Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1915

    Deċiżjoni Tal-Kunsill (UE) 2019/1915 tal-14 ta’ Ottubru 2019 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi

    ST/12361/2019/INIT

    ĠU L 297, 18.11.2019, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1915/oj

    18.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 297/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1915

    tal-14 ta’ Ottubru 2019

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-28 ta' Frar 2011, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati mar-Repubblika tal-Belarussja dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi ("il-Ftehim"), b'mod parallel man-negozjati ta' Ftehim dwar ir-riammissjoni ta' persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni. In-negozjati ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim permezz ta' skambju ta' posta elettronika fis-17 ta' Ġunju 2019.

    (2)

    Fid-Dikjarazzjoni tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tas-7 ta' Mejju 2009, l-Unjoni u l-pajjiżi sħab esprimew l-appoġġ politiku tagħhom lejn il-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viża f'ambjent sikur u jaffermaw mill-ġdid l-intenzjoni tagħhom li jieħdu passi gradwali lejn reġim mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom fiż-żmien opportun.

    (3)

    L-iskop tal-Ftehim huwa li jiffaċilita, fuq il-bażi ta' reċiproċità, il-ħruġ ta' viżi għal soġġorn maħsub għal mhux aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta' 180 jum għaċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Belarussja.

    (4)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (1); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (5)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (2); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (6)

    F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (7)

    Il-Kunsill jenħtieġ li jiddeċiedi dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fid-dawl tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-sigurtà u l-integrità tas-sistema tal-Belarussja għall-ħruġ ta' passaporti diplomatiċi bijometriċi u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom.

    (8)

    Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat filwaqt li jiġu approvati d-Dikjarazzjonijiet Konġunti mehmuża mal-Ftehim,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi (3).

    Artikolu 2

    Id-Dikjarazzjonijiet Konġunti mehmuża mal-Ftehim għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa sabiex jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 4

    Il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sigurtà u l-integrità tas-sistema tal-Belarussja għall-ħruġ ta' passaporti diplomatiċi bijometriċi u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom, u għandha tikkomunika l-valutazzjoni tagħha lill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fid-dawl ta' tali valutazzjoni, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ Ottubru 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. LEPPÄ


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (3)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


    Top