Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1959

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1959 tas-26 ta’ Novembru 2019 li ma tapprovax il-fosfat tal-fidda tas-sodju tal-idroġenu taż-żirkonju bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 2 u 7 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 306, 27.11.2019, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1959/oj

    27.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 306/40


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1959

    tas-26 ta’ Novembru 2019

    li ma tapprovax il-fosfat tal-fidda tas-sodju tal-idroġenu taż-żirkonju bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 2 u 7

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi eżistenti li għandhom jiġu vvalutati biex possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Dik il-lista tinkludi l-fosfat tal-fidda tas-sodju tal-idroġenu taż-żirkonju (Nru KE: 422-570-3, Nru CAS: 265647-11-8).

    (2)

    Il-fosfat tal-fidda tas-sodju tal-idroġenu taż-żirkonju ġie evalwat għall-użu fil-prodotti tat-tip ta’ prodott 2 , diżinfettanti u algaċidi li mhumiex maħsuba għall-applikazzjoni diretta fuq il-bnedmin jew l-annimali, u fil-prodotti tat-tip ta’ prodott 7, preservattivi għall-pellikoli, kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

    (3)

    L-Iżvezja nħatret bħala l-Istat Membru relatur u l-awtorità kompetenti tagħha ssottomettiet ir-rapporti tal-valutazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi fit-12 ta’ Ġunju 2017.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1062/2014, il-Kumitat tal-Prodotti Bijoċidali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (3) adotta l-opinjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi fis-17 ta’ Ottubru 2018, filwaqt li qies il-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.

    (5)

    Skont dawk l-opinjonijiet, il-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 2 u 7 li fihom il-fosfat tal-fidda tas-sodju tal-idroġenu taż-żirkonju jistgħu ma jkunux mistennija li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 peress li ma ntwerietx effikaċja suffiċjenti.

    (6)

    Filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, mhuwiex xieraq li l-fosfat tal-fidda tas-sodju tal-idroġenu taż-żirkonju jiġi approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 2 u 7, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 mhumiex issodisfati.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-fosfat tal-fidda tas-sodju tal-idroġenu taż-żirkonju (Nru KE: 422-570-3, Nru CAS: 265647-11-8) mhuwiex approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 2 u 7.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).

    (3)  Opinjoni tal-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPC) dwar l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva l-fosfat tal-fidda tas-sodju tal-idroġenu taż-żirkonju, Tip ta’ prodott: 2, ECHA/BPC/211/2018, adottat fis-17 ta’ Ottubru 2018; Opinjoni tal-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPC) dwar l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva l-fosfat tal-fidda tas-sodju tal-idroġenu taż-żirkonju, Tip ta’ prodott: 7, ECHA/BPC/214/2018, adottat fis-17 ta’ Ottubru 2018.


    Top