Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D2172

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2172 tal-5 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mill-Ungerija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019

ST/14176/2019/INIT

ĠU L 329, 19.12.2019, p. 91–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/2172/oj

19.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/91


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2172

tal-5 ta’ Diċembru 2019

li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mill-Ungerija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill stabbilixxa, f’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-Trattat, li fl-2017 kien hemm devjazzjoni sinifikanti osservata mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju tal-Ungerija. Fid-dawl ta’ dik id-devjazzjoni sinifikanti li ġiet stabbilita, fit-22 ta’ Ġunju 2018 il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni (2), biex jirrakkomanda li l-Ungerija tieħu l-miżuri meħtieġa biex tindirizza dik id-devjazzjoni. Il-Kunsill sussegwentement stabbilixxa li l-Ungerija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva b’reazzjoni għal dik ir-Rakkomandazzjoni u fl-4 ta’ Diċembru 2018 ħareġ Rakkomandazzjoni riveduta (3). Il-Kunsill sussegwentement stabbilixxa li l-Ungerija lanqas ma ħadet azzjoni effettiva b’reazzjoni għal dik ir-Rakkomandazzjoni riveduta.

(2)

Fl-14 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill sab li fl-2018 reġa’ kien hemm devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-Ungerija. Fuq dik il-bażi, il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni (4) biex l-Ungerija tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett (5) ma taqbiżx it-3,3 % fl-2019 u l-4,7 % fl-2020, li jikkorrispondu għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % tal-prodott domestiku gross (PDG) fl-2019 u 0,75 % tal-PDG fl-2020. L-isforz rakkomandat għall-2020 tqies adegwat, dment li jkun hemm konformità mal-aġġustament mitlub fl-2019. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Ungerija tuża kull gwadann mhux previst għat-tnaqqis tad-defiċit, u qal li jenħtieġ li l-miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b’mod li jiffavorixxi t-tkabbir. Il-Kunsill stabbilixxa skadenża tal-15 ta’ Ottubru 2019 sa meta l-Ungerija kellha tirrapporta dwar l-azzjoni li tkun ħadet b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-14 ta’ Ġunju 2019.

(3)

Fis-26 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni wettqet missjoni ta’ sorveljanza msaħħa fl-Ungerija għall-fini ta’ monitoraġġ fuq il-post taħt l-Artikolu -11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Wara li ttrasmettiet ir-riżultati proviżorji tagħha lill-awtoritajiet Ungeriżi għall-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni rrapportat il-konklużjonijiet tagħha lill-Kunsill fl-20 ta’ Novembru 2019. Dawk il-konklużjonijiet ġew ippubblikati. Ir-rapport tal-Kummissjoni sab li l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom l-intenzjoni li jżommu l-mira tad-defiċit nominali tal-2019 ta’ 1,8 % tal-PGD kif stabbilit fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2019. Għall-2020, l-awtoritajiet Ungeriżi rrevedew l-mira tad-defiċit għal 1 % tal-PDG, u b’hekk għamluha aktar ambizzjuża mill-mira ta’ 1,5 % tal-PDG indikata fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2019. B’hekk, l-awtoritajiet Ungeriżi qed jippjanaw li jaġixxu fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-14 ta’ Ġunju 2019 fir-rigward tas-sena 2020 biss.

(4)

Fil-15 ta’ Ottubru 2019, l-awtoritajiet Ungeriżi ppreżentaw rapport dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019. Minkejja l-iżviluppi makroekonomiċi u fiskali aktar favorevoli s’issa fl-2019, f’dak ir-rapport, l-awtoritajiet Ungeriżi qed iżommu l-mira tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2019 ta’ 1,8 % tal-PDG fl-2019. Għall-2020, l-awtoritajiet Ungeriżi jikkonfermaw il-mira ta’ defiċit nominali ta’ 1,0 % tal-PDG, f’konformità mal-baġit tal-2020, u ta’ 0,5 % tal-PDG aħjar mill-mira inkluża fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2019. Ir-rapport ifakkar fir-riżerva għolja (1 % tal-PDG) inkluża fil-mira tad-defiċit tal-2020, li hija mmirata lejn l-immaniġġjar tar-riskji esterni u li tista’ tintefaq biss jekk il-mira tad-defiċit tkun mistennija tintlaħaq. Ir-rapport jelenka l-miżuri li jżidu d-defiċit li jinsabu fil-“Pjan ta’ Azzjoni għall-Protezzjoni Ekonomika” li l-gvern Ungeriż adotta fit-30 ta’ Mejju 2019, li għandhom l-għan li jsostnu t-tkabbir fis-snin li ġejjin b’rata ta’ żewġ punti perċentwali ogħla mill-medja tal-Unjoni. Il-firxa wiesgħa ta’ programmi ekonomiċi elenkati fir-rapport tibqa’ fil-biċċa l-kbira mhux kwantifikata u r-rapport ma jinkludix xi projezzjoni baġitarja għall-2019 u l-2020. Għalhekk, ir-rapport ma jikkonformax mar-rekwiżit ta’ rapportar rakkomandat mill-Kunsill.

(5)

Fl-2019, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2019, it-tkabbir fl-infiq pubbliku primarju nett huwa projettat li jkun 6,8 %, sew ogħla mir-rata rakkomandata ta’ 3,3 % (devjazzjoni ta’ 1,3 % tal-PDG). Il-bilanċ strutturali huwa mistenni li jitjieb b’0,5 % tal-PDG, kontra t-titjib rakkomandat ta’ 1,0 % tal-PDG (devjazzjoni ta’ 0,5 % tal-PDG). Għalhekk, iż-żewġ pilastri jippuntaw lejn devjazzjoni mill-aġġustament rakkomandat. Il-qari tal-parametru referenzjarju tan-nefqa huwa affettwat b’mod negattiv mill-użu ta’ deflatur tal-PDG aktar baxx sottostanti għal dak l-indikatur meta mqabbel mal-istimi attwali. Barra minn hekk, il-livellar tal-investiment iffinanzjat fuq skala nazzjonali iħalli impatt marġinali u negattiv fuq il-qari tal-parametru referenzjarju tan-nefqa. Il-bilanċ strutturali, min-naħa tiegħu, huwa affettwat b’mod pożittiv mill-istima ogħla tat-tkabbir potenzjali sottostanti għal dak l-indikatur iżda li huwa affettwat b’mod negattiv minn tnaqqis fid-dħul. Meta jitqiesu dawk il-fatturi, il-valutazzjoni kumplessiva tikkonferma devjazzjoni mill-aġġustament rakkomandat fl-2019.

(6)

Fl-2020, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2019, it-tkabbir fl-infiq pubbliku primarju nett huwa projettat li jkun 7,5 %, sew ogħla mir-rata rakkomandata ta’ 4,7 % (devjazzjoni ta’ 1,0 % tal-PDG). Il-bilanċ strutturali huwa mistenni jitjieb b’1,2 % tal-PDG, 0,4 punti perċentwali aktar mill-isforz ta’ 0,75 % tal-PDG rakkomandat mill-Kunsill. Għalhekk, il-parametru referenzjarju tan-nefqa jindika riskju ta’ devjazzjoni mill-aġġustament meħtieġ filwaqt li l-bilanċ strutturali jindika konformità, b’diskrepanza relattivament kbira. L-investiment pubbliku ilu jiżdied b’mod kostanti f’dawn l-aħħar snin biex jilħaq livell ta’ 6,4 % tal-PDG fl-2019, bil-bosta l-ogħla fl-Unjoni. F’dan il-kuntest, it-tnaqqis ippjanat fl-2020 jitqies bħala normalizzazzjoni aktar fit-tul tar-rata tal-investiment pubbliku. Filwaqt li t-tnaqqis fl-investiment huwa rifless b’mod sħiħ fil-bidla tal-bilanċ strutturali, il-profil livellat tal-investiment fil-parametru referenzjarju tan-nefqa jirriżulta f’indikazzjoni negattiva żżejjed tal-isforz fiskali mogħti mill-parametru referenzjarju tan-nefqa. Il-parametru referenzjarju tan-nefqa huwa wkoll affettwat b’mod negattiv mill-użu ta’ deflatur tal-PDG aktar baxx meta mqabbel mal-istimi attwali. Meta jitqiesu dawn il-fatturi, il-parametru referenzjarju tan-nefqa jindika konformità mar-rekwiżit. Fl-istess ħin, il-bilanċ strutturali huwa influwenzat b’mod pożittiv minn stima ta’ punt ogħla tat-tkabbir potenzjali tal-PDG sottostanti għall-kalkolu tiegħu meta mqabbel mal-medja fuq terminu medju sottostanti għall-parametru referenzjarju tan-nefqa. Meta jitqiesu dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-valutazzjoni kumplessiva tikkonkludi li l-Ungerija se tasal għall-aġġustament rakkomandat fl-2020.

(7)

Ir-riżultati ta’ hawn fuq iwasslu għall-konklużjoni li r-reazzjoni tal-Ungerija għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019 ma kinitx biżżejjed. L-isforz fiskali mhuwiex suffiċjenti biex jiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma teċċedix 3,3 % fl-2019, korrispondenti għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % tal-PDG, filwaqt li fl-2020 l-isforz fiskali pjanat huwa kumplessivament konsistenti mal-aġġustament rakkomandat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Ungerija ma ħaditx azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINTILÄ


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-Ungerija (ĠU C 223, 27.6.2018, p. 1).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018 bil-għan li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-Ungerija (ĠU C 460, 21.12.2018, p. 4).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-Ungerija (ĠU C 210, 21.6.2019, p. 4).

(5)  In-nefqa pubblika primarja netta hija magħmula min-nefqa pubblika totali bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni kompletament korrisposti mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil mhux diskrezzjonarju fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni tal-kapital fiss gross iffinanzjata fil-livell nazzjonali hija mifruxa fuq perjodu ta’ erba’ snin. Il-miżuri diskrezzjonali b’rabta mad-dħul jew ma’ żidiet fid-dħul preskritti bil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta’ darba, kemm min-naħa tad-dħul kif ukoll min-naħa tan-nefqa, huma esklużi.


Top