EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1618

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1618 tat-12 ta' Lulju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 231/2013 f'dak li għandu x' jaqsam mad-dmirijiet ta' salvagwardja tad-depożitarji (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/4377

ĠU L 271, 30.10.2018, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/1618/oj

30.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1618

tat-12 ta' Lulju 2018

li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 231/2013 f'dak li għandu x' jaqsam mad-dmirijiet ta' salvagwardja tad-depożitarji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 21(17) tagħha,

Billi:

(1)

Minħabba liġijiet nazzjonali li jvarjaw dwar it-titoli u l-insolvenza, li mhumiex armonizzati fil-livell tal-Unjoni, teżisti diverġenza fil-livell ta' protezzjoni minn riskji ta' insolvenza għal strumenti finanzjarji miżmuma f'kustodja minn partijiet terzi għal klijenti ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi (“AIFs”). Sabiex tiġi żgurata protezzjoni b'saħħitha tal-assi tal-klijenti kif previst fid-Direttiva 2011/61/UE, filwaqt li jiġu pprovduti rekwiżiti tal-liġi nazzjonali aktar b'saħħithom fir-rigward ta' dawn l-oqsma mhux armonizzati, huwa neċessarju li jiġu ċċarati l-obbligi relatati mas-salvagwardja tal-assi stabbiliti fid-Direttiva 2011/61/UE.

(2)

Bħalissa l-awtoritajiet kompetenti u l-industrija japplikaw ir-rekwiżiti tas-segregazzjoni tal-assi stabbiliti fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 (2) b'mod differenti. Filwaqt li d-depożitarji, li huma fl-ewwel livell ta' katina ta' kustodja, għandhom l-obbligu li jipprovdu l-possibbiltà li kont individwali jżomm strumenti finanzjarji għal kull klijent tal-AIF, irid jiġi ċċarat li meta l-funzjoni ta' kustodja tiġi delegata lil parti terza, jenħtieġ li din tal-aħħar tkun tista' żżomm l-assi tal-klijenti ta' depożitarju wieħed, inklużi l-assi għal AIFs u l-Impriżi għal Investiment Kollettiv f'Titoli Trasferibbli (“UCITS”), f'kont omnibus. Jenħtieġ li dan il-kont omnibus jeskludi dejjem l-assi proprjetarji tad-depożitarju u l-assi proprjetarji tal-parti terza kif ukoll l-assi li jappartjenu lil klijenti oħra tal-parti terza. Bl-istess mod, f'każijiet fejn il-funzjoni ta' kustodja tiġi ddelegata ulterjorment, jenħtieġ li s-sottokustodju jkun jista' jżomm l-assi tal-klijenti tal-kustodju ta' delega, f'kont omnibus. Jenħtieġ li dan il-kont omnibus jeskludi dejjem l-assi proprjetarji tas-sottokustodju u l-assi proprjetarji tal-kustodja ta' delega kif ukoll l-assi li jappartjenu lil klijenti oħra tas-sottokustodju. Dan huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn l-effiċjenza tas-suq u l-protezzjoni tal-investitur.

(3)

Sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta' telf ta' assi miżmuma f'kontijiet omnibus ta' strumenti finanzjarji pprovduti minn partijiet terzi, li lilhom tkun ġiet iddelegata l-funzjoni ta' kustodja, jenħtieġ li l-frekwenza ta' rikonċiljazzjonijiet bejn il-kontijiet u r-rekords tat-titoli finanzjarji ta' depożitarju ta' klijent AIF u l-parti terza jew bejn partijiet terzi, meta l-funzjoni ta' kustodja tkun ġiet iddelegata aktar 'l isfel fil-katina tal-kustodja, tiżgura trażmissjoni f'waqtha tal-informazzjoni rilevanti lid-depożitarju. Barra minn hekk, il-frekwenza ta' dawn ir-rikonċiljazzjonijiet jenħtieġ li tiddependi fuq kull moviment f'dan il-kont omnibus, inklużi transazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-assi li jappartjenu lil klijenti oħra tad-depożitarju li jinżammu fl-istess kont omnibus bħall-assi tal-AIF.

(4)

Jenħtieġ li d-depożitarju jkun jista' jkompli jwettaq id-dmirijiet tiegħu b'mod effettiv meta l-kustodja tal-assi tal-klijenti AIF tiegħu tiġi delegata lil parti terza. Huwa għalhekk meħtieġ li d-depożitarju jintalab iżomm rekord fil-kont ta' strumenti finanzjarji li jkun fetaħ f'isem il-klijent AIF tiegħu jew f'isem l-AIFM, li jaġixxi f'isem l-AIF, li juri li l-assi miżmuma f'kustodja minn parti terza jappartjenu lil dak l-AIF partikolari.

(5)

Biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tad-depożitarji fir-rigward ta' partijiet terzi li lilhom tiġi ddelegata l-kustodja tal-assi, jenħtieġ li din ir-relazzjoni tiġi dokumentata permezz ta' kuntratt ta' delega bil-miktub. Jenħtieġ li dan il-kuntratt jippermetti lid-depożitarju jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex ikun żgurat li l-assi miżmuma f'kustodja jkunu salvagwardjati kif xieraq u li l-parti terza tikkonforma f'kull ħin mal-kuntratt ta' delega u mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2011/61/UE u tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 231/2013. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-depożitarju u l-parti terza jaqblu formalment dwar jekk il-parti terza hijiex permessa li tkompli tiddelega l-funzjonijiet ta' kustodja. F'dak il-każ, jenħtieġ li l-arranġament jew il-kuntratt bejn il-parti terza ta' delega u l-parti terza li lilha jkunu ġew delegati ulterjorment il-funzjonijiet ta' kustodja, ikun soġġett għad-drittijiet u l-obbligi li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti bejn id-depożitarju u l-parti terza ta' delega.

(6)

Sabiex jippermetti lid-depożitarju jwettaq il-funzjonijiet tiegħu jeħtieġ li tissaħħaħ is-sorveljanza tad-depożitarji fuq il-partijiet terzi, irrispettivament minn jekk ikunux jinsabu ġewwa jew barra l-Unjoni. Jenħtieġ li d-depożitarji jivverifikaw jekk l-istrumenti finanzjarji tal-AIFs jkunux reġistrati b'mod korrett fil-kotba ta' parti terza u li r-rekords miżmuma jkunu preċiżi biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu identifikati n-natura, il-post u s-sjieda tal-assi miżmuma f'kustodja. Biex jiġi ffaċilitat it-twettiq effettiv tad-dmirijiet tad-depożitarji, jenħtieġ li l-partijiet terzi jipprovdulhom dikjarazzjoni dwar kull bidla li taffettwa l-assi miżmuma f'kustodja għall-klijenti AIF tad-depożitarji.

(7)

Bħala parti mill-obbligi tad-depożitarji li jeżerċitaw attenzjoni u diliġenza f'każijiet ta' delega tal-funzjonijiet ta' kustodja, qabel ma jiddelegaw din il-funzjoni lil parti terza li tinsab barra l-Unjoni, jenħtieġ li d-depożitarju jirċievi opinjoni ġuridika indipendenti li tivvaluta l-liġi dwar l-insolvenza tal-pajjiż terz fejn dik il-parti terza tkun tinsab, li tinkludi evalwazzjoni tal-livell ta' protezzjoni mogħtija mill-kontijiet ta' strumenti finanzjarji segregati f'dik il-ġurisdizzjoni. L-opinjoni mogħtija għal kull ġurisdizzjoni mill-federazzjonijiet tal-industrija rilevanti jew mid-ditti legali għall-benefiċċju ta' diversi depożitarji jenħtieġ li tkun aċċettabbli. Barra minn hekk, id-depożitarju għandu jiżgura li l-parti terza li tinsab barra l-Unjoni tinformah dwar kull bidla fiċ-ċirkostanzi jew f'dik il-liġi dwar l-insolvenza tal-pajjiż terz, li tista' taffettwa l-istat tal-assi tal-klijenti AIF tad-depożitarju.

(8)

Sabiex id-depożitorji jkollhom żmien biżżejjed biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda li jinsabu f'dan ir-Regolament, id-data tal-bidu tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi differita bi tmintax-il xahar wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(9)

Il-miżuri introdotti b'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar it-Titoli u s-Swieq (3).

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-grupp ta' esperti tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 231/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 89 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

ir-rikonċiljazzjonijiet jitwettqu kemm-il darba jkun meħtieġ bejn il-kontijiet interni u r-rekords tad-depożitarju u dawk ta' kull parti terza li lilha jkunu ġew iddelegati funzjonijiet ta' kustodja skont l-Artikolu 21(11) tad-Direttiva 2011/61/UE”;

(ii)

jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

“Rigward il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, il-frekwenza tar-rikonċiljazzjonijiet għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta' dawn li ġejjin:

(a)

l-attività kummerċjali normali tal-AIF;

(b)

kull operazzjoni li sseħħ barra mill-attività normali tan-negozjar;

(c)

kull operazzjoni li sseħħ f'isem kull klijent ieħor li l-assi tiegħu jinżammu mill-parti terza fl-istess kont ta'strumenti finanzjarji bħal dak tal-assi tal-AIF.”;

(b)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Meta depożitarju jkun iddelega l-funzjonijiet ta' kustodja tiegħu lil parti terza skont l-Artikolu 21(11) tad-Direttiva 2011/61/UE, għandu jibqa' soġġett għar-rekwiżiti tal-punti minn (a) sa (e) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Għandu wkoll jiżgura li l-parti terza tikkonforma mar-rekwiżiti tal-punti minn (b) sa (g) tal-paragrafu 1 u mal-obbligi tas-segregazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 99.”;

(2)

fl-Artikolu 98, jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.   Kuntratt, li permezz tiegħu id-depożitarju jaħtar parti terza biex iżżomm l-assi tal-klijenti AIF tad-depożitarju f'kustodja, għandu jinkludi tal-anqas id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

garanzija tad-dritt tad-depożitarju għall-informazzjoni, l-ispezzjoni, u l-aċċess għal rekords u kontijiet rilevanti tat-terza persuna li tippossjedi assi f'kustodja sabiex id-depożitarju jkun jista' jwettaq is-sorveljanza u l-obbligi tad-diliġenza dovuta u b'mod partikolari jkun jista':

(i)

jidentifika l-entitajiet kollha fil-katina sħiħa tal-kustodja;

(ii)

jivverifika li l-kwantità ta' strumenti finanzjarji identifikati rreġistrati fil-kontijiet ta' strumenti finanzjarji miftuħa fil-kotba tad-depożitarju f'isem l-AIF jew f'isem l-AIFM, li jaġixxi f'isem l-AIF, tkun taqbel mal-kwantità tal-istrumenti finanzjarji identifikati miżmuma f'kustodja mill-parti terza għal dak l-AIF kif reġistrat fil-kont ta' strumenti finanzjarji miftuħ fil-kotba tal-parti terza;

(iii)

jivverifika li l-kwantità ta' strumenti finanzjarji identifikati, rreġistrati u miżmuma f'kont ta' strumenti finanzjarji miftuħ fid-Depożitarju Ċentrali tat-Titoli (CSD) tal-emittent, jew l-aġent tiegħu, f'isem il-parti terza għall-klijenti tagħha, tkun taqbel mal-kwantità ta' strumenti finanzjarji identifikati rreġistrati fil-kontijiet ta' strumenti finanzjarji miftuħa fil-kotba tad-depożitarju f'isem kull klijent AIF tiegħu jew f'isem l-AIFM li jaġixxi f'isem l-AIF;

(b)

dettalji ta' drittijiet u obbligi ekwivalenti miftiehma bejn il-parti terza u parti terza oħra, f'każ ta' delega ulterjuri ta' funzjonijiet ta' kustodja.”;

(3)

L-Artikolu 99 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Meta funzjonijiet ta' salvagwardja jkunu ġew delegati kompletament jew parzjalment lil parti terza, depożitarju għandu jiżgura li l-parti terza li lilha jkunu ġew iddelegati l-funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 21(11) tad-Direttiva 2011/61/UE, taġixxi skont l-obbligu tas-segregazzjoni stabbilit fil-punt (iii) tal-Artikolu 21(11)(d) ta' din id-Direttiva, filwaqt li jiżgura u jivverifika li l-parti terza:

(a)

tirreġistra kif suppost ir-rekords tal-istrumenti finanzjarji kollha identifikati fil-kont ta' strumenti finanzjarji, li jinfetaħ fil-kotba tal-parti terza, sabiex iżomm f'kustodja l-istrumenti finanzjarji għall-klijenti tad-depożitarju, li jeskludi l-istrumenti finanzjarji tad-depożitarji u tal-parti terza u tal-klijenti l-oħra tal-parti terza, biex id-depożitarju jkun jista' jqabbel il-kwantità ta' strumenti finanzjarji identifikati rreġistrati fil-kontijiet miftuħa fil-kotba tad-depożitarju f'isem kull wieħed mill-klijenti tal-AIF tiegħu jew f'isem l-AIFM li jaġixxi f'isem l-AIF;

(b)

iżżomm ir-rekords u l-kontijiet tal-istrumenti finanzjarji kollha meħtieġa biex id-depożitarju jkun jista' f'kull ħin u mingħajr dewmien jiddistingwi l-assi tal-klijenti tad-depożitarju mill-assi proprji tal-parti terza, l-assi tal-klijenti l-oħra tal-parti terza u l-assi miżmuma għad-depożitarju f'ismu stess;

(c)

iżżomm rekords u kontijiet ta' strumenti finanzjarji b'mod li jiżgura l-preċiżjoni tagħhom, u b'mod partikolari li l-korrispondenza tagħhom għall-assi jinżammu sikuri, għall-klijenti AIF tad-depożitarju u li abbażi tagħhom id-depożitarju jkun jista' f'kull ħin jistabbilixxi n-natura preċiża, il-pożizzjoni u l-istatus tas-sjieda ta' dawk l-assi;

(d)

tipprovdi lid-depożitarju b'dikjarazzjoni, fuq bażi regolari, u fi kwalunkwe każ kull darba li sseħħ xi bidla fiċ-ċirkostanzi, waqt li tagħti dettalji dwar l-assi tal-klijenti AIF tad-depożitarju;

(e)

twettaq rikonċiljazzjonijiet, ta' spiss kemm ikun meħtieġ, bejn il-kontijiet tal-istrumenti finanzjarji tagħha u r-rekords interni u dawk tal-parti terza li lilha tkun iddelegat il-funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 21(11) tad-Direttiva 2011/61/UE.

Il-frekwenza tar-rikonċiljazzjoni għandha tiġi determinata f'konformità mal-Artikolu 89(1);

(f)

tintroduċi arranġamenti organizzazzjonali adegwati biex timminimizza r-riskju ta' telf jew ta' tnaqqis fl-istrumenti finanzjarji, jew ta' drittijiet marbuta ma' dawk l-istrumenti finanzjarji minħabba użu ħażin tal-istrumenti finanzjarji, frodi, amministrazzjoni ħażina, żamma ta' records inadegwata jew negliġenza;

(g)

meta l-parti terza tkun entità msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2006/73/KE, li tkun soġġetta għal regolamentazzjoni u superviżjoni prudenzjali effikaċi li għandhom l-istess effett bħal-liġi tal-Unjoni u jkunu infurzati b'mod effikaċi, id-depożitarju għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-flus tal-AIF jinżammu f'kont jew f'kontijiet skont l-Artikolu 21(7) tad-Direttiva 2011/61/UE.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.   Meta depożitarju jiddelega l-funzjonijiet tiegħu ta' kustodja lil parti terza li tinsab f'pajjiż terz, f'konformità mal-Artikolu 21(11) tad-Direttiva 2011/61/UE, flimkien mar-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, id-depożitarju għandu jiżgura dan li ġej:

(a)

id-depożitarju jirċievi parir legali minn persuna fiżika jew ġuridika indipendenti li tikkonferma li l-liġi applikabbli dwar l-insolvenza tirrikonoxxi dan li ġej:

(i)

is-segregazzjoni tal-assi tal-klijenti tad-depożitarju mill-assi proprji tal-parti terza, mill-assi tal-klijenti l-oħra tal-parti terza u mill-assi miżmuma mill-parti terza f'isem id-depożitarju stess;

(ii)

l-assi tal-klijenti AIF tad-depożitarju ma jiffurmawx parti mill-patrimonju tal-parti terza f'każ ta' insolvenza;

(iii)

l-assi tal-klijenti AIF tad-depożitarju ma jkunux disponibbli għad-distribuzzjoni jew għar-realizzazzjoni għall-benefiċċju tal-kredituri tal-parti terza li lilha jkunu ġew delegati funzjonijiet ta' kustodja skont l-Artikolu 21(11) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(b)

il-parti terza tieħu l-passi li ġejjin:

(i)

tiżgura li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) jiġu ssodisfati waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta' delega mad-depożitarju kif ukoll fuq bażi kontinwa għat-tul kollu tad-delega;

(ii)

tinforma minnufih lid-depożitarju kull fejn xi waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (b) ma tiġix issodisfata;

(iii)

tinforma lid-depożitarju dwar kull bidla fil-liġi dwar l-insolvenza applikabbli u dwar l-applikazzjoni effettiva tagħha.”

(c)

il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“Il-paragrafi 1, 2 u 2a għandhom japplikaw mutatis mutandis meta l-parti terza, li lilha jkunu ġew iddelegati l-funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 21(11) tad-Direttiva 2011/61/UE, tiddeċiedi li tiddelega l-funzjonijiet tagħha ta' salvagwardja kollha jew parti minnhom lil parti terza oħra skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(11) tad-Direttiva 2011/61/UE.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' April 2020

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni (ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1).

(3)  L-Opinjoni tal-AETS, 20.7.2017, 34 45 277.


Top