EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0327

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/327 tal-25 ta' Frar 2019 li tistipula miżuri biex tiġi aċċessata d-data fis-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)

C/2019/1220

ĠU L 57, 26.2.2019, p. 10–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/327/oj

26.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/10


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/327

tal-25 ta' Frar 2019

li tistipula miżuri biex tiġi aċċessata d-data fis-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (1), u b'mod partikolari l-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 stabbilixxa s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) bħala sistema li tirreġistra elettronikament il-ħin u l-post tad-dħul u l-ħruġ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jitħallew jidħlu għal soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri u li tikkalkula t-tul ta' żmien tas-soġġorn awtorizzat tagħhom.

(2)

L-EES għandha l-għan li ttejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, twaqqaf l-immigrazzjoni irregolari u tiffaċilita l-ġestjoni tal-flussi migratorji. Jenħtieġ li l-EES, b'mod partikolari, tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' kull persuna li ma tissodisfax jew li ma tkunx għadha tissodisfa l-kondizzjonijiet tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-EES tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra.

(3)

Qabel l-iżvilupp tal-EES huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri għall-iżvilupp u l-impliemntazzjoni teknika tal-EES.

(4)

Abbażi ta' dawn il-miżuri, jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzjonali tas-sistemi tal-informazzjoni fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja imbagħad tkun kapaċi tiddefinixxi d-disinn tal-arkitettura fiżika tal-EES inkluż l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni tagħha, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema u tiżviluppa l-EES.

(5)

Jenħtieġ li l-miżuri stabbiliti minn din id-Deċiżjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni teknika tal-EES jiġu kompletati mid-Dokument ta' Speċifikazzjonijiet Tekniċi u ta' Kontroll tal-Interface tal-EES li se jkun żviluppat mill-aġenzija Ewropea għall-ġestjoni operazzjonali tas-sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira fil-qasam ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(7)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, billi r-Regolament (UE) 2017/2226 jimxi fuq il-passi tal-acquis ta' Schengen, id-Danimarka, skont l-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, fit-30 ta' Mejju 2018, innotifikat id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2017/2226 fid-dritt nazzjonali tagħha. Għaldaqstant, id-Danimarka hija marbuta bid-dritt internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni.

(8)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(9)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(11)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (7), li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(12)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(13)

Fir-rigward ta' Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, it-tħaddim tal-EES jitlob l-għoti ta' aċċess passiv għall-VIS u li jitpoġġew fis-seħħ id-dispożizzjonijiet kollha tal-acquis ta' Schengen relatati mas-SIS skont id-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill. Dawk il-kondizzjonijiet jistgħu jiġu ssodisfati biss ladarba l-verifika skont il-proċedura ta' evalwazzjoni applikabbli ta' Schengen tkun tlestiet b'suċċess. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-EES titħaddem biss minn dawk l-Istati Membri li jissodisfaw dawk il-kondizzjonijiet sa ma jibdew l-operazzjonijiet tal-EES. Jenħtieġ li l-Istati Membri li ma jkunux qed joperaw l-EES mill-bidu nett tal-operazzjonijiet ikunu konnessi mal-EES skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) 2017/2226 ladarba jiġu ssodisfati dawk il-kondizzjonijiet kollha.

(14)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fl-20 ta' Lulju 2018.

(15)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fruntieri Intelliġenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Aċċess għall-EES mill-awtoritajiet nazzjonali

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandu jkollhom aċċess għall-EES biex jivverifikaw l-identità u r-reġistrazzjoni preċedenti taċ-ċittadini ta' pajjiż terz u biex jikkonsultaw id-data meħtieġa għall-qadi ta' dmirijiethom.

Għal dan il-għan, l-EES tippermetti li t-tiftix jiġi eżegwit permezz ta' data alfanumerika (data msemmija fl-Artikolu 16(1)(a), (b) u (c), l-Artikolu 16(2)(d) u l-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/2226) u data bijometrika (data msemmija fl-Artikolu 16(1)(f) u 17(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/2226).

Artikolu 2

Tiftix alfanumeriku

1.   Tiftix alfanumeriku msemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226

L-awtoritajiet tal-fruntieri għandu jkollhom aċċess biex ifittxu b'din id-data:

(a)

il-kunjom (isem il-familja); l-isem jew l-ismijiet (ismijiet mogħtija);

(b)

id-data tat-twelid; in-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet; is-sess;

(c)

it-tip u n-numru tad-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar;

(d)

id-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument jew dokumenti tal-ivvjaġġar.

Id-data kollha elenkata fl-ewwel subparagrafu għandha tintuża biex tinbeda tiftixa Jista' jsir tiftix bid-data elenkata taħt il-punt (a) b'mod impreċiż filwaqt għandu jsir tiftix bid-data l-oħra b'mod preċiż.

Is-CS-EES għandha tiżgura li jekk hemm riżultat ibbażat fuq id-data elenkata taħt il-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu, il-fajl korrispondenti għandu jiġi ritornat mis-sistema anke jekk ma jkun hemm ebda riżultat ibbażat fuq id-data elenkata taħt il-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu.

2.   Tiftix alfanumeriku msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2017/2226

L-awtoritajiet tal-viża ta' Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ iżda jopera l-EES għandu jkollu aċċess għat-tiftix b'din id-data

(a)

il-kunjom (isem il-familja); l-isem jew l-ismijiet (ismijiet mogħtija); id-data tat-twelid; in-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet; is-sess;

(b)

it-tip u n-numru tad-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar;

(c)

in-numru tal-istiker tal-viża għal soġġorn qasir, inkluż il-kodiċi bi tliet ittri tal-Istat Membru emittenti;

Tista' tintuża kwalunkwe kombinazzjoni tad-data elenkata fl-ewwel subparagrafu sakemm:

id-data tat-twelid u s-sess jintużaw flimkien ma' data oħra;

id-data ta' skadenza tal-validità tad-dokument jew tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tintuża flimkien man-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar.

Jista' jsir tiftix bid-data elenkata fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu b'mod impreċiż.

3.   Tiftix alfanumeriku msemmi fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226

L-awtoritajiet kompetenti tal-fruntieri għandu jkollhom aċċess biex ifittxu b'din id-data:

(a)

il-kunjom (isem il-familja); l-isem jew l-ismijiet (ismijiet mogħtija); id-data tat-twelid; in-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet; is-sess;

(b)

it-tip u n-numru tad-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar;

(c)

id-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument jew dokumenti tal-ivvjaġġar.

Tista' tintuża kwalunkwe kombinazzjoni tad-data elenkata fl-ewwel subparagrafu sakemm:

id-data tat-twelid u s-sess jintużaw flimkien ma' data oħra;

id-data ta' skadenza tal-validità tad-dokument jew tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tintuża flimkien man-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar.

Jista' jsir tiftix bid-data elenkata fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu b'mod impreċiż.

4.   Tiftix alfanumeriku msemmi fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226

L-awtoritajiet tal-immigrazzjoni tal-fruntieri għandu jkollhom aċċess biex ifittxu b'din id-data:

(a)

il-kunjom (isem il-familja); l-isem jew l-ismijiet (ismijiet mogħtija); id-data tat-twelid; in-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet; is-sess;

(b)

it-tip u n-numru tad-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar;

(c)

id-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument jew dokumenti tal-ivvjaġġar.

Id-data kollha elenkata fl-ewwel subparagrafu għandha tintuża meta tiġi eżgwita din it-tiftixa.

Jista' jsir tiftix bid-data elenkata fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu b'mod impreċiż.

5.   Tiftix alfanumeriku msemmi fl-Artikolu 23(2) u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226

L-awtoritajiet tal-fruntieri u/jew tal-immigrazzjoni għandu jkollhom aċċess biex ifittxu b'din id-data:

(a)

il-kunjom (isem il-familja); l-isem jew l-ismijiet (ismijiet mogħtija); id-data tat-twelid; in-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet; is-sess;

(b)

it-tip u n-numru tad-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar;

(c)

id-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument jew dokumenti tal-ivvjaġġar.

Jista' jsir tiftix bid-data elenkata fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu b'mod impreċiż.

6.   Tiftix alfanumeriku msemmi fl-Artikolu 32(5) tar-Regolament (UE) 2017/2226

L-awtoritajiet maħturin għandu jkollhom aċċess biex ifittxu b'din id-data:

(a)

il-kunjom (isem il-familja); l-isem jew l-ismijiet (ismijiet mogħtija); id-data tat-twelid; in-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet; is-sess;

(b)

it-tip u n-numru tad-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar;

(c)

in-numru tal-istiker tal-viża u d-data tal-iskadenza tal-validità tal-viża;

(d)

id-data u l-ħin tad-dħul, l-awtorità li awtorizzat id-dħul u l-punt ta' qsim tal-fruntiera tad-dħul;

(e)

id-data u l-ħin tal-ħruġ u l-punt ta' qsim tal-fruntiera tal-ħruġ.

Tista' tintuża kwalunkwe kombinazzjoni tad-data elenkata fl-ewwel subparagrafu.

Jista' jsir tiftix bid-data elenkata fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu b'mod impreċiż.

Artikolu 3

Tiftix bijometriku

Il-kundizzjonijiet li taħthom it-tiftixa bijometrika tista' titwettaq għandhom ikunu kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet dwar il-kwalità, ir-riżoluzzjoni u l-użu tal-marki tas-swaba' u tal-immaġni tal-wiċċ għall-verifika u l-identifikazzjoni bijometrika fis-sistema ta' Dħul u Ħruġ (EES) (11).

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20.

(2)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(11)  C(2019)1280.


Top