn appartament jew użu wieħed.

Distinzjoni aktar ċara bejn il-kejl tal-konsum u l-kejl separat tal-konsum (l-Artikoli 9a u 9b rispettivament).

Rekwiżit espliċitu għall-Istati Membri biex jippubblikaw il-kriterji, il-metodoloġiji u l-proċeduri li jintużaw biex jingħataw eżenzjonijietmir-rekwiżit ġenerali għall-kejl separat tal-konsum f’binjiet b’aktar minn appartament jew użu wieħed (l-Artikolu 9b(1)).

Rekwiżit ikkjarifikat u inkondizzjonat biex l-ilma sħun domestiku jitkejjel b’mod separat fil-partijiet residenzjali ta’ binjiet ġodda b’aktar minn appartament jew użu wieħed (l-Artikolu 9b(2)).

Rekwiżit obbligatorju ġdid għall-Istati Membri biex ikollhom fis-seħħ regoli trasparenti u disponibbli għall-pubbliku dwar l-allokazzjoni tal-ispiża (l-Artikolu 9b(3)).

L-introduzzjoni ta’ rekwiżiti għall-qari mill-bogħod fir-rigward tal-arloġġi u l-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin (l-Artikolu 9c).

Rekwiżiti msaħħa għal informazzjoni frekwenti dwar il-kontijiet u l-konsum kull fejn ikunu disponibbli apparati li jinqraw mill-bogħod (darbtejn jew erba’ darbiet fis-sena mill-25 ta’ Ottubru 2020 u kull xahar mill-1 ta’ Jannar 2022) (l-Artikolu 10a u l-Anness VIIa).

Introduzzjoni ta’ informazzjoni aktar utli u kompluta dwar il-kontijiet abbażi ta’ data dwar il-konsum korretta għall-klima u inkluż tqabbil rilevanti u elementi ġodda bħal informazzjoni dwar it-taħlita tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra relatati, u dwar il-proċeduri tal-ilmenti jew il-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim disponibbli (l-Anness VIIa).

2.   OBBLIGU GĦALL-KEJL TAL-KONSUM (L-ARTIKOLU 9a)

L-Artikolu 9a l-ġdid huwa magħmul minn żewġ paragrafi, li kull wieħed minnhom jiżviluppa rekwiżit simili fl-EED oriġinali, jiġifieri l-ewwel subparagrafi tal-Artikolu 9(1) u 9(3). Flimkien dawn jikkostitwixxu l-obbligu ġenerali biex titkejjel il-provvista tal-enerġija termali.

L-Artikolu 9a(1) jinkludi r-rekwiżit ġenerali biex jiġi żgurat li l-klijenti aħħarin (6) jingħataw arloġġi (7) li jirriflettu b’mod preċiż il-konsum tal-enerġija reali tagħhom. Għall-kuntrarju tal-Artikolu 9(1) tal-EED oriġinali, dan ir-rekwiżit mhuwa soġġett għall-ebda kundizzjoni. Id-dispożizzjoni ma tinkludix rekwiżit biex l-arloġġ jipprovdi informazzjoni dwar il-ħin tal-użu reali.

L-Artikolu 9a(2) jinkludi rekwiżit aktar speċifiku biex arloġġ jiġi installat fl-iskambjatur tas-sħana jew fil-punt tal-konsenja meta l-enerġija termali tiġi fornuta f’bini minn sors ċentrali li jforni diversi binjiet jew minn sistema tat-tisħin distrettwali jew tat-tkessiħ distrettwali.

Din id-dispożizzjoni diġà ġiet inkluża fl-Artikolu 9(3) tal-EED oriġinali.

F’bosta sitwazzjonijiet, ir-rekwiżiti taż-żewġ dispożizzjonijiet msemmija hawn fuq jikkoinċidu u jwasslu għall-istess eżitu: dan huwa l-każ meta klijent aħħari jiġi fornut b’enerġija termali esklussivament għal finijiet relatati ma’ bini wieħed (tipikament għat-tisħin tal-post u l-produzzjoni tal-ilma sħun domestiku). Dan il-każ japplika wkoll meta bini jinqasam f’diversi unitajiet li kull waħda minnhom ikollha skambjatur/substazzjon tas-sħana tagħha stess u meta l-okkupant ta’ kull unità jkun klijent aħħari bil-kuntratt proprju u dirett tiegħu/tagħha man-netwerk tat-tisħin/tat-tkessiħ distrettwali (8). F’dawn iż-żewġ każijiet, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9a jimplikaw il-ħtieġa biex jiġi installat arloġġ fil-punt tal-konsenja/tal-iskambjatur tas-sħana għall-bini ta’ kull klijent aħħari individwali.

Madankollu, ir-rekwiżiti huma wkoll komplementari. Fil-prinċipju, il-konsum jista’ jseħħ barra mill-bini, pereżempju għal finijiet ta’ sħana tul il-proċessi f’sit industrijali. Skont l-Artikolu 9a(1), provvista bħal din għandha titkejjel ukoll. Bl-istess mod, xi klijenti aħħarin jistgħu jirċievu provvisti għal diversi binjiet. Pereżempju, klijent aħħari jista’ jirċievi provvisti f’diversi binjiet mill-istess netwerk tat-tisħin distrettwali. Jekk dawn kollha jkunu konnessi man-netwerk permezz ta’ punt uniku, l-Artikolu 9a(1) minnu nnifsu jkun jirrikjedi biss arloġġ wieħed. Madankollu, f’tali każijiet, l-Artikolu 9a(2) huwa maħsub biex jiżgura li jiġi ddeterminat ukoll il-konsum individwali ta’ kull bini (9). Eżempju ieħor jista’ jkun sit kbir, pereżempju bażi militari, bl-impjant tiegħu stess iforni t-tisħin, it-tkessiħ, jew l-ilma sħun domestiku lil diversi binjiet fuq is-sit. F’dan il-każ, l-Artikolu 9a(2) (iżda mhux l-Artikolu 9a(1) ikun rilevanti.

Is-sitwazzjonijiet li jinvolvu sistemi ta’ ħażna termali jistgħu jqajmu mistoqsijiet partikolari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 9a. Sitwazzjoni fejn aktar minn klijent aħħari wieħed, utent aħħari jew bini konness ma’ sistema ta’ ħażna tal-enerġija termali tal-akwifer (ATES) jiġi fornut bis-sħana minn sors taħt l-art ġeotermali fil-baxx u kollettiv tista’ sservi bħala eżempju. F’tali każ, is-sistema m’għandhiex neċessarjament titqies bħala tisħin distrettwali skont l-Artikolu 9a(1) (10) u lanqas bħala sors ċentrali ta’ tisħin jew ilma sħun domestiku skont l-Artikolu 9a(2) dment li:

is-sħana tiġi fornuta b’temperatura li teħtieġ li tiġi aġġornata permezz ta’ pompi tas-sħana individwali biex tkun utli għat-tisħin tal-post jew għall-produzzjoni tal-ilma sħun domestiku, u

l-enerġija meħtieġa biex jitħaddmu l-pompi tas-sħana ma tagħmilx parti mis-servizz iżda titħallas b’mod individwali minn kull klijent aħħari jew utent aħħari (11).

F’dan il-każ, il-kejl tal-konsum tas-sħana b’temperatura baxxa mhuwiex meħtieġ skont l-Artikolu 9a.

Bl-istess mod, meta tali sistema tkun reversibbli u tipprovdi wkoll tkessiħ, il-kejl tal-konsum tal-kesħa rkuprata mill-ħażna taħt l-art mhuwiex meħtieġ skont l-Artikolu 9a, jekk tali operazzjoni tkun meħtieġa għal riġenerazzjoni staġjonali tas-sors tas-sħana u jekk is-sors tal-kesħa jiġi riġenerat esklussivament minn operazzjonijiet tat-tisħin/tat-tkessiħ alternanti (staġjonalment) (12).

Fl-aħħar, kunsiderazzjonijiet speċjali jistgħu jkunu meħtieġa f’sitwazzjonijiet fejn l-enerġija termali fil-forma ta’ ilma sħun domestiku diġà mħejji jiġi fornut minn sistema ta’ tisħin distrettwali jew sors estern simili f’bini b’aktar minn appartament jew użu wieħed fejn l-okkupanti jkunu klijenti aħħarin individwalment tal-fornitur. F’dan il-każ, u minħabba li l-EED ma tispeċifikax jekk arloġġ tas-sħana jew tal-ilma huwiex meħtieġ għall-ilma sħun domestiku, l-arloġġi tal-ilma fl-appartamenti individwali jistgħu fil-prinċipju jkunu suffiċjenti jekk il-punti ta’ konsenja jitqiesu li huma l-viti jew il-bokok f’kull appartament/unità. Madankollu, dan jippresupponi li l-fornitur tal-enerġija għandu r-responsabbiltà unika għal kwalunkwe telf termali li jseħħ sa dawk il-punti ta’ konsenja fil-bini. Jekk dan tal-aħħar ma jkunx il-każ, u minħabba li t-telf tal-enerġija termali fin-netwerks tat-tisħin distrettwali jista’ jkun konsiderevoli, ikun meħtieġ li jitwaħħal ukoll arloġġ tas-sħana fil-punt fejn tintemm ir-responsabbiltà tal-fornitur. Altrimenti jkun impossibbli għall-utenti aħħarin biex jistabbilixxu jekk il-kontijiet jikkorrispondux għall-konsum reali f’termini tal-enerġija: il-fornitur jista’ jsostni li t-telf sar fil-bini, lil hinn mir-responsabbiltà tiegħu, u mingħajr arloġġ tas-sħana mhu se jkun hemm l-ebda mezz biex jiġi vverifikat sa liema punt dan huwa minnu.

3.   OBBLIGU GĦALL-KEJL SEPARAT TAL-KONSUM (L-ARTIKOLU 9b(1))

Kif ġie spjegat fil-premessa 31 tad-Direttiva emendatorja, id-drittijiet relatati mal-kontijiet, u mal-informazzjoni dwar il-kontijiet jew il-konsum għandhom japplikaw għall-konsumaturi tat-tisħin, it-tkessiħ jew l-ilma sħun domestiku fornut minn sors ċentrali anki meta ma jkollhomx relazzjoni kuntrattwali individwali diretta ma’ fornitur tal-enerġija. Sabiex jiġi kkjarifikat dan l-aspett tal-leġiżlazzjoni, ġie introdott it-terminu “kejl separat tal-konsum” u jirreferi għall-kejl tal-konsum f’unitajiet individwali ta’ binjiet b’aktar minn appartament jew użu wieħed meta tali unitajiet jiġu fornuti minn sors ċentrali u meta l-okkupanti (13) ma jkollhom l-ebda kuntratt dirett jew individwali mal-fornitur tal-enerġija (14).

Il-kejl separat tal-konsum huwa meħtieġ bħala regola ġenerali, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet skont l-Artikolu 9b. Dan diġà ġie inkluż fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tal-EED oriġinali, skont liema l-iskadenza biex jiġi introdott il-kejl separat tal-konsum kienet il-31 ta’ Diċembru 2016. L-iskadenza ma ġietx inkluża fit-test rivedut sempliċement għaliex din diġà għaddiet.

Ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 9b il-ġdid huwa essenzjalment identiku għar-rekwiżit inkluż fl-EED oriġinali. Madankollu, saru xi ftit kjarifiki; dawn huma spjegati hawn taħt.

L-ewwel, il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu issa tindika b’mod aktar ċar in-natura tal-kundizzjonijiet li bihom il-kejl separat tal-konsum huwa obbligatorju, jiġifieri “fejn [dan ikun] teknikament fattibbli u kosteffettiv, jiġifieri jkun proporzjonati fir-rigward tal-iffrankar potenzjali tal-enerġija potenzjali.” Dan huwa rifless ukoll fil-premessa 30 li tiddikjara li “…jekk il-kejl separat huwiex kosteffiċjenti jew le jiddependi minn jekk l-ispejjeż relatati humiex proporzjonati mal-iffrankar potenzjali ta’ enerġija”, u li l-“…valutazzjoni jekk il-kejl separat huwiex kosteffiċjenti jew le tista’ tqis l-effett ta’ miżuri konkreti oħra ppjanati f’bini partikolari, bħal pereżempju kwalunkwe rinnovazzjoni li tkun ser issir.” Din il-kjarifika tikkonferma l-approċċ meħud fil-gwida speċifika li ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri japplikaw il-kundizzjonijiet rilevanti (15) meta jimplimentaw l-EED oriġinali.

It-tieni, id-dispożizzjoni issa tispeċifika l-obbligu għall-Istati Membri biex jistabbilixxu b’mod ċar u jippubblikaw il-“kriterji ġenerali, il-metodoloġiji u/jew il-proċeduri” li jintużaw biex jiġi ddeterminat in-nuqqas tal-fattibbiltà teknika jew tal-kosteffettività. Għal darb’oħra, dan huwa konsistenti mal-approċċ li ttieħed fil-gwida speċifika msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni qieset b’mod konsistenti li huwa meħtieġ għall-Istati Membri biex ikunu espliċiti dwar kif il-kundizzjonijiet jitħaddmu u kif dawn jiġu applikati fil-prattika (16).

4.   OBBLIGU SPEĊIFIKU GĦALL-KEJL SEPARAT TAL-KONSUM TAL-ILMA SĦUN DOMESTIKU FIL-PARTIJIET RESIDENZJALI TAL-BINJIET ĠODDA (L-ARTIKOLU 9b(2))

Bħala regola ġenerali, il-kejl separat tal-konsum tal-ilma sħun domestiku huwa meħtieġ, soġġett għall-kundizzjonijiet tal-fattibbiltà teknika u l-kosteffettività skont l-Artikolu 9b(1). Madankollu, skont l-Artikolu 9b(2), japplika rekwiżit aktar strett, inkondizzjonat fil-każ speċjali ta’ binjiet ġodda b’aktar minn appartament wieħed u l-partijiet residenzjali ta’ binjiet ġodda b’aktar minn użu wieħed li huma mgħammra b’sors tat-tisħin ċentrali għall-ilma sħun domestiku jew li huma fornuti b’ilma sħun domestiku minn sistemi tat-tisħin distrettwali.

Ir-raġunament wara dan ir-rekwiżit aktar strett huwa li, f’tali sitwazzjonijiet, il-kejl separat tal-konsum tal-ilma sħun domestiku jista’ ġeneralment jiġi preżunt li huwa kemm teknikament fattibbli kif ukoll kosteffettiv. F’binjiet ġodda b’aktar minn appartament wieħed u fil-partijiet residenzjali ta’ binjiet ġodda b’aktar minn użu wieħed, l-ispejjeż addizzjonali tal-kejl tal-konsum tal-ilma sħun domestiku ta’ abitazzjonijiet individwali jistgħu jiġu preżunti li huma limitat, peress li konsenji xierqa jistgħu jsiru diġà fil-fażi tal-kostruzzjoni. Fl-istess ħin, m’hemm l-ebda raġuni partikolari biex wieħed jistenna li d-domanda għall-ilma sħun domestiku se tonqos sistematikament jew konsiderevolment maż-żmien u għalhekk il-benefiċċji li jirriżultaw mill-inkoraġġiment ta’ mġiba effiċjenti permezz ta’ kontijiet u feedback ibbażati fuq il-konsum (f’termini tal-iffrankar potenzjali li jirriżulta) jistgħu jkunu mistennija li jibqgħu sinifikanti.

L-EED riveduta ma tispeċifikax x’jikkostitwixxi bini “ġdid” għall-finijiet tal-Artikolu 9b(2). Minn naħa waħda, l-okkupanti ta’ binjiet li jkunu għadhom kif inbnew u li jsiru disponibbli biex jiġu okkupati għall-ewwel darba wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni (jiġifieri l-25 ta’ Ottubru 2020) jistgħu jistennew li l-bini se jkun mgħammar b’apparati għall-kejl tal-konsum. Min-naħa l-oħra, il-kejl tal-konsum jaf ma jkunx ġie previst jekk l-applikazzjonijiet għall-permessi tal-kostruzzjoni kienu sottomessi qabel ma saret it-traspożizzjoni nazzjonali. Għalhekk, meta jittrasponu din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jaf ikunu jixtiequ li jivvalutaw il-punt sa fejn huwa possibbli jew raġonevoli li jiġu ssodisfati l-aspettattivi. Fi kwalunkwe każ, il-binjiet ġodda li għalihom l-applikazzjonijiet għall-permessi tal-kostruzzjoni kienu sottomessi wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit fl-Artikolu 9b(2) u għandhom ikunu mgħammra b’arloġġi.

Ir-rekwiżit huwa għal arloġġ, iżda ma jispeċifikax jekk dan għandux ikun arloġġ tal-ilma jew arloġġ tas-sħana. Meta unitajiet individwali jkollhom is-substazzjon tagħhom stess li jforni kemm it-tisħin tal-post kif ukoll l-enerġija għat-tħejjija tal-ilma sħun domestiku li ssir fl-unità, u meta jitkejjel il-konsum tal-enerġija totali ta’ kull substazzjon, ir-rekwiżit fl-Artikolu 9b(2) ikun ġie ssodisfat. Fi kliem ieħor, meta t-tħejjija tal-ilma sħun domestiku ssir f’kull unità permezz ta’ enerġija termali fornuta minn sors ċentrali jew substazzjon tat-tisħin distrettwali, il-konsum tal-enerġija relatat jista’ jitkejjel flimkien mal-konsum relatata mat-tisħin tal-post.

5.   REGOLI DWAR L-ALLOKAZZJONI TAL-ISPIŻA GĦAT-TISĦIN (L-ARTIKOLU 9b(3))

Meta tiġi implimentata sistema ta’ kejl separat tal-konsum, il-valuri jew l-indiċijiet tal-kejl miksuba mill-qari tal-apparati individwali (kemm jekk huma arloġġi jew allokaturi tal-ispiża għat-tisħin) jintużaw biex tiġi allokata l-ispiża totali fil-bini individwali kopert mis-sistema. Dan jista’ jsir b’diversi modi u x’aktarx m’hemm l-ebda mod uniku jew l-aħjar mod (17), tal-inqas mhux għat-tisħin jew għat-tkessiħ tal-post fil-każ tipiku ta’ binjiet b’aktar minn appartament jew użu wieħed fejn l-unitajiet individwali jkunu indipendenti minn xulxin termalment, jiġifieri meta l-flussi tas-sħana fil-ħitan interni ma jkunux negliġibbli meta mqabbla mal-fluss fl-involukru tal-bini (ħitan esterni, saqaf eċċ.).

Madankollu, l-użu tal-metodi tal-allokazzjoni tal-ispiża li huma pperċepiti bħala ġusti u bbażati fuq prinċipji sodi, jiffaċilitaw bil-bosta l-aċċettazzjoni fost l-utenti. Għalhekk, u kif rikonoxxut fil-premessa 32 tad-Direttiva emendatorja, it-trasparenza tar-responsabbiltà għall-konsum individwali tal-enerġija termali tista’ tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kejl separat tal-konsum. Fl-EED oriġinali, l-implimentazzjoni ta’ tali regoli nazzjonali kienet fakultattiva, u madwar żewġ terzi biss tal-Istati Membri daħlu fis-seħħ tali regoli. L-EED riveduta issa tirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ regoli trasparenti u disponibbli għall-pubbliku dwar l-allokazzjoni tal-ispiża (18).

B’mod aktar preċiż, l-Artikolu 9b(3) jiddikjara li “[f]ejn binjiet b’aktar minn appartament wieħed jew b’diversi użi jiġu moqdija minn tisħin distrettwali jew tkessiħ distrettwali, jew fejn li jkollhom is-sistemi komuni tagħhom ta’ tisħin jew tkessiħ għal tali bini jkun prevalenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom fis-seħħ regoli nazzjonali trasparenti u pubblikament disponibbli dwar l-allokazzjoni tal-ispiża għat-tisħin, it-tkessiħ u l-konsum tal-ilma sħun domestiku f’tali bini biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-preċiżjoni tal-kontabilità tal-konsum individwali”. Peress li l-bini li fih mill-inqas tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet jistgħu jinstabu fil-maġġoranza tal-Istati Membri, jekk mhux f’kollha kemm huma, sal-25 ta’ Ottubru 2020 il-maġġoranza tal-Istati Membri, jekk mhux kollha kemm huma, se jkollhom jimplimentaw tali regoli, jew jagħmlu r-regoli eżistenti disponibbli għall-pubbliku.

Ta’ min jenfasizza li r-regoli nazzjonali dwar l-allokazzjoni tal-ispiża mhux neċessarjament jeħtieġu li jiddefinixxu kull dettall dwar kif jiġu allokati l-ispejjeż. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jistabbilixxu biss qafas li jistipula l-prinċipji jew il-parametri ewlenin, u li jħallu lill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew saħansitra lill-partijiet ikkonċernati ta’ binjiet individwali, xi flessibbiltà biex jispeċifikaw jew jaqblu dwar dettalji ulterjuri.

Madankollu, irrispettivament mil-livell tad-dettall, ir-regoli għandhom jitfasslu b’tali mod li jiżgura li l-ilħuq ta’ ċerti objettivi relatati mal-EED ma jiddgħajjifx. B’mod partikolari, ir-regoli dwar l-allokazzjoni tal-ispiża għandhom jiżguraw li l-prinċipju tal-kontijiet ibbażati fuq il-konsum reali ma jiddgħajjifx fil-prattika minn rabta dgħajfa wisq bejn il-qari tal-apparat ta’ utent aħħari partikolari u l-kont finali tiegħu/tagħha. Jekk ftit li xejn tingħata importanza lill-qari individwali fil-kalkolu tas-sehem tal-ispejjeż totali tal-okkupanti individwali, l-inċentiv maħsub biex l-enerġija tintuża b’mod effiċjenti se jiddgħajjef. Min-naħa l-oħra, huwa ugwalment importanti li din ir-rabta ma tkunx b’saħħitha wisq f’sitwazzjonijiet fejn il-konsum ta’ kull utent ma jkunx indipendenti għalkollox mill-konsum tal-oħrajn, u meta l-eżitu jista’ jkun li d-distribuzzjoni tal-ispejjeż bejn l-unitajiet tal-bini individwali tista’ tkun varjata ħafna. Distribuzzjoni varjata tal-ispejjeż tista’ toħloq jew iżżid inċentivi opposti fost l-okkupanti fir-rigward tal-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija fil-livell tal-bini kollu (bħal titjib fl-involukru tal-bini). Meta r-regoli nazzjonali dwar l-allokazzjoni tal-ispiża tal-Istati Membri jkunu mfassla b’tali mod li ma jtaffux dan ir-riskju, il-Kummissjoni temmen li dan potenzjalment jista’ jmur kontra l-Artikolu 19 tal-EED li jobbliga lill-Istati Membri jevalwaw u jieħdu miżuri xierqa biex jiġu indirizzati l-inċentivi opposti fost is-sidien u/jew il-kerrejja tal-bini. Kif diġà ġie ddikjarat, m’hemm l-ebda mod uniku korrett biex jiġu allokati l-ispejjeż, iżda regoli mfassla tajjeb jiggarantixxu bilanċ bejn l-inċentivi li jirriżultaw għall-okkupanti bħala individwi u bħala komunità. Ir-regoli dwar l-allokazzjoni li ma jsibux tali bilanċ u li jippermettu eżiti estremi joħolqu r-riskju li jiġi pperikolat l-ilħuq tal-għanijiet segwiti mill-Artikoli 9b u 19, rispettivament. Għodod possibbli li jintużaw minn xi Stati Membri biex jilħqu tali eżiti jinkludu firxiet permissibbli għall-frazzjoni tal-ispejjeż imqassma skont il-qari individwali, limiti massimi għad-devjazzjonijiet tal-kontijiet individwali mill-medja jew mis-sistemi ta’ fatturi tal-korrezzjoni tal-bini li jirriflettu pożizzjonijiet mhux favorevoli ta’ appartamenti aktar kiesħa/aktar esposti naturalment f’bini.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza li l-obbligu skont l-Artikolu 10a li l-kontijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin m’għandux jinftiehem li jimplika li l-kontijiet għandhom ikunu esklussivament ibbażati fuq qari minn tali apparati. F’binjiet b’aktar minn appartament jew użu wieħed hemm tabilħaqq raġunijiet tajba u oġġettivi biex l-ispejjeż ma jiġux allokati esklussivament abbażi ta’ tali qari jew fi proporzjon miegħu, mill-anqas sa fejn huma kkonċernati t-tisħin u t-tkessiħ tal-post (ara n-nota f’qiegħ il-paġna 16). Fit-tmiem tal-2017, tressqu żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar mistoqsijiet ta’ rilevanza potenzjali għal din il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (19). Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali f’dawn iż-żewġ kawżi magħquda, li ġew ippreżentati fit-30 ta’ April 2019, jirriflettu arranġamenti simili dwar din il-kwistjoni (20).

6.   QARI MILL-BOGĦOD (L-ARTIKOLU 9c)

6.1.   It-tranżizzjoni lejn apparati li jinqraw mill-bogħod

Kif propost mill-Kummissjoni, objettiv speċifiku tar-reviżjoni tal-EED kien li tagħti s-setgħa lill-konsumaturi tal-enerġija termali permezz ta’ feedback aħjar u frekwenti biżżejjed dwar il-konsum tagħhom fosthom billi jittieħed vantaġġ mill-progress fit-teknoloġija (21).

Għal dan il-għan, l-EED riveduta tinkludi rekwiżiti ġodda biex jiġi promoss l-użu ta’ apparati li jinqraw mill-bogħod bħala strumenti essenzjali biex jingħata feedback frekwenti lill-utenti aħħarin dwar il-konsum tagħhom.

Id-Direttiva emendatorja ma tiddefinixxix f’termini tekniċi x’jikkostitwixxi apparat li jinqara mill-bogħod. Il-premessa 33 tad-Direttiva (UE) 2018/2002, tiddikjara li “[a]pparati li jinqraw mill-bogħod ma jeħtiġux aċċess għal appartamenti jew unitajiet individwali biex jinqraw”. Madankollu, dan għandu jiġi interpretat bħala fattur minimu komuni ta’ apparati li jinqraw mill-bogħod, iżda mhux neċessarjament bħala l-unika karatteristika. Il-premessa 33 tiddikjara wkoll li “L-Istati Membri huma ħielsa li jiddeċiedu jekk teknoloġiji li jinqraw waqt il-mixi jew is-sewqan minn ħdejhom għandhomx jitqiesu li jinqraw mill-bogħod jew le.” Din hija deċiżjoni importanti li għandhom jieħdu l-Istati Membri, minħabba li l-għażla tagħhom għandha implikazzjonijiet diretti fir-rigward ta’ kif dawn għandhom jittrasponu u jinfurzaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9c u fl-Anness VIIa. Pereżempju, meta Stat Membru jiddeċiedi li jqis l-hekk imsejħa teknoloġiji li jinqraw waqt il-mixi jew is-sewqan minn ħdejhom bħala li jinqraw mill-bogħod, dan jista’ jqis li tali teknoloġiji huma suffiċjenti biex jikkonforma mal-obbligi fir-rigward tal-introduzzjoni tal-qari mill-bogħod inklużi fl-Artikolu 9c. Madankollu, dan ifisser ukoll li l-kundizzjoni li twassal għall-obbligu biex tiġi pprovduta informazzjoni frekwenti kif previst fil-punt 2 tal-Anness VIIa tkun issodisfata f’binjiet mgħammra b’tali sistemi. Fi kliem ieħor, jekk apparat jitqies bħala li jinqara mill-bogħod għall-finijiet tal-Artikolu 9c, dan għandu jitqies ukoll bħala tali għall-finijiet tal-punt 2 tal-Anness VIIa.

Min-naħa l-oħra, jekk Stat Membru jiddeċiedi li ma jqisx it-teknoloġiji li jinqraw waqt il-mixi jew is-sewqan minn ħdejhom bħala li jinqraw mill-bogħod, dan ikollu jipprevedi rekwiżit biex jiġu installati apparati jew sistemi oħra, aktar avvanzati jew addizzjonali biex jiġi osservat l-Artikolu 9c (22). F’din is-sitwazzjoni, il-kundizzjoni li twassal għall-obbligi biex tiġi pprovduta informazzjoni frekwenti skont il-punt 2 tal-Anness VIIa tkun issodisfata biss meta u fejn ikunu ġew introdotti s-sistemi msemmija l-aħħar.

Meta jiddeċiedu jekk iqisux it-teknoloġiji li jinqraw waqt il-mixi jew is-sewqan minn ħdejhom bħala li jinqraw mill-bogħod jew le, l-Istati Membri jistgħu jvarjaw din id-deċiżjoni skont parametri oġġettivi bħat-tip tas-servizz jew l-apparati tal-enerġija kkonċernati, it-tip jew il-post tal-binjiet ikkonċernati, u jekk l-apparat jintużax għall-kejl tal-konsum jew għall-kejl separat tal-konsum. Pereżempju, l-apparati li jinqraw waqt il-mixi jew is-sewqan minn ħdejhom jistgħu jitqiesu bħala li jinqraw mill-bogħod biex jitkejlu provvisti minn netwerk tat-tkessiħ distrettwali iżda mhux biex jitkejlu provvisti minn netwerk tat-tisħin distrettwali. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jagħmlu distinzjoni abbażi ta’ tali parametri, dawn għandhom jiżguraw li r-regoli applikabbli jkunu ċari u faċli biex jiġu kkomunikati u biex jinftiehmu.

Huwa importanti għall-atturi fis-suq li l-Istati Membri jieħdu u jikkomunikaw id-deċiżjonijiet nazzjonali tagħhom dwar jekk it-teknoloġiji li jinqraw waqt il-mixi jew is-sewqan minn ħdejhom jitqisux bħala qari mill-bogħod malajr kemm jista’ jkun matul il-proċess tat-traspożizzjoni u fi kwalunkwe każ qabel il-25 ta’ Ottubru 2020. Altrimenti, is-sidien tal-bini u l-fornituri tas-servizz li jkunu qed iħejju għal installazzjonijiet ġodda wara dik id-data mhux se jkollhom ċarezza dwar liema rekwiżiti funzjonali se japplikaw preċiżament. Fin-nuqqas ta’ tali deċiżjonijiet u sabiex ikunu ċerti, dawn jistgħu naturalment jagħżlu li jadottaw soluzzjonijiet li jinqraw mill-bogħod li ma jiddependux fuq teknoloġija li tinqara waqt il-mixi jew is-sewqan minn ħdejha.

La d-dispożizzjonijiet legali u lanqas il-kunsiderazzjonijiet t’hawn fuq m’għandhom l-għan li jintroduċu relazzjoni ġerarkika bejn it-teknoloġiji bbażati fuq li jinqraw waqt il-mixi jew is-sewqan minn ħdejhom u teknoloġiji bbażati fuq infrastrutturi oħra ta’ komunikazzjoni. Billi deċiżjoni biex dawk preċedenti jitqiesu bħala li jinqraw mill-bogħod tkabbar il-firxa ta’ apparati li jistgħu jintużaw għall-konformità mal-Artikolu 9c fl-Istat Membru kkonċernat, u f’dak is-sens tista’ titqies bħala l-anqas għażla impenjattiva, din ikollha wkoll implikazzjonijiet għall-konformità mal-Anness VIIa(2) li x’aktarx tkun aktar impenjattiva. Madankollu, l-Istati Membri jaf ikunu jixtiequ li jqisu li t-teknoloġiji li jinqraw waqt il-mixi jew is-sewqan minn ħdejhom tipikament se jillimitaw il-frekwenza li biha d-data tista’ tinġabar realistikament u kosteffettivament, li min-naħa l-oħra tillimita s-servizzi addizzjonali potenzjali u l-kobenefiċċji li jistgħu jirriżultaw mill-apparati. Pereżempju, f’netwerk tat-tisħin distrettwali fejn id-data dwar il-kejl tiġi trażmessa/tinġabar awtomatikament fuq bażi ta’ kull siegħa jew kuljum, tali data se tirrappreżenta valur ogħla b’mod sinifikanti f’termini tal-użu potenzjali tagħha biex jiġu ottimizzati t-tħaddim tas-sistema, l-identifikazzjoni ta’ ħsarat, servizzi ta’ twissija eċċ., mid-data dwar il-kejl tal-konsum li tinġabar fuq bażi ta’ kull xahar b’teknoloġiji li jinqraw waqt il-mixi jew is-sewqan minn ħdejhom.

6.2.   Apparati installati wara l-25 ta’ Ottubru 2020

Skont l-EED riveduta, l-Artikolu 9c jirrikjedi l-introduzzjoni gradwali ta’ arloġġi li jinqraw mill-bogħod u allokaturi tal-ispiża għat-tisħin “għall-finijiet tal-Artikoli 9a u 9b”, jiġifieri irrispettivament minn jekk l-apparati jintużawx għall-kejl tal-konsum jew għall-kejl separat tal-konsum.

It-tranżizzjoni lejn apparati li jinqraw mill-bogħod hija promossa b’żewġ modi differenti. L-ewwel wieħed huwa stabbilit fl-Artikolu 9c(1), li jiddikjara li l-arloġġi u l-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin installati wara l-25 ta’ Ottubru 2020 għandhom ikunu jinqraw mill-bogħod. Dan ir-rekwiżit ifisser, pereżempju, li l-arloġġi installati wara din id-data fi kwalunkwe punt ta’ konnessjoni ġdid jew eżistenti f’netwerk tat-tisħin distrettwali għandhom ikunu jinqraw mill-bogħod. Dan ifisser ukoll li l-arloġġi tas-sħana, l-arloġġi tal-ilma sħun domestiku jew l-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin installati wara din id-data bħala parti minn sistema ta’ kejl separat tal-konsum għandhom ikunu jinqraw mill-bogħod (ara, madankollu, ir-rimarki fit-taqsima 6.3 t’hawn taħt).

L-Artikolu 9c(1) jiddikjara li “il-kundizzjonijiet ta’ fattibilità teknika u kosteffettività stipulati fl-Artikolu 9b(1) għandhom jibqgħu japplikaw”. Dan m’għandux jiġi interpretat li jimplika li l-obbligu nnifsu tal-qari mill-bogħod, kif previst fl-Artikolu 9c(1), jiddependi fuq tali kriterji jew huwa soġġett għalihom. Pjuttost, id-dikjarazzjoni tikkjarifika li fil-kuntest tal-installazzjoni ta’ sistema għall-kejl separat tal-konsum f’bini (li huwa s-suġġett tal-Artikolu 9b(1), li jirreferi għalih l-Artikolu 9c(1)) wara l-25 ta’ Ottubru 2020, il-fattibbiltà teknika u l-kosteffettività jibqgħu jkunu raġunijiet validi biex isiru eżenzjonijiet mir-rekwiżit ġenerali tal-kejl separat tal-konsum, speċjalment minħabba li r-rekwiżit tal-qari mill-bogħod applikabbli wara dik id-data jista’ f’xi każijiet jaffettwa l-punt sa fejn jiġi ssodisfat kriterju wieħed jew ieħor. Sitwazzjoni fejn dan jista’ jkun rilevanti tkun sitwazzjoni fejn is-sistema eżistenti tal-kejl separat tal-konsum f’bini partikolari tkun laħqet il-perjodu tal-utilità teknika tagħha u tkun teħtieġ li tiġi ssostitwita, jew meta sistema tkun se tiġi installata għall-ewwel darba. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, ikun iġġustifikat li ssir valutazzjoni tal-kriterji previsti fl-Artikolu 9b(1) biex jiġi ddeterminat jekk il-kejl separat tal-konsum kollu kemm hu jkunx teknikament fattibbli u kosteffettiv, filwaqt li jitqies ir-rekwiżit tal-qari mill-bogħod. Fi kliem ieħor, ir-referenza fl-Artikolu 9c(1) għall-“kundizzjonijiet …stipulati fl-Artikolu 9b(1)” m’għandhiex tiġi interpretata bħala kundizzjonalità separata relatata mal-karatteristiċi ta’ apparat, iżda bħala parti mill-valutazzjoni ġenerali skont l-Artikolu 9b(1).

6.3.   Sostituzzjonijiet jew żidiet ta’ apparati individwali ta’ kejl separat tal-konsum f’installazzjonijiet eżistenti

Tista’ titqajjem mistoqsija speċifika dwar is-sitwazzjonijiet fejn apparat eżistenti, installat diġà jkun jeħtieġ li jiġi ssostitwit qabel iż-żmien minħabba li jkun miksur, ikun sparixxa jew ma jkunx għadu qed jaħdem b’mod korrett. Fil-prinċipju, l-Artikolu 9c(1) japplika wkoll f’tali każijiet. Madankollu, jekk apparat li għandu jiżdied jew jiġi ssostitwit ikun wieħed mid-diversi apparati li flimkien jikkostitwixxu sistema ta’ kejl separat tal-konsum għal bini, f’ċerti ċirkostanzi speċifiċi jista’ ma jkunx possibbli jew siewi li l-apparati li ma jiffunzjonawx tajjeb jew nieqsa jiġu ssostitwiti b’apparati li jinqraw mill-bogħod:

Għall-installazzjonijiet tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin, l-apparati kollha f’installazzjoni partikolari ta’ kejl separat tal-konsum għandhom ikunu tal-istess manifattur u t-tip għandu jikkonforma mal-istandards Ewropej (23). Fil-każ ta’ allokaturi tal-ispiża għat-tisħin b’evaporazzjoni, l-alternattivi li jinqraw mill-bogħod sempliċement mhumiex disponibbli bħala għażla teknika.

Fil-każ ta’ allokaturi elettroniċi tal-ispiża għat-tisħin, verżjoni li tinqara mill-bogħod tal-mudell li jintuża f’post differenti fil-bini mhux dejjem tista’ tkun disponibbli, iżda anke kieku tkun disponibbli, il-kapaċità tkun ta’ użu limitat jew tal-ebda użu peress li d-data mill-apparati tal-kejl separat tal-konsum li jifdal meħtieġa biex jitfasslu l-kontijiet tal-allokazzjoni tal-ispiża tkun f’kull każ disponibbli biss f’intervalli inqas frekwenti wara l-qari manwali.

L-istess sitwazzjoni tirriżulta jekk jiżdiedu radjaturi f’appartament f’bini mgħammar b’allokaturi tal-ispiża għat-tisħin li ma jinqrawx mill-bogħod.

Tista’ titqajjem ukoll problema simili f’każ li arloġġ tas-sħana jew tal-ilma sħun individwali jiġi ssostitwit jew jiżdied f’bini b’kejl separat tal-konsum fejn l-arloġġi l-oħra ma jinqrawx mill-bogħod.

Għalhekk, il-Kummissjoni temmen li, fiċ-ċirkostanzi speċifiċi t’hawn fuq, l-Artikolu 9c(1) m’għandux jiġi interpretat bħala li jipprevjeni s-sostituzzjoni ta’ apparati individwali b’apparati li ma jinqrawx mill-bogħod meta dawn ikunu jiffurmaw parti minn sistema ta’ kejl separat tal-konsum ibbażata fuq apparati li ma jinqrawx mill-bogħod, anke jekk l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 9c(1) tkun għaddiet.

Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit biex l-apparati u l-installazzjonijiet kollha jsiru jinqraw mill-bogħod sal-1 ta’ Jannar 2027, stabbilit fl-Artikolu 9c(2) (ara t-taqsima t’hawn taħt), jeħtieġ li jitqies ukoll meta jkun hemm il-ħtieġa għal sostituzzjonijiet iżolati f’bini mgħammar b’apparati li ma jinqrawx mill-bogħod; jekk is-sostituzzjonijiet ma jkunux jinqraw mill-bogħod, ir-riskju li dawn jirrappreżentaw spejjeż mitlufa se jiżdied hekk kif l-iskadenza tal-2027 qiegħda toqrob.

6.4.   Installazzjonijiet eżistenti

L-Artikolu 9c(2) jiddikjara li “[l]-arloġġi u l-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin li ma jinqrawx mill-bogħod iżda li diġà ġew installati għandhom isiru jinqraw mill-bogħod jew jiġu ssostitwiti b’apparati li jinqraw mill-bogħod sal-1 ta’ Jannar 2027, ħlief fejn l-Istat Membru inkwistjoni juri li dan mhuwiex kosteffiċjenti”.

Dan ir-rekwiżit għandu l-għan li jiżgura li l-utenti aħħarin kollha ta’ bini b’kejl tal-konsum jew b’kejl separat tal-konsum eventwalment se jiksbu l-benefiċċji li jirriżultaw mill-apparati li jinqraw mill-bogħod, b’mod partikolari l-provvista ta’ informazzjoni kull xahar (ara t-taqsima 9), in-nuqqas ta’ ħtieġa rikorrenti li wieħed għandu jkun id-dar biex jagħti aċċess lill-qarrejja tal-arloġġi u, fejn applikabbli, kwalunkwe servizz addizzjonali attivat permezz ta’ tali apparati (eż. twissijiet ta’ tnixxija għall-ilma sħun).

Fid-dawl ta’ dan, il-possibbiltà li wieħed jitbiegħed mir-rekwiżit għandha tiġi interpretata b’mod ristrettiv ħafna u kwalunkwe devjazzjoni għandha tkun speċifika u ġġustifikata u ddokumentata kif xieraq.

L-iskadenza tal-2027 — aktar minn 10 snin fil-ġejjieni miż-żmien li fih ġiet ippubblikata l-proposta tal-Kummissjoni — kienet maħsuba biex tnaqqas ir-riskju ta’ spejjeż mitlufa li jirriżulta mill-fatt li l-apparati għandhom jiġu ssostitwiti ferm qabel ma dawn jiġu deprezzati. Fi kwalunkwe każ, bosta apparati jiġu ssostitwiti f’tali perjodu ta’ żmien minħabba raġunijiet tekniċi. Il-maġġoranza vasta tal-allokaturi ġodda tal-ispiża għat-tisħin li jiġu installati llum il-ġurnata huma elettroniċi u tipikament jeħtieġu li jiġu ssostitwiti fi żmien 10 snin minħabba limitazzjonijiet fil-batterija. Fir-rigward tal-arloġġi, il-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom fis-seħħ rekwiżiti ta’ kalibrazzjoni li fil-prattika tipikament iwasslu biex l-arloġġi jiġu ssostitwiti f’intervalli ta’ 10 snin jew inqas. Meta l-apparati jkunu ilhom li ġew manifatturati għal aktar minn 10 snin, fi kwalunkwe każ dawn tipikament ikunu laħqu l-ħajja ekonomika tagħhom/ikunu diġà ġew deprezzati.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ispejjeż mitlufa relatati mal-apparati eżistenti ma jistgħux jitqiesu ġusitifkazzjoni xierqa biex ikun hemm devjazzjoni mir-rekwiżit ta’ qari mill-bogħod. Ikun jeħtieġ li jkunu preżenti ċirkostanzi aktar speċifiċi. Eżempju wieħed fejn il-konformità tista’ konċepibbilment tiġi ppruvata li mhijiex kosteffettivà huwa meta bini jinbena b’materjali li jipprevjenu t-teknoloġiji bla fili disponibbli fl-2026 milli jiffunzjonaw kif xieraq u meta l-alternattivi bil-fili jkunu għaljin b’mod sproporzjonat biex jiġu implimentati (pereżempju jekk ikun hemm ammonti kbar ta’ ħadid fil-ħitan u s-separazzjonijiet tal-art).

6.5.   Kunsiderazzjonijiet dwar il-verifika u l-infurzar

Skont l-Artikolu 13 tal-EED, l-Istati Membri huma obbligati li “…jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikoli 7 sa 11 …” u “… jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati.” Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

B’riżultat tal-emenda tal-EED, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-obbligu issa jkopri kemm xi dispożizzjonijiet eżistenti kif ukoll xi dispożizzjonijiet ġodda, fosthom ir-rekwiżiti ġodda tal-qari mill-bogħod fl-Artikolu 9c (24).

Bħala parti mir-responsabbiltà u mill-isforzi usa’ tagħhom biex jiżguraw implimentazzjoni u infurzar effettivi tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom għalhekk iqisu wkoll kif se jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti ġodda għall-qari mill-bogħod. Meta jagħmlu dan, dawn jaf ikunu jixtiequ li jqisu jekk kwalunkwe proċess eżistenti relatat mal-EPBD (25) jew nazzjonali jistax jiġi adattat biex iservi wkoll dan l-għan. Madankollu, ir-rekwiżiti tal-qari mill-bogħod ma japplikawx biss għal binjiet ġodda (li għalihom normalment huma meħtieġa permessi għall-kostruzzjoni) jew għal binjiet eżistenti li jinbiegħu jew jinkrew lil kerrej ġdid (li għalihom huma meħtieġa ċ-Ċertifikati tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija skont l-EPBD), u dawn japplikaw irrispettivament mid-daqs tal-bini u mill-kapaċità tal-installazzjoni tat-tisħin. Dan ifisser li l-proċessi eżistenti relatati mal-permessi tal-bini, l-ispezzjonijiet HVAC jew it-tikketti tal-enerġija/EPCs jistgħu ma jkunux neċessarjament biżżejjed biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti ġodda.

Fir-rigward tat-tranżizzjoni lejn qari mill-bogħod għall-arloġġi li jintużaw għall-finijiet tal-Artikolu 9a(1), possibbiltà waħda tista’ tkun li l-Istati Membri jobbligaw lill-operaturi tas-sistemi tat-tisħin jew tat-tkessiħ distrettwali u lill-operaturi ta’ kwalunkwe installazzjoni ġdida li tforni diversi binjiet b’enerġija termali biex jiddokumentaw il-konformità u/jew jirrapportaw regolarment dwar is-sehem tal-punti ta’ konnessjoni fin-netwerk tagħhom li jitkejjel b’arloġġi li jinqraw mill-bogħod. Peress li fil-prinċipju (26) dan is-sehem għandu jilħaq 100 % sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2027, l-Istati Membri jistgħu jimmonitorjaw iċ-ċifri biex jivverifikaw li qed isir biżżejjed progress lejn il-konformità qabel ma tintlaħaq l-iskadenza.

Għall-kejl separat, jistgħu jiġu previsti obbligi simili għall-partijiet responsabbli, iżda billi l-identità tagħhom tvarja bejn l-Istati Membri u tista’ tiddependi fuq it-tip tal-kera jew tas-sjieda, taħlita ta’ approċċi tista’ tkun rilevanti. Meta l-Istati Membri jkollhom sistemi biex jidentifikaw jew jirreġistraw il-fornituri ta’ servizzi ta’ kejl separat tal-konsum, tali sistemi jistgħu jgħinu biex jiġu identifikati l-operaturi li mingħandhom tista’ tinġabar b’mod kosteffettiv informazzjoni dwar it-tip ta’ tagħmir preżenti f’kull bini taħt il-ġestjoni tagħhom.

7.   INFORMAZZJONI DWAR IL-KONTIJIET U L-KONSUM (L-ARTIKOLU 10a)

7.1.   It-termini “utenti aħħarin” u “klijenti aħħarin”

Waħda mill-kjarifiki ewlenin fl-EED riveduta tirriżulta mill-introduzzjoni tat-terminu “utenti aħħarin” fl-Artikolu 10a, li jikkomplementa t-terminu eżistenti ta’ “klijenti aħħarin”.

L-EED oriġinali tiddefinixxi “klijent aħħari” bħala “persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-enerġija għall-użu aħħari tagħha stess” (27). Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni kien is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet differenti. Fin-Nota ta’ Gwida tal-2013 tagħha, il-Kummissjoni sostniet li utenti aħħarin/familji individwali f’binjiet b’aktar minn appartament b’sistemi u kuntratti kollettivi għall-provvista tal-enerġija għandhom jitqiesu wkoll bħala klijenti aħħarin (28). Madankollu, kif ġie nnotat fil-premessa 31 tar-reviżjoni tal-EED, “id-definizzjoni tat-terminu “klijent aħħari” tista’ tinftiehem bħala li tirreferi biss għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jixtru l-enerġija abbażi ta’ kuntratt dirett u individwali ma’ fornitur tal-enerġija. Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet rilevanti, it-terminu “utent aħħari” għalhekk jenħtieġ li jiġi introdott biex jirreferi għal grupp ikbar ta’ konsumaturi u, flimkien mal-klijenti aħħarin li jixtru t-tisħin, it-tkessiħ jew l-ilma sħun domestiku għall-użu aħħari tagħhom stess, ikopri wkoll l-okkupanti ta’ bini individwali jew ta’ unitajiet individwali ta’ binjiet b’aktar minn appartament jew użu wieħed fejn dawn l-unitajiet jiġu fornuti minn sors ċentrali u fejn l-okkupanti m’għandhom ebda kuntratt dirett jew individwali mal-fornitur tal-enerġija.’

Għal dan il-għan, ir-rekwiżit operattiv fl-Artikolu 10a(1) jirreferi għal “utenti aħħarin” u jikkjarifika li dawn huma:

a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jixtru t-tisħin, it-tkessiħ jew l-ilma sħun domestiku għall-użu aħħari tagħhom stess (tali utenti aħħarin huma wkoll klijenti aħħarin kif definit fl-Artikolu 2(23)), jew

b)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jokkupaw bini individwali jew unità f’bini b’aktar minn appartament jew użu wieħed fornut minn sors ċentrali li m’għandhom l-ebda kuntratt dirett jew individwali mal-fornitur tal-enerġija.

Ta’ min jenfasizza li l-kunċett ta’ utenti aħħarin jinkludi l-klijenti aħħarin. Għalhekk, meta d-dispożizzjonijiet jirreferu għal utenti aħħarin, dawn m’għandhomx jiġu interpretati bħala li jeskludu l-klijenti aħħarin.

Din il-kjarifika tfisser li, minn issa ’l quddiem, skont l-EED riveduta, m’hemm l-ebda l-dubju li l-konsumaturi b’kejl separat tal-konsum huma intitolati wkoll għal kontijiet ibbażati fuq il-konsum (29) u informazzjoni dwar il-konsum.

Għall-finijiet tal-Artikoli 9a, 9c, 10a u 11a, fil-kuntest ta’ bini b’aktar minn appartament jew użu wieħed, fornut minn sistema tat-tisħin jew tat-tkessiħ distrettwali jew minn sors ċentrali simili, abbażi ta’ kuntratt uniku ma’ fornitur tal-enerġija, l-identità attwali tal-“klijent aħħari” tista’ tvarja skont is-sitwazzjoni. Meta l-bini jkollu sid wieħed, is-sid, tipikament iżda mhux neċessarjment, se jkun il-parti kuntrattwali tal-kuntratt tal-provvista mal-fornitur tal-enerġija. Bl-istess mod, meta jkun hemm diversi sidien, assoċjazzjoni jew komunità ta’ sidien konġunti, tipikament iżda mhux dejjem, dawn se jkunu il-parti kuntrattwali fil-konfront tal-fornitur tal-enerġija. F’xi sitwazzjonijiet, is-sidien jiddelegaw ċerti kompiti lil partijiet terzi jew lil rappreżentant, bħal kumpanija maniġerjali (f’xi pajjiżi magħrufa bħala “syndic”), u dawn il-partijiet jistgħu jkunu wkoll il-parti kuntrattwali fil-konfront tal-fornitur tal-enerġija. Meta s-sidien ikunu krew unitajiet, il-kerrejja jista’ jkollhom jew jista’ ma jkollhomx relazzjonijiet kuntrattwali mal-fornitur tal-enerġija.

Meta jittrasponu d-Direttiva riveduta, l-Istati Membri għandhom iqisu d-diversità tas-sitwazzjonijiet li huma rilevanti fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Madankollu, irrispettivament minn liema entità jew korp jixtru l-enerġija kollettivament f’isem l-okkupant tal-bini, huwa importanti li l-implimentazzjoni tiġi organizzata b’tali mod li l-informazzjoni meħtieġa skont l-Anness VIIa tiġi effettivament ipprovduta u tkun tista’ tintuża wkoll bħala l-bażi biex jiġu infurmati l-okkupanti ta’ kull appartament/unità. Il-fatt li d-definizzjoni ta’ “klijent aħħari” tirreferi għal persuna li tixtri l-enerġija “għall-użu aħħari tagħha stess” m’għandux pereżempju jiġi interpretat li jimplika li m’hemm l-ebda klijent aħħari f’sitwazzjonijiet fejn kumpanija maniġerjali delegata jew “syndic” tkun il-parti kuntrattwali attwali għall-fornitur tal-enerġija tal-bini.

7.2.   Min hu responsabbli għall-informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum?

L-EED ma tispeċifikax min hu responsabbli biex jipprovdi lill-utenti aħħarin informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum imsemmija fl-Artikolu 10a. Għall-utenti aħħarin li huma wkoll klijenti aħħarin (u li jixtru l-enerġija mill-fornitur tal-enerġija kkonċernat), jidher li jkun l-aktar loġiku jekk il-fornitur tal-enerġija jingħata r-responsabbiltà biex jipprovdi l-informazzjoni. Għall-kuntrarju ta’ dan, il-fornitur tal-enerġija jista’ ma jkunx fl-aħjar pożizzjoni biex ikollu r-responsabbiltà li jinforma lill-utenti aħħarin li miegħu dawn ma jkollhom l-ebda relazzjoni kuntrattwali diretta jew individwali. Għalhekk, l-Artikolu 10a(3) tal-EED riveduta jiddikjara b’mod espliċitu li “L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu min għandu jkun responsabbli għall-għoti tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 lill-utenti aħħarin mingħajr kuntratt dirett jew individwali ma’ fornitur tal-enerġija.” Liema entitajiet jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jinfurmaw lill-utenti aħħarin se jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi nazzjonali u s-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-kera. Kandidati potenzjali jistgħu jkunu s-sidien tal-bini, il-maniġers tal-bini, kumpaniji maniġerjali delegati jew fornituri tas-servizzi, assoċjazzjonijiet tas-sidien eċċ. Meta jittrasponu d-Direttiva riveduta, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-responsabbiltà biex jiġu infurmati l-utenti aħħarin tiġi ddefiniti b’mod ċar għas-sitwazzjonijiet rilevanti kollha.

7.3.   Kontijiet ibbażati fuq il-konsum reali

L-Artikolu 10a jirrikjedi lill-Istati Membri biex jiżguraw “[li] l-informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum tkun affidabbli, preċiża u bbażata fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin…”.

Din il-formulazzjoni hija simili iżda mhux identika għar-rekwiżit tal-EED oriġinali biex jiġi żgurat “li l-informazzjoni dwar il-kontijiet ikunu preċiżi u bbażati fuq il-konsum reali”.

L-inklużjoni ta’ “informazzjoni dwar il-konsum” hija sinifikanti u tirrifletti l-flessibbiltà tal-EED, peress li issa r-rekwiżit speċifikat fil-punt 2 tal-Anness VIIa jista’ jiġi ssodisfat billi tiġi pprovduta informazzjoni frekwenti dwar il-kontijiet jew il-konsum. Huwa aktar sempliċi li tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar il-konsum minħabba li hija relatata biss mal-kwantitajiet ikkunsmati, u mhux mal-ispejjeż involuti jew ma’ kwalunkwe element ieħor tal-informazzjoni dwar il-kontijiet.

Il-leġiżlatur iqis li huwa xieraq li jiżdiedu l-kliem “jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin” biex jiġi eliminat kwalunkwe dubju li tali qari jista’ jintuża bħala bażi għall-kontijiet. Ġew espressi tali dubji minħabba li l-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin huma apparati li jippermettu li s-sħana fornuta f’appartament individwali titkejjel b’mod inqas dirett, u li f’ċerti ċirkostanzi speċifiċi jistgħu jitqiesu bħala indikazzjoni inqas b’saħħitha tal-ammont tal-enerġija li jkun ġie rilaxxat attwalment mill-installazzjoni tat-tisħin fl-appartament individwali kkonċernat.

Madankollu, lil hinn mid-differenzi bejn l-arloġġi tas-sħana u l-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin, ta’ min jenfasizza li r-rekwiżit biex l-informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum tkun ibbażata fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin m’għandux jiġi interpretat bħala li jirrikjedi li l-ispejjeż għat-tisħin jew għat-tkessiħ tal-post jiġu allokati esklussivament abbażi tal-qari minn arloġġi jew allokaturi tal-ispiża għat-tisħin individwali. F’kuntest ta’ kejl separat tal-konsum, dan iwassal għar-riskju li jinħolqu eżiti negattivi f’termini ta’ korrettezza u inċentivi opposti (ara wkoll it-taqsima 5 t’hawn fuq). Minn perspettiva teknika, l-appartamenti individwali f’binjiet b’aktar minn appartament wieħed normalment ma jistgħux jitqiesu bħala termalment indipendenti mill-bqija tal-bini. Kull meta jkun hemm differenzi fit-temperaturi fil-ħitan interni jew fis-separazzjonijiet orizzontali, is-sħana se tiċċirkola b’mod naturali bejn tali separazzjonijiet peress li dawn rarament ikunu insulati termalment f’livell għoli ħafna meta mqabbla mal-ħitan esterni tal-binjiet. Għalhekk, l-unitajiet individwali tipikament ma jiġux imsaħħna biss mis-sħana emessa mir-radjaturi fl-unità nnifisha iżda anke, tal-anqas parzjalment, mis-sħana emessa f’partijiet oħra tal-bini. Kif diġà ġie diskuss fit-taqsima 5, regoli mfassla tajjeb dwar l-allokazzjoni tal-ispiża għandhom iqisu dan il-fatt.

Irrispettivament minn jekk l-emissjoni tas-sħana reali f’kull unità titkejjilx jew tiġix stmata permezz ta’ arloġġi jew allokaturi tal-ispiża għat-tisħin individwali, il-fatt li s-sħana tista’ tiċċirkola bejn is-separazzjonijiet interni jikkostitwixxi raġuni tajba biex l-ispejjeż totali tat-tisħin tal-bini ma jiġux allokati esklussivament abbażi tal-qari li jinkiseb minn tali apparati. Hija prattika komuni (u tajba) li ċertu proporzjon tal-ispejjeż biss huwa bbażat fuq kejl individwali u li l-ispejjeż li jifdal huma allokati lill-okkupanti abbażi ta’ fatturi oħra (bħas-sehem tal-erja tal-art totali tal-appartamenti jew il-volum imsaħħan tal-bini). Dan huwa l-każ anke meta l-unitajiet individwali jkunu mgħammra b’arloġġi tas-sħana u mhux b’allokaturi tal-ispiża għat-tisħin. Hija wkoll prattika normali li l-ispiża tat-tisħin tal-erjas komuni tal-bini (it-turġien, il-kurituri eċċ.) tiġi kondiviża bejn l-okkupanti tal-unitajiet individwali. L-ispejjeż dovuti għat-telf mill-installazzjonijiet fil-livell tal-bini jew għat-tisħin tal-erjas komuni normalment ma jkunux ikkontrollati direttament mill-imġiba ta’ utent individwali, u l-Istati Membri tipikament jinkluduhom fl-ispejjeż fissi fir-regoli dwar l-allokazzjoni rispettivi tagħhom. Il-parti tal-ispiża fissa tal-ispejjeż totali tat-tisħin normalment tista’ tiġi rkuprata billi l-okkupanti jintalbu ħlas fi proporzjon mad-daqs rispettiv tal-proprjetà li jokkupaw (eż. l-erja tal-art jew il-volum).

Meta l-informazzjoni pprovduta tkun ibbażata fuq il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin, dan għandu jsir b’mod li jkun ċar u utli għall-utent aħħari. L-allokazzjoni tal-ispiża għat-tisħin tista’ pereżempju tinvolvi l-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti tekniċi relatati mat-tipi tar-radjaturi u/jew il-fatturi ta’ korrezzjoni għall-post ta’ appartament fil-bini. Tali parametri għandhom jitqiesu fl-informazzjoni pprovduta lill-utenti aħħarin.

7.4.   Qari proprju

L-EED oriġinali tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-kontijiet tkun preċiża u bbażata fuq il-konsum reali, “skont il-punt (1.1) tal-Anness VII”, li jispeċifika ċerti frekwenzi minimi li bihom jeħtieġ li jiġu pprovduti l-kontijiet u l-informazzjoni dwar il-kontijiet. L-Artikolu 10 jipprevedi li “dan l-obbligu jista’ jiġi ssodisfat minn sistema ta’ qari tal-konsum proprju mill-klijenti aħħarin li permezz tiegħu huma jikkomunikaw il-qari mill-arloġġ tagħhom lill-fornitur tal-enerġija”. Pereżempju, dan jagħmilha possibbli li kont ta’ saldu annwali jkun ibbażat fuq qari kkomunikat mill-klijent lill-fornitur tal-enerġija mingħajr il-ħtieġa li dan tal-aħħar iżur il-bini biex jaqra l-arloġġ.

Fil-kuntest tat-tranżizzjoni lejn apparati li jinqraw mill-bogħod, maż-żmien il-qari proprju se jsir inqas rilevanti. Madankollu, l-EED riveduta tippermetti li jsir qari proprju għall-enerġija termali, iżda f’ċerti ċirkostanzi biss (30). B’mod partikolari, il-qari proprju mhuwiex permess fil-każ li t-tisħin tal-post jitkejjel b’mod separat abbażi ta’ allokaturi tal-ispiża għat-tisħin. Dan jirrikjedi li kull utent jikkomunika l-qari għal kull radjatur, u l-leġiżlatur qies li dan la huwa realistiku u lanqas mixtieq.

Għall-kejl tal-konsum jew sitwazzjonijiet oħra ta’ kejl separat tal-konsum, pereżempju t-tisħin jew it-tkessiħ tal-post ta’ bini mgħammar b’arloġġi tas-sħana, jew tal-konsum tal-ilma sħun domestiku, fil-prinċipju l-qari proprju jista’ jkun permess jekk l-Istat Membru inkwistjoni “jipprevedi dan”. Fi kliem ieħor, il-kumpaniji tat-tisħin distrettwali, il-maniġers tal-bini u entitajiet oħra li jkunu responsabbli biex jipprovdu lill-utenti aħħarin l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 10a, jistgħu ma jiddependux fuq il-qari proprju biex jissodisfaw dawn l-obbligi sakemm l-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx ippreveda b’mod espliċitu dik il-possibbiltà fil-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali.

7.5.   Disponibbiltà tad-data u l-privatezza

Il-punt (a) tal-Artikolu 10a(2) jiddikjara li “…jekk l-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-enerġija u l-konsum storiku jew il-qari tal-allokatur tal-ispiża għat-tisħin tal-utenti aħħarin tkun disponibbli, din issir disponibbli fuq talba mill-utent aħħari, għal fornitur ta’ servizz tal-enerġija magħżul mill-utent aħħari”. Dispożizzjoni simili hija inkluża fl-EED oriġinali, iżda d-dispożizzjoni ġdida tneħħi kwalunkwe dubju dwar id-dritt ta’ aċċess għad-data dwar il-kontijiet tal-enerġija u l-konsum storiku jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin li japplikaw għal sitwazzjonijiet fejn jintuża l-kejl separat. B’hekk, l-entità responsabbli għall-kejl separat — kemm jekk hija maniġer tal-bini, fornitur tas-servizz tal-kejl separat jew kwalunkwe entità oħra — għandha tipprovdi fuq talba lil kwalunkwe utent aħħari uniku aċċess għal tali data f’format xieraq u utli. Fil-kuntest tal-kejl separat tal-konsum, dan għandu b’mod partikolari jiġi interpretat bħala li jinkludi kemm il-qari tal-apparat tal-apparat(i) proprju(i) tal-utent kif ukoll is-somma tal-qari tal-installazzjoni kollha peress li dan tal-ewwel huwa utli biss flimkien ma’ din tal-aħħar. Fuq talba, tali informazzjoni għandha tinkludi wkoll parametri tekniċi ewlenin bħal fatturi ta’ klassifikazzjoni applikati għar-radjaturi sabiex ikunu jistgħu jsiru verifika jew kontrolli tal-plawsibbiltà indipendenti tal-kalkoli tal-allokazzjoni tal-ispiża għat-tisħin.

Fl-istess ħin, il-punt (a) tal-Artikolu 10a(2) jiggarantixxi li l-informazzjoni dwar il-kontijiet relatata ma’ arloġġ ewlieni li jkejjel il-provvisti minn netwerk ta’ tisħin jew ta’ tkessiħ distrettwali f’bini b’aktar minn appartament jew użu wieħed b’kejl separat tal-konsum tista’ ssir disponibbli direttament lill-fornituri tas-servizz (31) tal-enerġija responsabbli għall-kejl separat tal-konsum u l-allokazzjoni tal-ispiża fil-bini. Dan huwa importanti peress li allokazzjoni preċiża tal-ispiża tirrikjedi aċċess f’waqtu għall-valuri tal-konsum aggregati. Aċċess dirett u f’waqtu għall-informazzjoni dwar il-kontijiet, inklużjoni l-valuri tal-kejl tal-konsum, huwa partikolarment importanti meta l-bini jitkejjel b’mod separat b’apparati li jinqraw mill-bogħod u meta jkun hemm għalhekk il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni subannwali. F’tali każijiet, il-klijent tan-netwerk tat-tisħin/tat-tkessiħ distrettwali jista’ jitlob li l-informazzjoni relatata mal-arloġġ ewlieni ssir disponibbli lill-fornitur ta’ servizz tal-enerġija tal-għażla tiegħu, li tista’ tkun il-kumpanija li tipprovdi s-servizzi tal-kejl separat tal-konsum.

Il-punt (c) tal-Artikolu 10a(2) jiddikjara li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “informazzjoni ċara u li tinftiehem tingħata mal-kont lill-utenti aħħarin kollha skont il-punt 3 tal-Anness VIIa”. L-implikazzjoni ta’ dan huma diskussi f’aktar dettall fit-taqsima 9.3 t’hawn taħt. Għall-utenti aħħarin mingħajr kuntratt dirett/individwali mal-fornitur tal-enerġija, “il-kont” għandu jiġi interpretat ukoll bħala li jirreferi għall-kontijiet tal-allokazzjoni tal-ispiża għat-tisħin jew kwalunkwe talba oħra rikorrenti għall-ħlas tas-servizzi tat-tisħin/tat-tkessiħ/tal-ilma sħun domestiku f’isem il-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli biex tipprovdi tali servizzi (32).

Fl-aħħar, dispożizzjoni ġdida (il-punt (d) tal-Artikolu 10a(2)) tenfasizza li l-Istati Membri għandhom “jippromwovu ċ-ċibersigurtà u jiżguraw il-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-utenti aħħarin f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.” Filwaqt li din id-dispożizzjoni ma żżid l-ebda obbligu speċifiku lill hinn minn dawk applikabbli diġà skont id-dritt tal-Unjoni (bħar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (33)), din tenfasizza li ċ-ċibersigurtà, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data huma rilevanti wkoll fil-kuntest tal-kejl tal-konsum, tal-kejl separat tal-konsum, tal-qari mill-bogħod u tal-kontijiet tal-enerġija termali.

7.6.   Aċċess għal informazzjoni dwar il-kontijiet u kontijiet elettroniċi

Kif inhu l-każ fl-EED oriġinali, l-EED riveduta tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-klijenti aħħarin ikunu offruti l-għażla ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet u kontijiet elettroniċi (il-punt (b) tal-Artikolu 10a(2). Għandu jiġi nnotat li r-referenza hija biss għall-klijenti aħħarin, u mhux għall-utenti aħħarin, li jfisser li l-EED riveduta ma tagħtix dritt lill-konsumaturi individwali b’kejl separat tal-konsum biex jagħżlu konsenja elettronika. Il-leġiżlatur tal-UE għamel din l-għażla apposta biex jevita li jirrestrinġi l-libertà tal-partijiet ikkonċernati involuti f’bini partikolari jew għall-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeċiedu kif għandhom jorganizzaw il-konsenja tal-informazzjoni dwar il-kontijiet u l-kontijiet lill-konsumaturi b’kejl separat tal-konsum.

8.   L-ISPEJJEŻ TAL-AĊĊESS GĦAL INFORMAZZJONI DWAR IL-KEJL TAL-KONSUM, IL-KONTIJIET U L-KONSUM (L-ARTIKOLU 11a)

L-Artikolu 11a ġdid tal-EED riveduta huwa kważi identiku għall-Artikolu 11 fl-EED oriġinali. Madankollu, għandhom jiġu nnotati xi ftit differenzi.

L-ewwel, id-dispożizzjoni l-ġdida tirrifletti l-pożizzjoni kkjarifikata tal-konsumaturi b’kejl separat tal-konsum u għalhekk tagħmel referenza għall-utenti aħħarin pjuttost milli għall-klijenti aħħarin biss (ta’ min ifakkar li dawn tal-aħħar huma subsett ta’ dawk tal-ewwel, grupp usa’).

It-tieni, l-Artikolu l-ġdid jikkjarifika li l-paragrafu 2 japplika kemm għal binjiet b’aktar minn appartament wieħed kif ukoll għal dawk b’aktar minn użu wieħed.

It-tielet, jiżdied paragrafu 3 ġdid biex jiġi kkjarifikat li “[s]abiex jiġu żgurati spejjeż raġonevoli għas-servizzi ta’ kejl separat tal-konsum kif imsemmi fil-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jistimulaw il-kompetizzjoni f’dak is-settur ta’ servizzi billi jieħdu miżuri xierqa, bħal pereżempju billi jirrakkomandaw jew jippromwovu b’xi mod ieħor l-użu ta’ sejħiet għal offerti jew l-użu ta’ apparati interoperabbli u sistemi li jiffaċilitaw il-bdil bejn fornituri ta’ servizzi”. Filwaqt li l-azzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni huma fakultattivi b’mod ċar u mhux obbligatorji li jitwettqu mill-Istati Membri, il-leġiżlatur iqis li d-dispożizzjoni hija utli peress li tagħti eżempji ta’ miżuri speċifiċi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu biex jistimulaw il-kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi ta’ kejl separat tal-konsum bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżizzjoni lejn apparati u sistemi li jinqraw mill-bogħod.

Fl-aħħar, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 11 oriġinali jitħassar minħabba li l-EED riveduta tnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għall-elettriku u l-gass, u peress li l-Artikolu 11(2) oriġinali kien jikkonċerna biss il-kejl separat tal-konsum tal-enerġija termali u issa ġie ssostitwit bl-Artikolu 11a(2) il-ġdid.

Minbarra l-abbozzar tad-differenzi diskussi hawn fuq, ta’ min jinnota żvilupp ieħor relatat ma’ dan is-suġġett. F’April 2018, tressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (34) minn Qorti Finlandiża. Fil-qosor, il-mistoqsija li saret kienet jekk l-obbligu li jiġu pprovduti kontijiet mingħajr ħlas għandux jiġi interpretat bħala li jipprevjeni lill-konsumaturi li jirċievu l-kontijiet elettronikament milli jingħataw tnaqqis. Fin-Nota ta’ Gwida tal-2013 (35) il-Kummissjoni sostniet li r-rekwiżit li jiġu pprovduti kontijiet mingħajr ħlas ma jipprevjenix lill-klijenti li jagħżlu metodi partikolari ta’ konsenja tal-kontijiet milli jkunu offruti skonti. Fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Mejju 2019 il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet pożizzjoni simili. Din ikkonkludiet li l-Artikolu 11(1) għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix, f’ċirkostanzi bħal dawk inkwistjoni fil-proċedimenti ewlenin, skont fuq l-imposti tan-netwerk tal-elettriku mogħti minn kumpanija tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku lill-klijenti aħħarin li jkunu għażlu kontijiet elettroniċi.

9.   REKWIŻITI GĦALL-INFORMAZZJONI DWAR IL-KONTIJIET U L-KONSUM

9.1.   Kontijiet ibbażati fuq il-konsum reali

L-Anness VIIa ġdid jirrikjedi li “[s]abiex l-utenti aħħarin ikunu jistgħu jirregolaw il-konsum tagħhom tal-enerġija, il-kontijiet għandhom isiru fuq il-bażi tal-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin tal-inqas darba fis-sena”. Fl-Anness VII tal-EED oriġinali, jeżisti rekwiżit simili ħafna, iżda l-formulazzjoni fl-Anness VIIa tagħmel referenza għall-utenti aħħarin (u b’hekk tapplika għall-konsumaturi b’kejl separat tal-konsum). Barra minn hekk, il-kelma “jenħtieġ li” inkluża fl-Anness VII ġiet issostitwita b’“għandhom” fl-Anness VIIa biex tiġi riflessa n-natura vinkolanti tar-rekwiżit. Kif issemma fit-taqsima 7.2, ta’ min jenfasizza li, f’kuntesti ta’ kejl separat tal-konsum, ir-rekwiżit li l-informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum għandha tkun ibbażata fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin m’għandux jiġi interpretat bħala li jirrikjedi li l-ispejjeż għat-tisħin jew għat-tkessiħ tal-post jiġu allokati esklussivament abbażi tal-qari minn arloġġi jew allokaturi tal-ispiża għat-tisħin individwali.

Essenzjalment, ir-rekwiżit jiżgura li l-utenti aħħarin tal-enerġija termali jkunu infurmati dwar il-konsum reali tagħhom mill-inqas darba fis-sena u li l-ħlas tagħhom għall-konsum tagħhom ikun ikkalkolat jew aġġustat kif xieraq, pereżempju bil-ħlas ta’ kwalunkwe differenza bejn l-ammont attwali dovut u s-somom imħallsa abbażi ta’ ħlasijiet regolari b’rata fissa li ma jkunux ibbażati fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokatur tal-ispiża għat-tisħin.

9.2.   Informazzjoni frekwenti dwar il-kontijiet jew il-konsum

9.2.1.   Sitwazzjonijiet fejn huwa meħtieġ il-provvista ta’ informazzjoni subannwali

Il-frekwenza li biha l-utenti aħħarin jiġu infurmati dwar il-konsum reali tagħhom tal-enerġija termali kienet objettiv ewlieni tal-proposta biex tiġi riveduta l-EED u hija riflessa fil-punt 2 tal-Anness VIIa ġdid.

Fl-EED oriġinali, il-provvista ta’ informazzjoni subannwali huwa obbligatorju fejn “dan ikun teknikament possibbli u ekonomikament iġġustifikat”. Fl-EED riveduta, din il-kondizzjonalità ġiet issimplifikata biex ir-rekwiżiti japplikaw “fejn ikunu ġew installati arloġġi li jinqraw mill-bogħod jew allokaturi tal-ispiża għat-tisħin”.

Jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfata jew le għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ kull Stat Membri fir-rigward ta’ liema tipi ta’ apparati jitqiesu li jinqraw mill-bogħod (ara t-taqsima 6.1).

Huwa possibbli li bini jkun fih kemm apparati li jinqraw mill-bogħod kif ukoll apparati li ma jinqrawx mill-bogħod. Tali sitwazzjonijiet jeħtieġ li jitqiesu fuq bażi ta’ każ b’każ.

Pereżempju: f’bini b’aktar minn appartament wieħed fornut minn tisħin distrettwali, fejn l-apparati installati f’kull unità tal-bini huma allokaturi tal-ispiża għat-tisħin jew arloġġi li jinqraw mill-bogħod, l-arloġġ ewlieni tal-bini li jkejjel is-sħana totali fornuta jew ikkunsmata jaf ma jkunx jinqara mill-bogħod. F’dan il-każ, il-kalkolu sħiħ tal-allokazzjoni tal-ispiża għat-tisħin jista’ jsir biss fil-prinċipju kull meta l-qari jkun disponibbli wkoll mill-arloġġ ewlieni. Tista’ sseħħ sitwazzjoni simili għal bini b’bojler komuni li jopera, pereżempju, bil-gass jew biż-żejt: barra minn hekk, f’dan il-każ, valur preċiż għall-konsum aggregat għal kull perjodu subannwali jista’ ma jkunx disponibbli jekk l-arloġġ tal-gass ewlieni ma jkunx jinqara mill-bogħod, jew jekk it-tank jew il-berner taż-żejt ma jkunx mgħammar b’gejġ li jippermetti li l-konsum jinqara mill-bogħod. F’tali każijiet, xorta jkun għadu possibbli li jsir kalkolu approssimattiv tal-allokazzjoni tat-tisħin billi jintuża l-qari mill-apparati individwali u jiġi estrapolat valur stmat għall-konsum totali. Imbagħad, tista’ titqajjem il-mistoqsija dwar kif għandu jiġi rikonċiljat ir-rekwiżit inkluż fl-Artikolu 10a(1) li “…l-informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum tkun affidabbli, preċiża u bbażata fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin, f’konformità mal-punti 1 u 2 tal-Anness VIIa għall-utenti aħħarin kollha” mal-fatt li fin-nuqqas ta’ valuri subannwali għall-konsum aggregat (billi jiġi installat arloġġ tal-gass li jinqara mill-bogħod, billi jinqara manwalment l-arloġġ tal-gass ewlieni b’mod aktar frekwenti, billi jiġi installat ġejġ taż-żejt konness eċċ.), kwalunkwe kalkolu tal-allokazzjoni tal-ispiża għat-tisħin li jsir jista’ jkun biss approssimattiv. Il-Kummissjoni temmen li n-nuqqas ta’ qari subannwali tal-arloġġ ewlieni ma jiġġustifikax il-fatt li l-utenti b’kejl separat tal-konsum ma jiġux ipprovduti informazzjoni subannwali dwar il-konsum dment li ċ-ċirkostanzi jagħmluha possibbli li ssir stima/approssimazzjoni raġonevolment ġusta tal-kalkolu tal-allokazzjoni tal-ispiża. F’tali każijiet għandu sempliċement jiġi ċċarat li l-valuri subannwali huma stmati/estrapolati parzjalment. Huwa probabbli ħafna li l-valur tal-informazzjoni subannwali għall-konsumaturi se jissupera l-preċiżjoni mnaqqsa bi ftit li tirriżulta min-nuqqas ta’ valur tal-konsum aggregat.

Min-naħa l-oħra, jekk bini b’kejl separat tal-konsum ikun mgħammar b’arloġġ ewlieni li jinqara mill-bogħod lejn netwerk tat-tisħin/tat-tkessiħ distrettwali, iżda l-apparati li jintużaw għall-kejl separat fil-bini ma jkunux jinqraw mill-bogħod, il-kundizzjoni fl-Anness VIIa(2) ma tkunx issodisfata sa fejn ikunu kkonċernati l-utenti aħħarin b’kejl separat tal-konsum. Għall-kuntrarju ta’ dan, din tkun issodisfata għan-netwerk tat-tisħin/tat-tkessiħ u l-klijent/il-bini tiegħu b’mod ġenerali. F’dan il-każ, l-informazzjoni fil-livell tal-bini għandha tiġi pprovduta lill-klijent aħħari skont l-Anness VIIa(2).

Eżempju ieħor jista’ jkun bini b’kejl separat tal-konsum fejn l-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin jinqraw mill-bogħod, għall-kuntrarju tal-arloġġi tal-ilma sħun domestiku. F’dan il-każ, kull servizz jista’ jiġi indirizzat separatament, u l-informazzjoni subannwali tista’ tiġi pprovduta għat-tisħin tal-post iżda mhux għall-ilma sħun domestiku.

9.2.2.   Frekwenza minima meħtieġa

L-implikazzjoni tal-kondizzjonalità ssimplifikata spjegata hawn fuq hija li, kull fejn ikunu installati apparati li jinqraw mill-bogħod, l-utenti aħħarin għandhom jiġu pprovduti informazzjoni frekwenti, li tista’ tkun jew informazzjoni dwar il-kontijiet jew sempliċement informazzjoni dwar il-konsum. Minn 22 xahar wara d-data li fiha tidħol fis-seħħ id-Direttiva emendatorja, jiġifieri mill-25 ta’ Ottubru 2020, il-frekwenza minima meħtieġa se tkun simili għal dik prevista fl-EED oriġinali, jiġifieri “tal-inqas kull tliet xhur, fuq talba jew fejn il-konsumaturi (36) jkunu għażlu li jirċievu kont elettroniku jew inkella darbtejn fis-sena”. Mill-1 ta’ Jannar 2022, il-frekwenza minima se tkun kull xahar.

9.2.3.   Eżenzjonijiet barra l-istaġuni tat-tisħin/tat-tkessiħ

It-tisħin u t-tkessiħ jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit li tiġi pprovduta informazzjoni kull xahar barra mill-istaġuni tat-tisħin/tat-tkessiħ. X’jikkostitwixxi l-istaġuni tat-tisħin jew tat-tkessiħ jista’ jvarja skont il-post u l-ġurisdizzjoni, jew skont il-bini. Il-possibbiltà li jsiru eċċezzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżit ta’ kull xahar tista’ tiġi interpretata bħala possibbiltà biex tiġi sospiża l-provvista ta’ informazzjoni matul il-perjodu li fih it-tisħin jew it-tkessiħ tal-post ma jiġix ipprovdut permezz ta’ installazzjoni kollettiva tal-bini.

9.2.4.   Distinzjoni bejn il-provvista u d-disponibbiltà tal-informazzjoni

Ir-rekwiżit li, fejn ikunu ġew installati arloġġi jew allokaturi tal-ispiża għat-tisħin li jinqraw mill-bogħod, l-informazzjoni dwar il-kontijiet jew il-konsum ibbażata fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin għandha tiġi pprovduta lill-utenti aħħarin f’intervalli subannwali, jista’ jqajjem mistoqsijiet dwar x’jikkostitwixxi l-konformità. Il-Kummissjoni tinnota li l-leġiżlatur ħalla apposta l-mod ta’ kif għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni miftuħ, filwaqt li għamel ukoll distinzjoni ċara bejn il-provvista u d-disponibbiltà tal-informazzjoni.

Ir-rekwiżit essenzjali huwa li tiġi pprovduta informazzjoni lill-utent. Dan jista’ jsir f’forma stampata jew permezz ta’ mezzi elettroniċi bħal posta elettronika. L-informazzjoni tista’ ssir disponibbli wkoll permezz tal-internet (u interfaċċji bħal portal tal-web jew applikazzjoni tal-ismartphone), iżda f’tali każijiet l-utent aħħari għandu jiġi nnotifikat b’xi mod fl-intervalli regolari indikati, altrimenti l-informazzjoni ma tistax titqies bħala li ġiet ipprovduta lill-utent aħħari b’dik il-frekwenza, iżda li sempliċement saret disponibbli. Il-fatt li l-informazzjoni ssir biss disponibbli iżda jitħalla f’idejn l-utent aħħari biex isibha ma jkunx allinjat mal-objettiv ġenerali ta’ din il-parti tal-EED riveduta, jiġifieri li titqajjem is-sensibilizzazzjoni tal-utenti aħħarin fir-rigward tal-konsum tagħhom.

Huwa importanti li tiġi enfasizzata din id-distinzjoni sottili iżda importanti anke minħabba l-fatt li l-leġiżlatur inkluda l-għażla li l-informazzjoni ssir disponibbli b’mod fakultattiv u addizzjonali permezz tal-internet wara r-rekwiżit essenzjali li tiġi pprovduta informazzjoni f’intervalli regolari: ‘“Din tista’ wkoll issir disponibbli permezz tal-Internet u tiġi aġġornata sikwit kemm permess mill-apparat u s-sistemi ta’ kejl użati.”. It-terminu “ukoll” ma ntużax fis-sens ta’ “minflok” iżda biex jindika possibbiltà addizzjonali. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tħalli wisq lok biex jitfasslu u jintużaw sistemi li ma jagħmlux feedback frekwenti possibbli, u b’hekk tevita r-rekwiżit essenzjali u ddgħajjef l-ilħuq ta’ għan essenzjali tal-EED riveduta. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-użu tal-formulazzjoni “jistgħu jsiru” fil-punt 3 tal-Anness VIIa, fejn il-leġiżlatur fisser b’mod ċar li d-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu alternattivi. Fil-qosor, “id-disponibbiltà” kontinwa tal-informazzjoni permezz tal-internet mhijiex mezz alternattiv jew suffiċjenti ta’ konformità mar-rekwiżiti skont il-punt 2 tal-Anness VIIa biex tiġi pprovduta informazzjoni subannwali sakemm din ma tiġix ikkombinata ma’ xi tip ta’ notifika attiva tal-utent aħħari fl-intervalli meħtieġa.

9.2.5.   Il-kontenut ta’ informazzjoni subannwali dwar il-kontijiet jew il-konsum

Kif issemma fit-taqsima 7.3, l-EED riveduta tipprovdi flessibbiltà fir-rigward tan-natura tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’intervalli subannwali skont il-punt 2 tal-Anness VIIa.

Bħala minimu, għandha tiġi inkluża informazzjoni bażika dwar kif żviluppa l-konsum reali (jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin). Pereżempju, din tista’ tiġi kkombinata ma’ stimi ta’ kif ix-xejra osservata tista’ taffettwa l-konsum futur tal-utent aħħari u xi jkun il-livell tal-kont tagħhom jekk il-konsum jibqa’jsir bl-istess mod.

Jekk il-ħruġ tal-kontijiet isir fl-istess ħin mal-provvista tal-informazzjoni skont il-punt 2 tal-Anness VIIa, id-dispożizzjonijiet fil-punt 3 ta’ dan l-Anness se jiddeterminaw ir-rekwiżiti minimi għall-kontenut tal-informazzjoni dwar il-kontijiet.

9.3.   Informazzjoni minima inkluża fil-kont

Il-punt 3 tal-Anness VIIa jispeċifika ċerti elementi minimi ta’ informazzjoni li għandhom ikunu disponibbli għall-utenti aħħarin fil-kontijiet jew mehmuża magħhom, b’rekwiżiti differenti skont jekk il-kont ikunx ibbażat fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin. Ta’ min jinnota li l-utenti aħħarin li jokkupaw partijiet minn bini mhux mgħammar b’arloġġi jew allokaturi tal-ispiża għat-tisħin individwali, jew dawk li jikru l-bini tagħhom fuq bażi ta’ “kera li tinkludi kollox”, jistgħu ma jirċievu qatt kontijiet ibbażati fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin. Tabilħaqq, fil-każ ta’ “kera li tinkludi kollox” dawn saħansitra jaf lanqas jirċievu kont wieħed tal-enerġija, u b’hekk l-ebda rekwiżit fl-Artikolu 10a jew fl-Anness VIIa ma jkun japplika.

Meta mqabbel mal-Anness VII tal-EED oriġinali, l-Anness VIIa ġdid huwa fformulat b’mod li jirrifletti b’mod aktar ċar in-natura vinkolanti tar-rekwiżiti li jinkludi, pereżempju billi jħalli barra kwalifiki bħal “fejn xieraq” jew “preferibbilment” (37).

L-Anness VIIa jinkludi wkoll xi elementi kompletament ġodda, inkluż obbligu biex il-kontijiet jinkludu “l-informazzjoni dwar proċeduri ta’ lmenti rilevanti, servizzi tal-ombudsman jew mekkaniżmi alternattivi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, kif applikabbli fl-Istati Membri”. Meta jittrasponu dan ir-rekwiżit, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw pubblikament liema, jekk applikabbli, servizzi tal-ombudsman jew mekkaniżmi alternattivi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim (38) huma legalment kompetenti biex jindirizzaw l-ilmenti u t-tilwim relatati mal-kejl tal-konsum, il-kejl separat tal-konsum, il-kontijiet u l-allokazzjoni tal-ispiża, sabiex il-fornituri tal-enerġija u partijiet oħra li joħorġu l-kontijiet ikunu jistgħu jinkludu din l-informazzjoni fil-kontijiet tagħhom.

9.3.1.   Kontijiet ibbażati fuq il-konsum reali/il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin

L-elementi individwali tal-informazzjoni li għandhom isiru disponibbli fil-kontijiet jew mehmuża magħhom ibbażati fuq il-konsum reali jew il-qari tal-apparati huma parzjalment ibbażati fuq l-Anness VII eżistenti u parzjalment ġodda.

Filwaqt li mhux kollha jeħtieġu spjegazzjoni, ta’ min jenfasizza xi ftit aspetti.

Bħal fl-EED oriġinali, il-punt 3(a) tal-Anness VIIa jirreferi għal “prezzijiet reali”. Għall-klijenti aħħarin tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali, dan tipikament se jimplika speċifikazzjoni tal-prezz totali li għandu jitħallas kif ukoll id-diversi komponenti tiegħu, bħal tariffi/prezzijiet relatati mal-konsum, relatati mal-kapaċità u dawk fissi. Għall-kejl separat tal-konsum, dan għandu jinkludi mill-anqas is-sehem tal-ispiża għat-tisħin li l-individwu għandu jħallas, flimkien mal-qari tal-apparat u t-totali għall-bini li jorġina minnu.

Fir-rigward tat-tqabbil mal-konsum fl-istess perjodu fis-snin preċedenti (punt 3(c)), għandu jiġi nnotat l-obbligu biex dan isir disponibbli f’forma grafika u korretta għall-klima. Fid-dawl tar-rekwiżiti tal-protezzjoni u tal-privatezza tad-data (ara wkoll it-taqsima 7.5) dan ir-rekwiżit għandu jiġi interpretat bħala li japplika biss għall-informazzjoni dwar l-enerġija kkunsmata mill-okkupant attwali, jiġifieri l-istess utent aħħari li għalih l-informazzjoni għandha ssir disponibbli.

Għall-fini tal-korrezzjoni tal-klima, jista’ jkun meħtieġ li jsiru suppożizzjonijiet dwar is-sehem tal-enerġija li ntużat għall-produzzjoni tal-ilma sħun domestiku meta dik l-enerġija ma titkejjilx b’mod separat mill-ħtiġijiet tat-tisħin tal-post. Barra minn hekk, hija meħtieġa data dwar it-temperatura ta’ barra speċifika għall-post jew rappreżentattiva biex jiġu kkalokati l-jiem tal-grad ta’ tisħin (HDDs) jew il-jiem tal-grad ta’ tkessiħ (CDDs) li jintużaw biex titwettaq il-korrezzjoni tal-klima. Sabiex tintuża għall-finijiet tal-informazzjoni dwar il-kontijiet, jeħtieġ li tali data tkun disponobbli mingħajr dewmien sinifikanti. L-Istati Membri u l-partijiet responsabbli biex jipprovdu l-informazzjoni dwar il-kontijiet jeħtieġ li jidentifikaw sorsi disponibbli ta’ tali data, li possibbilment jistgħu jkunu jew nazzjonali, reġjonali, lokali jew speċifiċi għall-bini (jekk pereżempju bini jkun mgħammar b’sensur ta’ barra li minnu jista’ jiġi rkuprat il-kejl). Dawn għandhom ikunu wkoll trasparenti dwar il-metodoloġija li tintuża biex titwettaq il-korrezzjoni tal-klima (39).

Fir-rigward tal-informazzjoni dwar it-taħlita ta’ fjuwils li tintuża, dan se jkun relattivament dirett fil-maġġoranza tal-binjiet b’aktar minn appartament/użu wieħed mgħammra bil-bojler kollettiv tagħhom stess, b’mod partikolari meta dawn jiġu dejjem operati billi jintuża l-istess tip ta’ fjuwil. Meta l-bojlers ikunu jistgħu jiġu operati billi jintużaw diversi fjuwils jew, pereżempju, meta dawn jużaw fjuwils pilota meta jibdew joperaw, valuri medji annwali jkunu biżżejjed għall-finijiet ta’ konformità. Meta l-binjiet jiġu fornuti minn netwerks tat-tisħin distrettwali jew tat-tkessiħ distrettwali, permezz tal-istess dispożizzjoni l-persuna ġuridika jew fiżika li tkun il-klijent aħħari se tkun intitolata li tirċievi informazzjoni dwar it-taħlita ta’ fjuwils li tintuża biex jiġi pprovdut is-servizz tat-tisħin/tat-tkessiħ distrettwali. F’binjiet b’aktar minn appartament/użu wieħed, min-naħa l-oħra dik l-informazzjoni tista’ tintuża (40) biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar it-taħlita tal-enerġija lill-utenti aħħarin li jokkupaw kull unità.

Il-mezzi li jintużaw biex tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar it-taħlita ta’ fjuwils jistgħu jintużaw ukoll biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar is-sehem tal-enerġija rinnovabbli li tintuża fit-tisħin u fit-tkessiħ distrettwali, u b’hekk jiġi ssodisfat parzjalment l-obbligu tal-Istati Membri skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED II) (41), li jiddikjara li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fis-sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ tagħhom tiġi pprovduta lill-konsumaturi aħħarin b’mod faċilment aċċessibbli, bħal fuq is-siti web tal-fornituri, fuq il-kontijiet annwali jew fuq talba. L-RED II ma tiddefinixxix it-terminu “klijenti aħħarin” iżda, fil-fehma tal-Kummissjoni, it-terminu “utent aħħari”, kif jintuża fl-EED riveduta, ikopri għalkollox it-terminu “konsumaturi aħħarin” kif jintuża fl-Artikolu 24(1) tal-RED II. B’mod partikolari, iż-żewġ termini jinkludu okkupanti ta’ unitajiet individwali f’binjiet b’aktar minn appartament/użu wieħed fornuti minn tisħin/tkessiħ distrettwali anke jekk ma jkollhom l-ebda kuntratt individwali jew dirett mal-fornitur (42). Għalhekk, id-dispożizzjoni relatata mal-informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum li ġiet implimentata fl-EED tista’ tintuża biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar is-sehem tal-enerġija rinnovabbli li tintuża fit-tisħin u fit-tkessiħ distrettwali skont l-RED II. Dan jista’ jkun mod kosteffikaċi biex jiġu osservati d-dispożizzjonijiet rilevanti kemm tal-EED kif ukoll tal-RED II, peress li l-informazzjoni dwar it-taħlita tal-enerġija għandha tinkludi s-sehem tal-enerġija rinnovabbli meta tali enerġija tkun parti mit-taħlita tal-fjuwil.

Dan il-mod li bih jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-provvista tal-informazzjoni dwar is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fis-sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali jkun inekwivoku u b’hekk jevita sfidi legali possibbli, jekk l-informazzjoni dwar it-taħlita tal-fjuwil tinkludi l-kategorija tal-enerġija rinnovabbli (bl-ispeċifikazzjoni possibbli tat-tip/i tagħha) fl-informazzjoni dwar it-taħlita ta’ fjuwils, filwaqt li tispeċifika valur ta’ żero (0) f’każijiet fejn ma jkun hemm l-ebda komponent rinnovabbli.

Id-divulgazzjoni tat-taħlita ta’ fjuwils li tispeċifika l-komponent rinnovabbli tal-provvista tas-sħana jew tal-kesħa ma tissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti inklużi fl-Artikolu 24(1) tal-RED II sakemm l-informazzjoni dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija tas-sistemi tat-tisħin u/jew tat-tkessiħ distrettwali ma tiġix inkluża wkoll.

Fir-rigward tal-mod li bih tiġi pprovduta l-informazzjoni, ir-rekwiżiti inklużi fil-punt 3(b) tal-Anness VIIa tal-EED u fl-Artikolu 24(1) tal-RED II huma ftit differenti. L-ewwel waħda hija ftit aktar stretta fis-sens li l-informazzjoni dwar it-taħlita tal-fjuwil għandha tiġi pprovduta “fil-kontijiet [tal-utenti aħħarin] […] jew magħhom” filwaqt li l-RED II tippermetti li l-informazzjoni dwar is-sehem tas-sorsi rinnovabbli u r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija tiġi pprovduta b’mod faċilment aċċessibbli permezz tas-sit web tal-fornitur jew fuq talba. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit tal-RED II huwa ftit aktar strett fis-sens li dan japplika għall-konsumaturi aħħarin kollha filwaqt li r-rekwiżit tal-EED japplika biss fil-kuntest tal-kontijiet ibbażati fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin.

Fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra annwali relatati, jitqajmu għadd ta’ kwistjonijiet skont jekk il-provvisti joriġinawx minn sors ta’ fjuwil wieħed, pereżempju bojler tal-gass jew taż-żejt kollettiv f’bini, jew minn sistema tat-tisħin jew tat-tkessiħ distrettwali. Fiż-żewġ każijiet, għandha tingħata attenzjoni għal kif u sa fejn huwa rifless l-impatt tat-telf tal-effiċjenza fil-bini jew fin-netwerk, u liema indikaturi jintużaw (jiġifieri assoluti jew relattivi/speċifiċi (kgCO2e/kJ), aggregati jew għal kull appartament, eċċ.).

Bħala minimu, l-operaturi tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali għandhom jipprovdu l-emissjonijiet medji annwali tan-netwerk għal kull unità tal-enerġija fatturata/fornuta (jiġifieri l-impatt tat-telf tan-netwerk), sabiex ikunu jistgħu jiġu kkalkolati l-emissjonijiet assoluti korrispondenti għal kwalunkwe klijent aħħari.

Abbażi ta’ dan, jew abbażi tal-konsum tal-fjuwil proprju tal-bini, il-konsumaturi b’kejl separat tal-konsum jista’ jkollhom informazzjoni dwar is-sehem tal-emissjonijiet assoluti (kg) tagħhom U l-emissjonijiet medji relattivi/speċifiċi tagħhom, eż. li tirrifletti l-kompożizzjoni tat-tisħin distrettwali jew il-fjuwil li jintuża, u fejn rilevanti, sorsi tal-enerġija rinnovabbli lokali.

Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kamp ta’applikazzjoni tar-rekwiżit li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra biex tinkludi biss provvisti minn sistemi ta’ tisħin distrettwali b’input termali kklassifikat totali li jaqbeż l-20 MW. Meta Stat Membru jagħżel li jagħmel dan, dan jippermetti b’mod partikolari li netwerks tat-tisħin distrettwali u bini b’kejl separat tal-konsum ta’ daqs żgħir u medju bil-bojlers tagħhom stess biex jiġu eżentati mill-ħtieġa li jipprovdu tali informazzjoni. Għandu jiġi enfasizzat li din il-possibbiltà biex jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit biex tiġi pprovduta l-informazzjoni ma tapplikax għall-informazzjoni dwar it-taħlita ta’ fjuwils, iżda tikkonċerna biss l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra annwali relatati.

Fis-sistemi tat-tisħin jew tat-tkessiħ distrettwali fejn il-klijenti għandhom l-għażla li jagħżlu prodotti “ekoloġiċi” partikolari li jinbiegħu bħala li joriġinaw minn taħlita ta’ fjuwils partikolari (eż. sorsi tal-enerġija kompletament rinnovabbli) jew b’impronta tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra partikolari li jkunu differenti mill-medja tas-sistema, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evitat li jkun hemm għadd doppju u informazzjoni tal-konsumaturi qarrieqa. Kwalunkwe tali bejgħ għandu jiġi eskluż meta tiġi kkalkolata l-medja tat-taħlita ta’ fjuwils jew l-impronta tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-klijenti aħħarin. Jekk dan ma jsirx jista’ potenzjalment jikkostitwixxi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumaturi (43).

Il-punt 3(f) tal-Anness VIIa jirrikjedi li jsir tqabbil bejn il-konsum tal-utent u l-konsum ta’ utent aħħari medju normalizzat jew skont punti ta’ riferiment fl-istess kategorija ta’ utenti, u għalhekk l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw jew jiddelegaw ir-responsabbiltà biex jiġu żviluppati punti ta’ riferiment u kategoriji tal-utenti xierqa. Għall-kejl separat, il-fornituri tas-servizz tal-kejl separat jistgħu jagħmlu punti ta’ riferiment disponibbli abbażi ta’ data mill-bini fil-portafolji tagħhom. Għall-kontijiet elettroniċi, tali tqabbil jista’ jsir disponibbli online u mbagħad għandu jiġi mmarkat fil-kontijiet stess. Għall-kontijiet li jiġu pprovduti f’format stampat, it-tqabbil għandu naturalment jiġi inkluż fil-kont attwali, bħalma huwa l-każ għal elementi oħra li għandhom jiġu inklużi.

9.3.2.   Kontijiet mhux ibbażati fuq il-konsum reali/il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin

Bħalissa hija prattika komuni (mill-inqas fis-sitwazzjonijiet fejn ma jkunux disponibbli apparati li jinqraw mill-bogħod) li kwalunkwe kont regolari/subannwali jiġi bbażat fuq l-istimi tar-rata fissa tal-konsum annwali. Tali kontijiet ma jeħtieġx li jinkludu l-elementi kollha elenkati hawn fuq, iżda għandhom “jinkludu spjegazzjoni ċara u li tinftiehem ta’ kif l-ammont stipulat fil-kont ġie kkalkulat, u tal-inqas l-informazzjoni msemmija fil-punti (d) u (e)” tal-punt 3 tal-Anness VIIa. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw ukoll f’sitwazzjonijiet fejn il-kontijiet qatt ma jkunu bbażati fuq il-konsum reali/il-qari mill-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin. Dan se jkun il-każ għall-utenti aħħarin individwali f’binjiet b’aktar minn appartament u użu wieħed li ma jitkejlux b’mod separat, u fejn l-ispejjeż tal-enerġija jingħaddu lill-utenti aħħarin permezz ta’ imposti rikorrenti jew kontabbiltà tal-ispiża għat-tisħin ibbażati esklussivament fuq parametri oħra bħall-erja tal-art, il-volum, eċċ.


(1)  Id-Direttiva (UE) 2018/2002.

(2)  Ara l-Artikoli 70 u 73 tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(3)  SWD(2013) 448 final, Brussell, is-6 ta’ Novembru 2013, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1416394987283&uri=SWD:2013:448:FIN.

(4)  B’mod partikolari, il-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 19-26, 50-54, u 56 tan-nota tal-2013 huma rilevanti wkoll għad-dispożizzjonijiet ġodda li jkopru l-enerġija termali.

(5)  “Guidelines on good practice in cost-effective cost allocation and billing of individual consumption of heating, cooling and domestic hot water in multi-apartment and multi-purpose buildings” (Linji Gwida dwar prattiki tajba f’allokazzjoni tal-ispiża u kontijiet koseteffiċjenti tal-konsum individwali tat-tisħin, tat-tkessiħ u tal-ilma sħun domestiku f’binjiet b’aktar minn appartament u użu wieħed), empirica GmbH — Riċerka dwar il-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija, Simon Robinson, Georg Vogt, Diċembru 2016 https://ec.europa.eu/energy/en/studies/specific-guidance-sub-metering-thermal-energy-multi-unit-buildings-implementation-articles-9.

(6)  Fl-Artikolu 2(23) tal-EED, klijent aħħari huwa ddefinit bħala “persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-enerġija għall-użu aħħari tagħha stess”.

(7)  Meta mqabbel mal-Artikolu 9, l-Artikolu 9a ma jirreferix għal arloġġi “individwali”. Din id-differenza ma tibdilx il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit u hija maħsuba biss biex issaħħaħ id-distinzjoni aktar ċara bejn il-kejl tal-konsum u l-kejl separat tal-konsum u bejn il-klijenti aħħarin u l-utenti aħħarin. Fl-EED riveduta, it-terminu “individwali” jintuża l-aktar fil-kuntest tal-kejl separat tal-konsum.

(8)  Din is-sitwazzjoni mhijiex daqshekk komuni iżda tiġri. Is-sitwazzjoni aktar komuni hija li jkun hemm diversi utenti aħħarin iżda klijent aħħari wieħed biss — ara wkoll it-Taqsima 7.1.

(9)  Għandu jiġi nnotat li r-responsabbiltà għall-installazzjoni ta’ tali arloġġi fil-livell tal-bini m’għandhiex tkun tal-kumpanija tat-tisħin distrettwali iżda pjuttost tas-sid jew tal-maniġer tal-binjiet.

(10)  It-tisħin distrettwali mhuwiex iddefinit fl-EED, iżda skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli dan ifisser “id-distribuzzjoni ta’ enerġija termali f’forma ta’ fwar, [jew] ilma sħun minn sors ta’ produzzjoni ċentrali permezz ta’ network lill-bini jew siti multipli, għall-użu ta’ tisħin jew tkessiħ ta’ spazju jew proċess”

(11)  Peress li l-enerġija termali li toriġina minn sors taħt l-art ġeotermali fil-baxx x’aktarx ikollha temperaturi aktar baxxi li bihom mhijiex utli direttament (sakemm ma tkunx ikkombinata ma’ pompa tas-sħana) għal użi tipiċi tal-enerġija (tisħin tal-post, tħejjija għall-ilma sħun domestiku, tisħin tul il-proċessi), wieħed jista’ jargumenta li din m’għandhiex neċessarjament titqies bħala tisħin distrettwali jew “sors” ta’ “tisħin” jew ilma sħun domestiku”. B’rabta mal-Artikolu 9a(2), tali interpretazzjoni hija msaħħa aktar jekk kwalunkwe pompa tas-sħana li tintuża (biex tagħmel l-enerġija termali mis-sors taħt l-art utli) titħallas b’mod individwali, minħabba li, jekk dan ikun il-każ, komponent kritiku tas-servizz tat-tisħin ma joriġinax minn sors ċentrali.

(12)  B’dawn il-kundizzjonijiet, wieħed jista’ jargumenta li m’hemmx provvista netta ta’ kesħa mibjugħa mill-operatur tas-sistema iżda użu temporanju ta’ faċilità ta’ ħżin li tintuża biex tipprovdi s-sħana f’perjodi aktar kiesħa.

(13)  Okkupanti jistgħu jkunu unitajiet domestiċi, kumpaniji jew kwalunkwe entità oħra intitolata biex tokkupa l-bini kkonċernat.

(14)  L-okkupanti li għandhom kuntratti individwali u diretti mal-fornitur tal-enerġija għandhom tali drittijiet abbażi tal-fatt li huma klijenti aħħarin (jiġifieri persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jixtru l-enerġija kkonċernata għall-użu aħħari finali tagħhom) skont l-Artikolu 9a, 10a u 11a.

(15)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 4.

(16)  Ara Para 25 fi SWD(2013) 448 final.

(17)  Għal diskussjoni u analiżi tal-prinċipji dwar l-allokazzjoni tal-ispiża għat-tisħin, ara pereżempju Castellazzi, L., “Analysis of Member States’ rules for allocating heating, cooling and hot water costs in multi-apartment/purpose buildings supplied from collective systems— Implementation of EED Article 9(3)” (Analiżi tar-regoli tal-Istati Membri dwar l-allokazzjoni tal-ispiża għat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun f’binjiet b’aktar minn appartament/użu wieħed fornuti minn sistemi kollettivi — L-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-EED), EUR 28630 EN, il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017, ISBN 978-92-7969286-4, doi:10.2760/40665, JRC106729 https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/analysis-member-states-rules-allocating-heating-cooling-and-hot-water-costs-multi-apartmentpurpose.

(18)  Għandu jiġi nnotat li r-rekwiżit japplika mingħajr distinzjoni għall-prevalenza tal-kejl separat tal-konsum, u li r-regoli għandhom ikopru wkoll sitwazzjonijiet fejn id-data individwali għall-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin ma tkunx disponibbli minħabba li jkun instab li l-kejl separat tal-konsum ma jkunx teknikament fattibbli jew kosteffettiv.

(19)  Ara l-Kawżi C-708/17 u C-725/17: http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?docid=200142&text=&dir=&doclang=MT&part=1&occ=first&mode=DOC&pageIndex=0&cid=5705953 u http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?text=&docid=200154&pageIndex=0&doclang=MT&mode=req&dir=&occ=first&part=1&cid=1928887.

(20)  http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?text=&docid=213510

(21)  Ara t-taqsima 3, p. 26 tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni (SWD(2016)405 final).

(22)  F’bosta każijiet l-installazzjoni ta’ teknoloġiji li jinqraw waqt il-mixi jew is-sewqan minn ħdejhom tista’ tinqara “tassew” mill-bogħod billi tiġi installata “gateway” waħda jew aktar fil-bini. Tali gateways jiġbru sinjali mill-apparati u jittrażmettuhom permezz tal-internet jew sistemi tat-telekomunikazzjoni lis-sistemi tad-data tal-fornituri tas-servizz.

(23)  Ara t-taqsima 6.5 ta’ EN834 u t-taqsima 6.4 ta’ EN835.

(24)  L-Artikoli 9a, 9b, 9c u 10a li ġew miżjuda mid-Direttiva (UE) 2018/2002 jaqgħu taħt il-firxa tal-“Artikoli 7 sa 11”. Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku temenda wkoll l-Artikolu 13 tal-EED biex jiġi żgurat li l-Artikolu 11a jaqa’ wkoll taħt il-firxa msemmija f’dak il-paragrafu.

(25)  Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13), kif emendata.

(26)  Jiġifieri, ħlief fejn eċċezzjonijiet speċifiċi jkunu ġġustifikati u ddokumentati kif xieraq, ara t-taqsima 6.4.

(27)  L-Artikolu 2, punt 23 tal-EED.

(28)  Ara para 9 fi SWD(2013) 448 final.

(29)  F’kuntest ta’ kejl separat tal-konsum, xi kultant dan jissejjaħ ukoll “allokazzjoni tal-ispiża għat-tisħin”.

(30)  It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) jiddikjara li “[d]an l-obbligu jista’, fejn Stat Membru jipprevedi dan, ħlief fil-każ ta’ konsum b’kejl separat tal-konsum ibbażat fuq allokaturi tal-ispiża għat-tisħin taħt l-Artikolu 9b, jitwettaq minn sistema ta’ qari proprju regolari mill-klijent aħħari jew mill-utent aħħari fejn huma jikkomunikaw il-qari mill-arloġġ tagħhom. Huwa biss fejn il-klijent aħħari jew l-utent aħħari ma jkunx ipprovda qari mill-arloġġ għal perjodu partikolari ta’ kontijiet li l-kontijiet għandhom ikunu bbażati fuq konsum stmat jew rata fissa.”

(31)  L-Artikolu 2(24) tal-EED jiddefinixxi “fornitur ta’ servizz tal-enerġija” bħala persuna fiżika jew ġuridika li twassal servizzi ta’ enerġija jew miżuri oħra għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija f’faċilità jew f’bini ta’ klijent aħħari.

(32)  Dan jinkludi talbiet għall-ħlasijiet ta’ imposti rikorrenti li jinkludu spejjeż tal-enerġija speċifikati fil-binjiet tat-tip imsemmija fl-Artikolu 9b(1) meta jintwera li l-kejl separat tal-konsum mhuwiex kosteffettiv jew teknikament fattibbli.

(33)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1). http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/2016-05-04.

(34)  Ara C-294/18 http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?docid=203750&text=&dir=&doclang=MT&part=1&occ=first&mode=DOC&pageIndex=0&cid=10582579.

(35)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Nota ta’ gwida dwar l-Artikoli 9-11 dwar l-informazzjoni dwar il-kejl tal-konsum u l-kontijiet, l-ispiża tal-aċċess għal informazzjoni dwar il-kejl tal-konsum u l-kontijiet, para. 50-52 (SWD/2013/0448 final).

(36)  L-użu ta’ “klijenti aħħarin” hawnhekk minflok ta’ “utenti aħħarin” jirrifletti l-fatt li l-EED ma teħtieġx li l-konsumaturi b’kejl separat tal-konsum ikollhom id-dritt li jagħżlu li jirċievu kontijiet elettroniċi, ara t-taqsima 7.6. F’bini b’kejl separat tal-konsum, il-klijent aħħari għall-bini jista’ jagħżel li jirċievi kontijiet elettroniċi u b’hekk ikun intitolat għal informazzjoni subannwali kull tliet xhur, iżda dan ma jimplikax awtomatikament li l-okkupanti individwali tal-bini (li huma utenti aħħarin iżda mhux klijenti aħħarin) huma intitolati li jirċievu tali informazzjoni aktar minn darbtejn fis-sena qabel l-1 ta’ Jannar 2022.

(37)  F’mill-inqas żewġ każijiet, dan ma sarx b’mod konsistenti fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha. Il-Kummissjoni tqis li għandha tinħareġ rettifika formali biex jiġu indirizzati dawn l-inkonsistenzi. L-intenzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni kienet ċara f’dan ir-rigward, ara l-inċiż 1.3.3 fit-taqsima 4.3.2 tal-valutazzjoni tal-impatt (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, SWD(2016)0405 final).

(38)  Bħal dawk elenkati hawnhekk: https://ec.europa.eu/consumers/odr/main/?event=main.adr.show2.

(39)  M’hemm l-ebda standard universali fir-rigward ta’ kif għandhom jiġu kkalkolati l-jiem tal-grad, u fin-nuqqas ta’ alternattivi aħjar, l-Istati Membri jaf ikunu jixtiequ jħeġġu jew jirrikjedu l-użu tal-metodoloġija li tintuża mill-Eurostat: Ara https://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/en/nrg_chdd_esms.htm (it-taqsima 3.4).

(40)  Minn kwalunkwe persuna li tkun responsabbli biex tinforma lill-klijenti b’kejl separat tal-konsum/lill-utenti aħħarin, skont id-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10a(3).

(41)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(42)  Dan huwa msemmi b’mod espliċitu fl-EED riveduta (ara wkoll it-taqsima 7.1). Fl-RED II, dan jista’ jiġi dedott mill-użu tat-terminu aktar ristrett “klijent” fl-Artikolu 24(2), li jindika x-xewqa tal-leġiżlaturi biex joħolqu differenza fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi inklużi fl-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 24(2).

(43)  Ara wkoll SWD(2016) 163 final, il-25 ta’ Mejju 2016: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Gwida dwar l-implimentazzjoni/l-Applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiki Kummerċjali Żleali.

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52016SC0163.


Top