Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1203

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1203 tat-12 ta' Lulju 2019 li tiddetermina li s-sospensjoni temporanja tad-dazju doganali preferenzjali mhijiex xierqa għal importazzjonijiet tal-banana li joriġinaw mill-Gwatemala

    C/2019/5193

    ĠU L 189, 15.7.2019, p. 73–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1203/oj

    15.7.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 189/73


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1203

    tat-12 ta' Lulju 2019

    li tiddetermina li s-sospensjoni temporanja tad-dazju doganali preferenzjali mhijiex xierqa għal importazzjonijiet tal-banana li joriġinaw mill-Gwatemala

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim”) introduċa mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana, li beda japplika provviżorjament għall-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali matul l-2013, u speċifikament għall-Gwatemala fl-1 ta' Awwissu 2013.

    (2)

    Il-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana, li huwa implimentat mir-Regolament (UE) Nru 20/2013, jistabbilixxi li ġaladarba jintlaħaq volum ta' skattar definit fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-banana friska (l-intestatura 0803 90 10 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta' Jannar 2012) minn wieħed mill-pajjiżi konċernati, il-Kummissjoni tadotta att ta' implimentazzjoni li jew jissospendi temporanjament id-dazji doganali preferenzjali applikati fuq l-importazzjonijiet tal-banana friska minn dak il-pajjiż jew jiddetermina li tali sospensjoni ma tkunx xierqa.

    (3)

    Fit-13 ta' Mejju 2019, l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-banana friska li toriġina mill-Gwatemala laħqu 78 133 tunellata u qabżu l-volum ta' skattar definit għall-importazzjonijiet ta' 72 500 tunnellata, kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 20/2013.

    (4)

    Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 20/2013, il-Kummissjoni qieset l-impatt tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-qagħda tas-suq tal-banana tal-Unjoni sabiex tiddeċiedi jekk id-dazju doganali preferenzjali jenħtieġx li jiġi sospiż. Il-Kummissjoni eżaminat l-effett tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-livell tal-prezzijiet fl-Unjoni, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn sorsi oħra u l-istabbiltà ġenerali tas-suq tal-banana friska fl-Unjoni.

    (5)

    L-importazzjonijiet ta' banana friska mill-Gwatemala kienu jirrappreżentaw biss 4,5 % tal-importazzjonijiet ta' banana friska fl-Unjoni suġġetti għall-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni tal-banana, meta nqabeż il-volum ta' skattar definit għall-importazzjonijiet għall-2019.

    (6)

    Fl-istess waqt, l-importazzjonijiet minn pajjiżi esportaturi kbar li għandhom Ftehim ta' Kummerċ Ħieles mal-Unjoni, speċjalment il-Kolombja, l-Ekwador u l-Costa Rica kienu jammontaw għal 26 %, 30 % u 27 % tal-volumi ta' skattar definiti tagħhom rispettivament. Sa issa, speċjalment l-importazzjonijiet mill-Costa Rica kienu aktar baxxi mis-snin ta' qabel. Il-kwantitajiet “mhux użati” fl-ambitu tal-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni, li jammontaw għal madwar 4,5 miljun tunnellata, huma sostanzjalment ogħla mill-importazzjonijiet totali mill-Gwatemala li jammontaw għal 78 133 tunnellata.

    (7)

    Il-prezz medju tal-importazzjonijiet tal-banana friska mill-Gwatemala kien ta' EUR 630/tunnellata għall-ewwel kwart tal-2019, li huwa 3,4 % irħas mill-prezz medju ta' 652 EUR/tunnellata għall-importazzjonijiet l-oħrajn ta' banana friska fl-Unjoni fl-istess perjodu. Fl-ewwel kwart tal-2018, il-prezz medju tal-importazzjoni tal-banana mill-Gwatemala kien 21,7 % aktar baxx mill-prezzijiet l-oħra.

    (8)

    F'dan il-kuntest, anki jekk il-prezz bl-ingrossa medju ta' EUR 970/tunnellata għall-banana ta' kull oriġini fl-ewwel kwart tal-2019 kien 7,6 % inqas mill-prezz korrispondenti fl-ewwel kwart tal-2018, jiġifieri EUR 970/tunnellata fl-ewwel kwart tal-2019 imqabbel ma' EUR 1 050/tunnellata fl-ewwel kwart tal-2018, il-prezz bl-ingrossa medju tal-banana prodotta fl-Unjoni fl-ewwel kwart tal-2019 kien 9,4 % ogħla milli kien fl-ewwel kwart tal-2018, jiġifieri EUR 1 111/tunnellata fl-ewwel każ imqabbel ma' EUR 1 007/tunnellata fit-tieni każ.

    (9)

    Peress li l-importazzjonijiet tal-banana mill-Gwatemala huma żgħar, ma kellhomx impatt fuq il-prezz tas-suq tal-banana tal-Unjoni. Għaldaqstant la hemm indikazzjoni li l-istabbiltà tas-suq tal-Unjoni kienet affettwata mill-importazzjonijiet tal-banana friska mill-Gwatemala li jeċċedu l-volum ta' skattar definit tal-importazzjoni għal kull sena, u lanqas ma hemm indikazzjoni li l-eċċess kellu xi impatt sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni.

    (10)

    Minbarra dan, ma hemm l-ebda indikazzjoni ta' xi theddida ta' deterjorament serju fis-suq tal-Unjoni jew ta' deterjorament serju fis-sitwazzjoni ekonomika fir-reġjuni periferiċi tal-Unjoni f'April 2019.

    (11)

    Is-sospensjoni tad-dazju doganali preferenzjali fuq l-importazzjonijiet tal-banana li toriġina mill-Gwatemala għalhekk ma tidhirx li hija xierqa f'dan l-istadju.

    (12)

    Jenħtieġ li jiġi mfakkar li fl-2018, l-importazzjonijiet mill-Gwatemala qabżu l-volum ta' skattar definit tal-importazzjonijiet għal kull sena fl-10 ta' Settembru u li, sa tmiem dik is-sena, laħqu livell ta' 150 elf tunnellata. Madankollu fl-analiżi sussegwenti tagħha l-Kummissjoni kkonkludiet li la dawn l-importazzjonijiet u lanqas l-importazzjonijiet mill-pajjiżi suġġetti għall-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni ma kkawżaw taqlib fis-suq tal-Unjoni.

    (13)

    Peress li l-volum ta' skattar għal kull sena diġà nqabeż f'Mejju 2019, u għalkemm l-importazzjonijiet totali mill-Gwatemala fis-suq tal-Unjoni huma baxxi, il-Kummissjoni se tkompli l-monitoraġġ tagħha f'dan ir-rigward u taf tadotta miżuri fi stadju aktar tard jekk dan ikun xieraq.

    (14)

    Skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) Nru 20/2013 din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ b'urġenza,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Is-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali preferenzjali fuq l-importazzjonijiet tal-banana friska kklassifikata taħt l-intestatura 0803 90 10 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea u li toriġina mill-Gwatemala mhijiex xierqa.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 17, 19.1.2013, p. 13.

    (2)  Il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (ĠU L 346, 15.12.2012, p. 3).


    Top