This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D1957
Commission Implementing Decision (EU) 2019/1957 of 25 November 2019 on the assessment made pursuant to Regulation (EU) 2018/1139 of the European Parliament and of the Council as regards an exemption from certain substantive requirements laid down in Commission Implementing Regulation (EU) No 923/2012 granted by the United Kingdom (notified under document C(2019) 8345) (Only the English text is authentic) (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni Ta’ Implimentazzjoni Tal-Kummissjoni (UE) 2019/1957 tal-25 ta’ Novembru 2019 dwar il-valutazzjoni magħmula skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni minn ċerti rekwiżiti sostantivi stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 mogħtija mir-Renju Unit (notifikata bid-dokument C(2019) 8345) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni Ta’ Implimentazzjoni Tal-Kummissjoni (UE) 2019/1957 tal-25 ta’ Novembru 2019 dwar il-valutazzjoni magħmula skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni minn ċerti rekwiżiti sostantivi stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 mogħtija mir-Renju Unit (notifikata bid-dokument C(2019) 8345) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 306, 27.11.2019, p. 35–37
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
27.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 306/35 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1957
tal-25 ta’ Novembru 2019
dwar il-valutazzjoni magħmula skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni minn ċerti rekwiżiti sostantivi stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 mogħtija mir-Renju Unit
(notifikata bid-dokument C(2019) 8345)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 71(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fl-20 ta’ Settembru 2019, ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) u lill-Istati Membri l-oħra, li kien ta eżenzjoni, skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139, lill-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru li jittajru fir-Renju Unit f’għoli ta’ 3 000 pied jew inqas ’il fuq mil-livell medju tal-baħar u fl-ispazju tal-ajru tal-Klassi D, mir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt SERA.5005(a) (regoli tat-titjir viżwali (VFR)) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 (2). L-eżenzjoni kif innotifikata tispeċifika fost affarijiet oħra li l-eżenzjoni identika preċedenti, li kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fis-17 ta’ April 2019, hija rrevokata b’effett mit-12 ta’ Settembru. |
(2) |
L-eżenzjoni ta’ hawn fuq hija permessa meta inġenju tal-ajru jtir fil-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) binhar biss, (ii) b’veloċità li, skont l-indikatur tal-veloċità fl-ajru tiegħu, hija ta’ 140 knots jew inqas, biex ikollu opportunità adegwata li josserva fil-ħin traffiku ieħor u kwalunkwe ostaklu sabiex tiġi evitata kolliżjoni, (iii) mingħajr sħab u bis-superfiċe tidher, u jekk l-inġenju tal-ajru mhuwiex ħelikopter, f’viżibbiltà tat-titjir ta’ mill-inqas ħames (5) km, jew jekk l-inġenju tal-ajru huwa ħelikopter, f’viżibbiltà tat-titjir ta’ mill-inqas 1 500 m. |
(3) |
Ir-Renju Unit ta din l-eżenzjoni biex jiffaċilita t-tranżizzjoni sikura lejn ir-rekwiżiti futuri tal-ispazju tal-ajru kif ifformulati fil-pjan ta’ azzjoni ta’ livell għoli revedut tiegħu u b’mod partikolari sabiex jagħti ż-żmien biex jiġu implimentati l-bidliet proċedurali fis-servizz tat-traffiku tal-ajru li huma meħtieġa biex jiġu applikati b’mod sikur ir-rekwiżiti SERA rilevanti u biex tiġi kkunsidrata l-modernizzazzjoni tal-ispazju tal-ajru. Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit ipprovda deskrizzjoni ta’ diversi miżuri ta’ mitigazzjoni li jakkumpanjaw lil dik l-eżenzjoni. |
(4) |
L-eżenzjoni ngħatat għall-perjodu mit-12 ta’ Settembru 2019 sal-25 ta’ Marzu 2020. Mill-2014 ’l hawn, ir-Renju Unit ta tmien eżenzjonijiet mill-punt SERA.5005(a) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 b’durata kumulattiva ta’ wieħed u sittin xahar (3). Abbażi tal-prinċipju li skontu regoli ġodda japplikaw immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun feġġet taħt ir-regoli l-antiki, il-perjodi ta’ tmien xhur imsemmija fl-Artikolu 71(2) tar-Regolament (UE) 2018/1139 iridu jiġu kkalkulati billi jiġu inklużi perjodi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament. Filwaqt li kkunsidrat dan, l-Aġenzija vvalutat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 71(1) ta’ dak ir-Regolament ġewx issodisfati u kkonkludiet li xi wħud minnhom ma ġewx issodisfati. |
(5) |
Il-Kummissjoni taqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija. |
(6) |
Skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139, Stat Membru jista’ jagħti eżenzjoni biss jekk din tingħata lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika soġġetta għal dan ir-Regolament “f’każ ta’ ċirkostanzi urġenti mhux prevedibbli li jkunu qed jaffettwaw lil dawk il-persuni jew fil-każ tal-ħtiġijiet operazzjonali urġenti ta’ dawk il-persuni”, u sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-punti (a) sa (d) ta’ dak l-Artikolu. |
(7) |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eżenzjoni ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ “ħtiġijiet operazzjonali urġenti”. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-għoti ripetittiv tal-istess tip ta’ eżenzjoni mit-13 ta’ Novembru 2014’l hawn. Ir-ripetizzjoni kontinwa tal-eżenzjoni tindika li d-durata tagħha mhijiex limitata u turi li l-objettiv reali huwa li tinżamm deroga fit-tul mill-punt SERA.5005(a) minflok tiġi indirizzata ħtieġa operazzjonali urġenti speċifika ta’ persuna li għaliha japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, il-fatt li r-Renju Unit iddikjara fin-notifika tiegħu li ma imponiex id-distanza minima mis-sħab fl-ispazju tal-ajru tal-Klassi D u li kien iddikjara li kien se jieħu azzjoni biex jikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 fit-tul ma jbiddilx din il-konklużjoni. |
(8) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ma hemm l-ebda ħtieġa li l-Kummissjoni tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet tal-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139 ġewx issodisfati. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva dan li ġej. |
(9) |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eżenzjoni ma tissodisfax il-kundizzjoni tal-punt (a) tal-Artikolu 71 (1) tar-Regolament (UE) 2018/1139, minħabba li l-ħtiġijiet li wasslu għal dik l-eżenzjoni jistgħu jiġu indirizzati b’mod adegwat b’mezzi oħra li jikkonformaw mar-Regolament. Fil-fatt, minkejja dak li ġie ddikjarat mir-Renju Unit, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 jippermetti li l-ħtiġijiet jiġu ssodisfati b’mod adegwat mingħajr ma tingħata l-eżenzjoni. Skont dak ir-Regolament, it-titjiriet jistgħu jsiru bħala “titjiriet VFR speċjali” kif previst fil-punt SERA.5010 (VFR speċjali f’żoni ta’ kontroll) bl-approvazzjoni mill-kontroll tat-traffiku tal-ajru biex joperaw f’żona ta’ kontroll f’kundizzjonijiet meteoroloġiċi inferjuri mill-kundizzjonijiet meteoroloġiċi viżwali. Alternattivament, kull fejn ikun hemm il-ħtieġa li fi spazju tal-ajru partikolari jiġu akkomodati operazzjonijiet ta’ klassi kompatibbli ma’ klassi inqas restrittiva, jistgħu jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet bħal pereżempju: ir-riklassifikazzjoni tal-ispazju tal-ajru kkonċernat, jew id-disinn mill-ġdid tal-volum tal-ispazju tal-ajru kkonċernat billi jiġu ddefiniti restrizzjonijiet jew riżervi tal-ispazju tal-ajru, jew sottovolumi ta’ klassijiet inqas restrittivi tal-ispazju tal-ajru (eż. kurituri), kif previst fil-punt SERA.6001(a). |
(10) |
Fl-aħħar nett, l-eżenzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti għas-sikurezza u mhijiex konformi mar-rekwiżiti essenzjali tar-Regolament (UE) 2018/1139. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għad-Deċiżjoni preċedenti tagħha (il-premessi 11-13) li tikkonċerna eżenzjoni mill-punt SERA.5005(a) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 (4). |
(11) |
Minħabba f’hekk, l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni nnotifikata fis-17 ta’ April 2019 taffettwa ħażin il-livell ta’ sikurezza, u l-eżenzjoni ma tikkonformax mal-objettivi ġenerali tas-sikurezza tar-Regolament (UE) 2018/1139. |
(12) |
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, skont id-Deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tikkonċerna eżenzjoni mill-punt SERA.5005(a) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 (5), ir-Renju Unit kellu jirrevoka l-eżenzjoni, u mhux jestendi ż-żmien għall-applikazzjoni tagħha kif għamel. |
(13) |
Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-Artikolu 50(3) tat-TUE, it-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat li ħiereġ mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara n-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, ma jiddeċidix unanimament li jestendi dan il-perjodu. Il-perjodu ġie estiż tliet darbiet, l-aħħar darba bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 (6), li estendietu sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar 2020. |
(14) |
Fil-11 ta’ Jannar 2019, permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/274 (7) , il-Kunsill awtorizza l-iffirmar tal-ftehim dwar il-ħruġ miftiehem fil-livell tan-negozjaturi fl-14 ta’ Novembru 2018. L-Unjoni kkonfermat li lesta li tipproċedi malajr bl-iffirmar u bil-konklużjoni tiegħu fil-każ li l-Parlament tar-Renju Unit japprova l-ftehim dwar il-ħruġ. Ir-Raba’ Parti tal-ftehim dwar il-ħruġ (8) tipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim, li matulu d-dritt tal-Unjoni jkompli japplika għar-Renju Unit u fih kif stabbilit fil-ftehim. |
(15) |
Fi kwalunkwe każ, din id-Deċiżjoni tapplika biss sakemm id-dritt tal-Unjoni japplika għar-Renju Unit u fih, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-eżenzjoni mir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt SERA.5005(a) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012, mogħtija mir-Renju Unit u nnotifikata lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u lill-Istati Membri l-oħra fl-20 ta’ Settembru 2019, li tippermetti li l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi viżwali minimi, id-distanza minima mis-sħab, u r-regoli tat-titjir viżwali ma jikkonformawx mar-rekwiżit li tinżamm distanza xierqa mis-sħab, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 71(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Violeta BULC
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1).
(3) E 4869, E 4919, E 4761, E 4312, E 4163, E 4073, E 3982, E3960.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 7654 final tat-30 ta’ Novembru 2016 dwar ir-rifjut ta’ permess lir-Renju Unit biex jagħti eżenzjoni minn ċerti rekwiżiti sostantivi stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012.
(5) Id-Deċiżjoni C(2016) 7654 final.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tad-29 ta’ Ottubru 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 278I, 30.10.2019, p. 1).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/274 tal-11 ta’ Jannar 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 47 I, 19.2.2019, p. 1).
(8) Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU C 144 I, 25.4.2019, p. 1).