Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1670

    Regolament (UE) 2018/1670 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 110/2008 fir-rigward ta’ kwantitajiet nominali għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ “shochu”, spirtu ddistillat darba biss, li jsir b’lampik tat-tip “pot still” u bbottiljat fil-Ġappun

    PE/56/2018/REV/1

    ĠU L 284, 12.11.2018, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2021; Impliċitament imħassar minn 32019R0787

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1670/oj

    12.11.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 284/1


    REGOLAMENT (UE) 2018/1670 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-23 ta’ Ottubru 2018

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 110/2008 fir-rigward ta’ kwantitajiet nominali għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ “shochu”, spirtu ddistillat darba biss, li jsir b’lampik tat-tip “pot still” u bbottiljat fil-Ġappun

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Fid-29 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li awtorizzat lill-Kummissjoni tibda negozjati mal-Ġappun għal Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles.

    (2)

    In-negozjati dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (“il-Ftehim”) kienu tlestew b’suċċess u l-Ftehim ġie ffirmat fis-17 ta’ Lulju 2018.

    (3)

    L-Anness 2-D tal-Ftehim jipprevedi li l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, kif iddefinit fis-subparagrafu 10 tal-Artikolu 3 tal-Liġi Ġappuniża dwar it-Taxxa fuq l-Alkoħol (il-Liġi Nru 6 tal-1953), li jsir b’lampik tat-tip “pot still” u jiġi bbottiljat fil-Ġappun, għandu jitħalla jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni fi fliexken tradizzjonali ta’ erba’ “go” (

    Image

    ) u ta’ “sho” wieħed (

    Image

    ), li jikkorrispondu għal kwantitajiet nominali ta’ 720 ml u ta’ 1 800 ml, rispettivament, dejjem jekk jiġu ssodisfati rekwiżiti legali applikabbli oħrajn tal-Unjoni.

    (4)

    Id-Direttiva 2007/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tipprevedi li l-prodotti mballati minn qabel jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni biss jekk ikunu mballati minn qabel fil-kwantitajiet nominali elenkati fit-taqsima 1 tal-Anness ta’ dik id-Direttiva. Għall-ispirti, it-taqsima 1 tal-Anness tad-Direttiva 2007/45/KE tirriferi għal disa’ kwantitajiet nominali fil-medda bejn 100 ml u 2 000 ml. Dawk il-kwantitajiet nominali ma jinkludux il-kwantitajiet ta’ 720 ml u 1 800 ml, li huma l-kwantitajiet nominali li fihom jiġi bbottiljat u kkummerċjalizzat fil-Ġappun l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir b’lampik tat-tip “pot still”.

    (5)

    Għalhekk hemm bżonn ta’ deroga mill-kwantitajiet nominali stabbiliti għall-ispirti fl-Anness tad-Direttiva 2007/45/KE sabiex ikun żgurat li l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir b’lampik tat-tip “pot still” u jiġi bbottiljat fil-Ġappun ikun jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Anness 2-D tal-Ftehim, fi fliexken li jkunu jesgħu 720 ml u 1 800 ml, li jikkorrispondu għall-fliexken Ġappuniżi tradizzjonali tad-daqsijiet ta’ erba’ “go” (

    Image

    ) u ta’ “sho” wieħed (

    Image

    ), rispettivament.

    (6)

    Jenħtieġ li d-deroga mid-Direttiva 2007/45/KE tiġi introdotta permezz ta’ emenda fir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), sabiex ikun żgurat li l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir b’lampik tat-tip “pot still” u jiġi bbottiljat fil-Ġappun ikun jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Istati Membri kollha fl-istess ħin malli jidħol fis-seħħ il-Ftehim.

    (7)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 110/2008 jiġi emendat kif meħtieġ.

    (8)

    Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni tal-Ftehim fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni tal-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir b’lampik tat-tip “pot still” u jiġi bbottiljat fil-Ġappun, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu li ġej jiddaħħal fil-Kapitolu IV tar-Regolament (KE) Nru 110/2008:

    “Artikolu 24a

    Deroga mir-rekwiżiti ta’ kwantitajiet nominali fid-Direttiva 2007/45/KE

    B’deroga mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u mis-sitt ringiela tat-taqsima 1 tal-Anness ta’ dik id-Direttiva, l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu” (*2), li jsir b’lampik tat-tip “pot still” u jiġi bbottiljat fil-Ġappun, jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet nominali ta’ 720 ml u ta’ 1 800 ml.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu jibda japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2018.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K. EDTSTADLER


    (1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 119.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2018 għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2018.

    (3)  Id-Direttiva 2007/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi regoli dwar kwantitajiet nominali għal prodotti mballati minn qabel, li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE u 80/232/KEE, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE (ĠU L 247, 21.9.2007, p. 17).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).


    Top