Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1209

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1209 tas-27 ta' Awwissu 2018 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

C/2018/5747

ĠU L 220, 30.8.2018, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1209/oj

30.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 220/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1209

tas-27 ta' Awwissu 2018

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Xedd is-saqajn (l-hekk imsejjaħ “żarbun taż-żfin”) li jgħatti s-sieq iżda mhux il-pexxun, u miftuħ fil-maskaretta.

Ix-xedd is-saqajn huwa magħmul minn biċċa materjal tessili waħda meħjuta flimkien fil-pett u fl-għarqub u li għandha inforra tessili. Il-pett għandu żewġ biċċiet tal-ġilda meħjutin, waħda fil-parti ta' quddiem tas-sieq u l-oħra fil-parti tal-għarqub.

Il-parti tessili ta' quddiem tal-pett tinġemgħa flimkien biex toħloq il-forma tonda għas-swaba' tas-saqajn.

Il-parti tessili tal-pett bejn iż-żewġ biċċiet tal-ġilda tinġemgħa flimkien u hija elastiċizzata b'lastiku li jinħiet fuq ġewwa tax-xedd is-saqajn. Dan jintuża biex waqt iż-żfin jissikka l-pett mis-swaba' tas-saqajn sal-għarqub.

Ix-xedd is-saqajn għandu żewġ biċċiet ta' fowm ċellulari mgħottija b'materjal tessili li jinħiet minn ġewwa, fuq il-biċċiet tal-ġilda, li jkunu kemxejn akbar mill-ġilda iżda iżgħar mill-pett li jmiss mal-art meta jintuża ż-żarbun.

Il-ftuħ tax-xedd is-saqajn jista' jiġi ssikkat b'qafla elastiċizzata.

Biex ix-xedd is-saqajn jissikka sew mas-sieq, jitwaħħlu żewġ biċċiet elastiċi mal-parti ta' wara tax-xedd is-saqajn.

Meta jintuża x-xedd is-saqajn (milbus waqt li persuna tkun bilwiefqa mal-art), il-parti tax-xedd is-saqajn li ma tgħattix il-ġnub u l-parti ta' fuq tas-sieq u li tmiss mal-art tikkonsisti f'bejn wieħed u ieħor 33 % ġilda u madwar 67 % materjali tessili.

Ara l-istampi (*1)

6405 20 99

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 4 tal-Kapitolu 64, kif ukoll bil-kliem tal-kodiċijiet NM 6405 , 6405 20 u 6405 20 99 .

L-oġġett mhuwiex eskluż mill-Kapitolu 64 permezz tan-Nota 1(b) tal-Kapitolu 64 għax l-oġġett għandu partijiet tal-pett meħjutin fuqu. Barra minn hekk, il-parti ta' quddiem miġmugħa flimkien toħloq pett pjuttost iebes ta' forma tonda għas-swaba' tas-saqajn.

Peress li l-materjal tal-wiċċ jifforma wkoll parti mill-pett, biex tiġi identifikata d-demarkazzjoni bejn il-wiċċ u l-pett, dan tal-aħħar jitqies li huwa l-biċċa tax-xedd is-saqajn li ma tgħattix il-ġnub u l-parti ta' fuq tas-sieq (ara wkoll l-identifikazzjoni tal-wiċċ fin-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (NSSA) tal-Kapitolu 64, Kunsiderazzjonijiet ġenerali, (D)).

Il-materjal li minnu hu magħmul il-pett huwa l-materjal tessili, għax għandu l-akbar erja tas-superfiċje li tmiss mal-art meta jintuża ż-żarbun (milbus waqt li persuna tkun bilwiefqa mal-art) skont it-tifsira tan-Nota 4 tal-Kapitolu 64 (ara wkoll l-NSSA tal-Kapitolu 64, Kunsiderazzjonijiet ġenerali, (C)).

Għalhekk l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6405 20 99 bħala xedd is-saqajn ieħor b'uċuħ u qigħan ta' barra ta' materjali ta' tessuti.

Image

(*1)  L-istampi huma biss għal finijiet ta' informazzjoni.


Top