Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1241

Regolament (UE) 2018/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794 bl-għan li tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)

PE/22/2018/REV/1

ĠU L 236, 19.9.2018, p. 72–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1241/oj

19.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 236/72


REGOLAMENT (UE) 2018/1241 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Settembru 2018

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794 bl-għan li tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jalloka kompiti ġodda lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) bħall-ġestjoni tal-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS, id-dħul ta’ data relatata ma’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra f’dik il-lista ta’ sorveljanza u l-għoti ta’ opinjonijiet b’segwitu għal talbiet għal konsultazzjoni mill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS. Biex jiġu implimentati dawk il-kompiti, huwa għalhekk neċessarju li r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jiġi emendat kif meħtieġ.

(2)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(3)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(4)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2016/794

Ir-Regolament (UE) 2016/794 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(n)

timmaniġġja l-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS f’konformità mal-Artikoli 34 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(o)

iddaħħal data fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS relatata ma’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra miksuba mill-Europol, mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet li jirregolaw il-kooperazzjoni internazzjonali tal-Europol;

(p)

tipprovdi opinjoni b’segwitu għal talba għal konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2018/1240.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).”;"

(b)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Sabiex iwettaq il-kompitu msemmi fil-punt (n) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol għandu, wara li jikkonsulta lill-KEPD, jadotta l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1240.”.

(2)

L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titlu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 21

Aċċess mill-Eurojust, l-OLAF u, għal finijiet tal-ETIAS biss, mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għal informazzjoni maħżuna mill-Europol”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-Europol għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tippermetti li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, fil-mandat tagħha u għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2018/1240, ikollha aċċess indirett abbażi ta’ sistema ta’ hit/no hit għad-data pprovduta għall-iskopijiet tal-punt (j) tal-Artikolu 20(2) ta’ dak ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe restrizzjoni indikata mill-Istat Membru, korp tal-Unjoni, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li tipprovdi l-informazzjoni inkwistjoni, f’konformità mal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-Regolament.

F’każ ta’ hit, il-Europol għandha tibda l-proċedura li biha l-informazzjoni li ġġenerat il-hit tkun tista’ tiġi kondiviża, f’konformità mad-deċiżjoni tal-fornitur tal-informazzjoni lill-Europol, u esklużivament sal-punt li d-data li tiġġenera l-hit tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta relatati mal-ETIAS.

Il-paragrafi minn 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw skont dan.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data determinata mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2018/1240.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Settembru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Ddeċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2018.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).


Top