This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D0305
Council Decision (EU) 2019/305 of 18 February 2019 authorising Austria, Cyprus, Croatia, Luxembourg, Portugal, Romania and the United Kingdom to accept, in the interest of the European Union, the accession of the Dominican Republic to the 1980 Hague Convention on the Civil Aspects of International Child Abduction
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/305 tat-18 ta' Frar 2019 li tawtorizza lill-Awstrija, Ċipru, il-Kroazja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Renju Unit biex jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tar-Repubblika Dominicana mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/305 tat-18 ta' Frar 2019 li tawtorizza lill-Awstrija, Ċipru, il-Kroazja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Renju Unit biex jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tar-Repubblika Dominicana mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri
ST/14922/2018/INIT
ĠU L 51, 22.2.2019, p. 9–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
22.2.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 51/9 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/305
tat-18 ta' Frar 2019
li tawtorizza lill-Awstrija, Ċipru, il-Kroazja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Renju Unit biex jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tar-Repubblika Dominicana mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-punt (b) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-minuri, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-miżuri għall-protezzjoni tal-minuri kontra t-teħid jew iż-żamma illeċiti huma parti essenzjali minn dik il-politika. |
(2) |
Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2) (“ir-Regolament Brussell IIa”), li għandu l-għan li jħares lill-minuri mill-effetti dannużi tat-teħid jew taż-żamma b'mod illeċitu u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn rapidu tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-aċċess u tad-drittijiet tal-kustodja. |
(3) |
Ir-Regolament Brussell IIa jikkumplimenta u jirrinforza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-Istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn minnufih ta' tfal li jittieħdu jew jinżammu b'mod illeċitu. |
(4) |
L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. |
(5) |
L-Unjoni tinkoraġġixxi lil Stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat. |
(6) |
Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u Stati terzi jista' jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri. |
(7) |
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-Istat aderenti u dawk l-Istati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni. |
(8) |
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika, bħall-Unjoni, isiru partijiet għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi ma' dik il-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tiddepożita dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' Stat aderenti. |
(9) |
Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (3), id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 huma parti mill-kompetenza esklużiva esterna tal-Unjoni. |
(10) |
Ir-Repubblika Dominicana ddepożitat l-istrument tagħha tal-adeżjoni għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fil-11 ta' Awwissu 2004. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ fir-Repubblika Dominicana fl-1 ta' Novembru 2004. |
(11) |
L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Awstrija, Ċipru, il-Kroazja, id-Danimarka, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Renju Unit, diġà aċċettaw l-adeżjoni tar-Repubblika Dominicana għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Dominicana wasslet għall-konklużjoni li l-Awstrija, Ċipru, il-Kroazja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Renju Unit jinsabu f'pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tar-Repubblika Dominicana skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. |
(12) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Awstrija, Ċipru, il-Kroazja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Renju Unit jiġu awtorizzati jiddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika Dominicana mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stipulati f'din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni li diġà aċċettaw l-adeżjoni tar-Repubblika Dominicana mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma jeħtiġux li jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda ta' aċċettazzjoni billi d-dikjarazzjonijiet eżistenti jibqgħu validi skont id-dritt internazzjonali pubbliku. |
(13) |
Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament Brussell IIa u qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. |
(14) |
B'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Awstrija, Ċipru, il-Kroazja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Renju Unit huma b'dan awtorizzati li jaċċettaw l-adeżjoni tar-Repubblika Dominicana mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni.
2. L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Frar 2020, jiddepożitaw dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika Dominicana mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, fl-interess tal-Unjoni, li għandha tkun ifformulata kif ġej:
“[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni tar-Repubblika Dominicana mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/305”.
3. L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jgħarrfu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika Dominicana mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dikjarazzjonijiet lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn mid-depożitu tagħhom.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Awstrija, Ċipru, il-Kroazja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Renju Unit.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Frar 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
N. BĂDĂLĂU
(1) Opinjoni tal-31 ta' Jannar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).
(3) ECLI:EU:C:2014:2303.