Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1145

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1145 tas-7 ta' Ġunju 2018 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex

C/2018/3308

ĠU L 208, 17.8.2018, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/1145/oj

17.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 208/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1145

tas-7 ta' Ġunju 2018

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħaxix u s-settur tal-frott u l-ħaxix ipproċessat. Ir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 b'mod partikolari fir-rigward l-għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix. Għalhekk, ir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 għandu jirrifletti l-emendi għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(2)

Id-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza finanzjarja nazzjonali fis-settur tal-frott u l-ħxejjex għandhom jiġu aġġornati.

(3)

Hemm bżonn li jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet li jittrattaw il-każijiet li fihom membri produtturi ta' organizzazzjoni tal-produtturi għandhom jitħallew ibiegħu ċertu perċentwal tal-prodotti tagħhom barra mill-organizzazzjoni tal-produtturi meta l-organizzazzjoni tal-produtturi tawtorizza dan fl-istatuti tagħha u meta dan ikun konformi mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-Istat Membru. Hemm bżonn li jiġi ċċarat il-limitu tal-bejgħ barra mill-organizzazzjoni tal-produtturi.

(4)

Miżuri ġodda dwar l-ikkowċjar bejn organizzazzjonijiet tal-produtturi u dwar ir-riforniment ta' fondi mutwi fi programmi operattivi għandhom ikunu eliġibbli għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni.

(5)

L-Istati Membri jistgħu jkomplu jipprovdu assistenza finanzjarja nazzjonali mill-baġit nazzjonali lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fir-reġjuni tal-Unjoni fejn il-livell ta' organizzazzjoni huwa partikolarment baxx. Konsegwentement, għandhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna finanzjarja nazzjonali tista' tingħata fis-settur tal-frott u l-ħxejjex kif ukoll il-metodu ta' kalkolu tal-livell ta' organizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 34(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq intern fl-Unjoni.

(6)

Hemm bżonn li jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet li jittrattaw l-eliġibbiltà ta' ċerti investimenti għall-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni.

(7)

Hemm bżonn li jiġu ċċarati l-azzjonijiet eliġibbli u mhux eliġibbli relatati mal-promozzjoni u mal-komunikazzjoni, inklużi azzjonijiet u attivitajiet immirati lejn id-diversifikazzjoni u l-konsolidament fis-swieq tal-frott u l-ħxejjex, kemm jekk għall-prevenzjoni ta' kriżi jew matul perjodu ta' kriżi, fir-rigward tal-eliġibbiltà ta' azzjonijiet u ta' attivitajiet għall-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni.

(8)

Id-dispożizzjonijiet relatati mar-rapporti annwali dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, inklużi l-assoċjazzjonijiet transnazzjonali ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, u gruppi ta' produtturi, u dwar il-fondi operattivi, il-programmi operattivi u l-pjanijiet ta' rikonoxximent għandhom jiġu ssimplifikati. Jeħtieġ li jippermettu lill-Kummissjoni tissorvelja s-settur b'mod adegwat.

(9)

Għalhekk ir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 għandu jiġi emendat skont dan.

(10)

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mir-rekwiżiti, il-miżuri u l-azzjonijiet eżistenti stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 għal dawk ġodda previsti f'dan ir-Regolament.

(11)

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-istess data bħar-Regolament (UE) 2017/2393. Madankollu, id-dispożizzjonijiet li jittrattaw l-assistenza finanzjarja nazzjonali, l-indikaturi u l-monitoraġġ għandhom japplikaw mill 1 ta' Jannar 2019 sabiex l-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi jkollhom żmien biżżejjed biex jadattaw għar-regoli l-ġodda,

(12)

Il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżuri u tal-azzjonijiet ġodda eliġibbli għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom japplikaw mid-data tal-applikazzjoni tal-emendi għal dak ir-Regolament introdotti mir-Regolament (UE) 2017/2393, sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-suq għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-membri tagħhom, b'mod partikolari minħabba li dawk il-miżuri jikkonċernaw prinċipalment il-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kriżijiet, u sabiex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri ġodda b'mod sħiħ. Sabiex jitħarsu l-aspettattivi leġittimi, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jagħżlu li jkomplu l-programmi operattivi li jkunu għaddejjin skont ir-regoli applikabbli fiż-żmien tal-approvazzjoni tal-programmi, jew li jimmodifikaw il-programmi operattivi tagħhom biex jibbenefikaw mill-miżuri u l-azzjonijiet ġodda eliġibbli għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2017/891

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 ġie emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2(e) ġie sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

‘assoċjazzjoni transnazzjonali ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi’ tfisser kwalunkwe assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li fiha mill-inqas waħda mill-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet assoċjati tkun tinsab fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn l-assoċjazzjoni jkollha l-uffiċċju ewlieni tagħha;”;

(2)

L-Artikolu 12 ġie sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Il-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni barra l-organizzazzjoni tal-produtturi

1.   Meta l-organizzazzjoni tal-produtturi tawtorizza dan fl-istatuti tagħha u meta dan ikun konformi mat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru u mill-organizzazzjoni tal-produtturi, il-membri produtturi jistgħu:

(a)

ibiegħu l-prodotti direttament jew barra l-azjendi tagħhom lill-konsumaturi għall-ħtiġijiet personali tagħhom;

(b)

jikkummerċjalizzaw huma stess jew permezz ta' organizzazzjoni tal-produtturi oħra maħtura mill-organizzazzjoni tal-produtturi tagħhom stess, kwantitajiet ta' prodotti li, f'termini ta' volum jew valur, huma marġinali meta mqabbla mal-volum jew mal-valur ta' produzzjoni li tista' tiġi kkummerċjalizzata tal-organizzazzjoni tagħhom għall-prodotti kkonċernati;

(c)

jikkummerċjalizzaw huma stess jew permezz ta' organizzazzjoni tal-produtturi oħra maħtura mill-organizzazzjoni tagħhom stess, prodotti li minħabba l-karatteristiċi tagħhom jew minħabba l-produzzjoni limitata fil-volum jew fil-valur, ma jkunux normalment koperti mill-attivitajiet kummerċjali tal-organizzazzjoni tal-produtturi.

2.   Il-perċentwal tal-produzzjoni li l-membri produtturi jikkummerċjalizzaw barra mill-organizzazzjoni tal-produtturi, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jaqbeż il-25 % fil-volum jew fil-valur tal-produzzjoni kummerċjabbli ta' kull membru produttur.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perċentwal tal-produzzjoni aktar baxx li l-membri produtturi jistgħu jikkummerċjalizzaw barra mill-organizzazzjoni tal-produtturi minn dak stabbilit fl-ewwel subparagrafu. L-Istati Membri jistgħu jżidu dak il-perċentwal sa 40 % fil-każ ta' prodotti koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (*1) jew meta l-membri produtturi jikkummerċjalizzaw il-produzzjoni tagħhom permezz ta' organizzazzjoni tal-produtturi oħra maħtura mill-organizzazzjoni tal-produtturi tagħhom stess.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).”;"

(3)

Fl-Artikolu 22, il-paragrafu 10 ġie sostitwit b'dan li ġej:

“10.   Meta jseħħ tnaqqis fil-produzzjoni minħabba diżastru naturali, avveniment klimatiku, mard tal-pjanti jew tal-annimali jew infestazzjonijiet ta' organiżmi ta' ħsara, kwalunkwe indennifikazzjoni li tingħata fir-rigward tal-azzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-ħsad koperti mit-Taqsima 7 tal-Kapitolu III, jew għal azzjonijiet ekwivalenti ġestiti mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-membri produtturi tagħha, minħabba dawk il-kawżi, jista' jiġi inkluż fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata.”;

(4)

Fl-Artikolu 30, il-paragrafu 2 ġie sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li jkunu ngħataw l-appoġġ previst fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jew fl-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 (*2) jistgħu jimplimentaw programm operattiv fl-istess perjodu sakemm l-Istat Membru kkonċernat jiżgura li l-benefiċjarji jirċievu appoġġ għal kwalunkwe azzjoni mogħtija biss taħt skema waħda.

(*2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal-25 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta' għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f'żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 193, 1.7.2014, p. 1).”;"

(5)

Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(6), l-ewwel sentenza ġiet sostitwita b'dan li ġej:

“L-investimenti, inklużi dawk taħt kuntratti ta' lokazzjoni, jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-fond operattiv f'ammont wieħed jew fi ħlasijiet parzjali li kienu approvati fil-programm operattiv.”;

(6)

Fil-Kapitolu III tat-Titolu II, it-Taqsima 3 ġiet sostitwita b'dan li ġej:

Taqsima 3

Appoġġ relatat ma' fondi mutwi

Artikolu 40

Appoġġ relatat ma' fondi mutwi

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-appoġġ għall-kost amministrattiv għat-twaqqif ta' fondi mutwi u għar-riforniment ta' fondi mutwi, kif imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

2.   L-appoġġ għall-kost amministrattiv għat-twaqqif ta' fondi mutwi msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi kemm l-assistenza finanzjarja mill-Unjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni mill-organizzazzjoni tal-produtturi. L-ammont totali ta' dak l-appoġġ ma għandux jaqbeż il-5 %, l-4 % jew it-2 % tal-kontribuzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi għall-fond mutwu fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet sena tal-operat tiegħu, rispettivament.

3.   Organizzazzjoni tal-produtturi tista' tirċievi l-appoġġ għall-kost amministrattiv għat-twaqqif ta' fondi mutwi msemmi fil-paragrafu 1, darba biss u matul l-ewwel tliet snin tal-operat tal-fond mutwu biss. Meta organizzazzjoni tal-produtturi titlob għal dak l-appoġġ biss fit-tieni jew fit-tielet sena tal-operat tal-fondi mutwi, l-appoġġ għandu jkun ta' 4 % jew ta' 2 % tal-kontribuzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi għall-fond mutwu fit-tieni u fit-tielet sena tal-operat tiegħu, rispettivament.

4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti massimi għall-ammonti li organizzazzjoni tal-produtturi tista' tirċievi bħala appoġġ relatat ma' fondi mutwi.”;

(7)

Fil-Kapitolu III tat-Titolu II, żdiedet it-Taqsima 8 li ġejja:

Taqsima 8

Appoġġ relatat mal-ikkowċjar

Artikolu 51a

Implimentazzjoni ta' miżuri ta' kowċing

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 33(3)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-miżuri ta' kkowċjar li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal appoġġ:

(a)

l-iskambju tal-aħjar prattiki relatati mal-miżuri ta' prevenzjoni u ta' maniġġar ta' kriżijiet imsemmija fl-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li jgħinu lil organizzazzjonijiet tal-produtturi, gruppi ta' produtturi jew produtturi individwali rikonoxxuti sabiex jibbenefikaw mill-esperjenza bl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni u ta' maniġġar ta' kriżijiet;

(b)

il-promozzjoni tat-twaqqif ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi ġodda, il-fużjoni ta' dawk eżistenti jew il-possibilità li produtturi individwali jissieħbu ma' organizzazzjoni tal-produtturi eżistenti;

(c)

il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' netwerking għall-fornituri u għar-riċevituri tal-ikkowċjar, sabiex b'mod partikolari jissaħħu l-mezzi ta' kummerċjalizzazzjoni bħala mezz ta' prevenzjoni u ta' maniġġar ta' kriżijiet.

2.   Il-fornitur tal-ikkowċjar għandu jkun l-assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-organizzazzjoni tal-produtturi. Il-fornitur tal-ikkowċjar għandu jkun il-benefiċjarju tal-appoġġ għall-miżuri ta' kowċing.

3.   Ir-riċevitur tal-ikkowċjar għandu jkun organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta jew grupp produttur li jkun jinsab f'reġjuni li r-rata ta' organizzazzjoni tiegħu fit-tliet snin konsekuttivi qabel l-implimentazzjoni tal-programm operattiv tkun ta' inqas minn 20 %.

Produtturi individwali, li mhumiex membri ta' organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjonijiet tagħhom, jistgħu jkunu riċevituri ta' kkowċjar anki jekk ikunu jinsabu f'reġjuni b'rata ta' organizzazzjoni ta' aktar minn 20 %.

4.   In-nefqa relatata mal-ikkowċjar għandha tkun parti mill-miżuri ta' prevenzjoni u ta' maniġġar ta' kriżijiet tal-programm operattiv imsemmija fl-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Il-kostijiet eliġibbli relatati mal-ikkowċjar huma elenkati fl-Anness III ta' dan ir-Regolament.

Il-kostijiet kollha identifikati fl-Anness III għandhom jitħallsu lill-fornitur tal-ikkowċjar.

5.   Il-miżuri ta' kkowċjar ma għandhomx jiġu esternalizzati.”;

(8)

L-Artikolu 52 ġie sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 52

Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' għajnuna finanzjarja nazzjonali

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-livell ta' organizzazzjoni tal-produtturi f'reġjun ta' Stat Membru għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-valur tal-frott u l-ħxejjex li jiġu prodotti fir-reġjun ikkonċernat u kkummerċjalizzati minn:

(a)

organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti; u

(b)

gruppi ta' produtturi rikonoxxuti skont l-Artikolu 125e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jew organizzazzjonijiet tal-produtturi u gruppi ta' produtturi rikonoxxuti skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

Għall-fini tal-kalkolu, il-valur stabbilit kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi diviż bil-valur totali tal-frott u tal-ħxejjex prodotti f'dak ir-reġjun.

2.   Il-valur tal-frott u tal-ħxejjex prodotti fir-reġjun ikkonċernat u kkummerċjalizzati mill-organizzazzjonijiet, mill-assoċjazzjonijiet u mill-gruppi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jinkludi biss dawk il-prodotti li għalihom huma rikonoxxuti dawk l-organizzazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet u l-gruppi. L-Artikolu 22 għandu japplika mutatis mutandis.

Għall-kalkolu tal-valur totali tal-frott u tal-ħxejjex li jkunu ġew prodotti f'dak ir-reġjun, il-metodoloġija stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) għandha tapplika mutatis mutandis.

3.   Il-frott u l-ħxejjex biss li jiġu prodotti fir-reġjun imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jibbenifikaw mill-assistenza finanzjarja nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-reġjuni bħala parti distinta mit-territorju tagħhom skont kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, bħall-karatteristiċi agronomiċi u ekonomiċi tagħhom u l-potenzjal agrikolu/tal-frott u l-ħxejjex reġjonali tagħhom, jew l-istruttura istituzzjonali jew amministrattiva tagħhom u li għalihom hemm data disponibbli sabiex jiġi kkalkulat il-livell ta' organizzazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.

Ir-reġjuni definiti minn Stat Membru ma għandhomx jiġu emendati għal mill-inqas ħames snin sakemm tali emenda ma tkunx oġġettivament ġustifikata, b'mod partikolari għal raġunijiet li mhumiex relatati mal-kalkolu tal-livell ta' organizzazzjoni ta' produtturi fir-reġjun jew fir-reġjuni kkonċernati.

5.   Qabel ma jagħtu assistenza finanzjarja nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-lista tar-reġjun(i) li jissodisfa(w) il-kriterji msemmija fil-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u bl-ammont ta' assistenza finanzjarja nazzjonali li ser tingħata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi f'dawk ir-reġjuni.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe emenda għar-reġjun(i) li tissodisfa l-kriterji msemmija fil-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(*3)  Ir-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2003 dwar il-kontijiet ekonomiċi għall-agrikolutra fil-Komunità (ĠU L 33, 5.2.2004, p. 1).”;"

(9)

L-Artikolu 56 ġie sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 56

Indikaturi

1.   Il-programmi operattivi kif ukoll l-istrateġiji nazzjonali għandhom ikunu soġġetti għal monitoraġġ u valutazzjoni bil-għan li jiġi vvalutat il-progress fil-kisba tal-objettivi stabbiliti fil-programmi operattivi, kif ukoll l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom fir-rigward ta' dawk l-objettivi.

2.   Il-progress, l-effiċjenza u l-effikaċja msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati tul l-implimentazzjoni tal-programm operattiv fuq il-bażi ta' indikaturi, stabbiliti fit-Taqsima 4 tal-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/892, fir-rigward ta' azzjonijiet u miżuri implimentati minn organizzazzjonijiet tal-produtturi, assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, assoċjazzjonijiet transnazzjonali ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi u gruppi ta' produtturi rikonoxxuti matul il-programmi operattivi.”;

(10)

L-Artikolu 57 huwa mmodifikat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 2, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

jipprovdu tagħrif għar-rekwiżiti tar-rapportar.”

(b)

Il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-eżerċizzju ta' valutazzjoni għandu jeżamina l-progress li sar fir-rigward tal-objettivi ġenerali tal-programm, fuq il-bażi ta' indikaturi stabbiliti fit-Taqsima 4 tal-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/892”;

(ii)

l-aħħar subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Ir-rapport ta' evalwazzjoni għandu jiġi mehmuż mar-rapport annwali korrispondenti msemmi fl-Artikolu 21 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/892.”;

(11)

L-Annessi II, III u V ġew emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/891, programm operattiv approvat taħt ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (4) jew taħt ir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 qabel l-20 ta' Jannar 2018 għandu jkompli jopera sat-tmiem tiegħu skont il-kundizzjonijiet applikabbli qabel l-1 ta' Jannar 2018.

Madankollu, fuq talba ta' organizzazzjoni tal-produtturi jew ta' assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-Istati Membri jistgħu japprovaw emendi għall-programm operattiv approvati taħt ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jew taħt ir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 qabel l-20 ta' Jannar 2018. Dawk l-emendi għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393, tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 kif emendat bl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament u tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/892 kif emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1146 (5).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Madankollu, il-punti (8), (9) u (10) tal-Artikolu 1 u l-punt (3) tal-Anness għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat-13 ta' Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f'dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 4).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1146 tas-7 ta' Ġunju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/892 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati u r-Regolament (KE) Nru 606/2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiċi enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ara paġna 9 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

L-Annessi tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 ġew emendati kif ġej:

(1)

L-Anness II ġie emendat kif ġej:

(a)

il-punt 20 ġie sostitwit kif ġej:

“20.

Miżuri esternalizzati mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom barra l-Unjoni, ħlief meta l-promozzjoni tiġi implimentata barra l-Unjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/892.”

(b)

Ġie miżjud il-punt ġdid 21 li ġej:

“21.

Kreditu għall-esportazzjoni marbut ma' azzjonijiet u attivitajiet immirati lejn id-diversifikazzjoni u l-konsolidament fis-swieq tal-frott u l-ħaxix, kemm jekk għall-prevenzjoni jew matul perjodu ta' kriżi.”

(2)

Fl-Anness III, ġew miżjuda l-punti ġodda 12, 13 u 14 li ġejjin:

“12.

Kostijiet relatati ma' kkowċjar bħala parti mill-miżuri ta' prevenzjoni u ta' maniġġar ta' kriżijiet tal-programm operattiv.

Il-kostijiet eliġibbli taħt din il-miżura għandhom ikunu:

(a)

il-kostijiet għall-organizzazzjoni u għall-provvista ta' kkowċjar, u

(b)

il-kostijiet ta' vvjaġġar, ta' akkomodazzjoni u ta' sussistenza għal kull jum tal-fornitur tal-ikkowċjar.

13.

Kostijiet relatati man-negozjar u mal-implimentazzjoni u l-immaniġġjar ta' protokolli fitosanitarji ta' pajjiżi terzi fit-territorju tal-Unjoni jekk jitħallsu mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi bħala parti mill-miżuri ta' prevenzjoni u ta' maniġġar ta' kriżijiet imsemmija fl-Artikolu 33(3)(a) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ħlief għar-rimborż ta' spejjeż ta' pajjiżi terzi.

14.

Kostijiet relatati ma' miżuri ta' promozzjoni u ta' komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/892. Il-kostijiet eliġibbli taħt dawn il-miżuri għandhom ikunu kostijiet relatati mal-organizzazzjoni u mal-parteċipazzjoni f'avvenimenti ta' promozzjoni u ta' informazzjoni, inkluża ħidma ta' relazzjonijiet pubbliċi, kampanji ta' promozzjoni u ta' informazzjoni u jistgħu jieħdu l-forma ta' parteċipazzjoni f'avvenimenti, f'fieri u f'wirjiet ta' importanza nazzjonali, Ewropea u internazzjonali. Kostijiet relatati ma' servizzi ta' konsulenza teknika huma eliġibbli jekk huma meħtieġa għall-organizzazzjoni jew għall-parteċipazzjoni f'dawn l-avvenimenti jew għall-kampanji ta' promozzjoni u ta' informazzjoni.”;

(3)

L-Anness V ġie sostitwit b'dan li ġej:

“ANNESS V

Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport annwali tal-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 54(b)

L-informazzjoni kollha għandha tkun relatata mas-sena kalendarja li dwarha jkun qed isir ir-rapport. Għandha tkopri informazzjoni dwar kontrolli mwettqa u penali amministrattivi applikati f'dak ir-rigward. Fir-rigward tal-informazzjoni li tvarja matul is-sena r-rapport annwali għandu jirrifletti s-sitwazzjoni attwali fil-31 ta' Diċembru tas-sena li dwarha jkun qed isir ir-rapport.

PARTI A — INFORMAZZJONI GĦALL-ĠESTJONI TAS-SUQ

1.

Informazzjoni amministrattiva:

(a)

tibdil fil-leġiżlazzjoni nazzjonali adottat sabiex tiġi implimentata t-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tat-Titolu I u t-Taqsimiet 1, 2 u 3 tal-Kapitolu III tat-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(b)

tibdil relatat mal-istrateġija nazzjonali għal programmi operattivi sostenibbli applikabbli għal programmi operattivi.

2.

Informazzjoni relatata ma' organizzazzjonijiet tal-produtturi, ma' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, ma' assoċjazzjonijiet transnazzjonali ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, u ma' gruppi produtturi:

(a)

l-għadd totali ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, ta' assoċjazzjonijiet transnazzjonali ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, u ta' gruppi produtturi rikonoxxuti/sospiżi. Barra minn hekk:

(i)

għal assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi: l-għadd ta' membri tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi;

(ii)

għal assoċjazzjonijiet transnazzjonali ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi: l-għadd ta' membri tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-Istati Membri fejn dawn il-membri għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom;

(b)

l-għadd totali ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, ta' assoċjazzjonijiet transnazzjonali ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, u ta' gruppi produtturi li għalihom ikun ġie rtirat ir-rikonoxximent. Barra minn hekk għal assoċjazzjonijiet transnazzjonali ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi: l-għadd ta' membri tal-organizzazzjonijiet u l-Istati Membri fejn dawn il-membri għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom;

(c)

l-għadd totali ta' fużjonijiet bejn organizzazzjonijiet (imqassam skont it-total, l-għadd ta' organizzazzjonijiet ġodda u numri tal-ID ġodda);

(d)

l-għadd ta' membri (total u mqassam skont entitajiet legali, persuni fiżiċi u produtturi tal-frott u l-ħxejjex);

(e)

l-għadd totali ta' organizzazzjonijiet/gruppi bi programm operattiv/pjan ta' rikonoxximent (imqassam skont dawk rikonoxxuti, sospiżi u soġġetti għal fużjoni);

(f)

parti mill-produzzjoni ta' prodotti maħsuba għas-suq frisk (bl-indikazzjoni tal-valur u l-volum tagħha);

(g)

parti mill-produzzjoni ta' prodotti maħsuba għal ipproċessar (bl-indikazzjoni tal-valur u l-volum tagħha);

(h)

erja taħt produzzjoni ta' frott u ħaxix.

3.

Informazzjoni relatata mal-infiq:

(a)

infiq relatat mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, mal-assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi u mal-assoċjazzjonijiet transnazzjonali ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi (imqassam skont fond operattiv, fond operattiv finali u assistenza finanzjarja nazzjonali);

(b)

infiq totali attwali ta' programmi operattivi għal organizzazzjonijiet tal-produtturi, assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet transnazzjonali ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi (imqassam skont azzjonijiet u miżuri marbuta mal-objettivi tagħhom);

(c)

infiq totali attwali għal gruppi produtturi;

(d)

irtirar imqassam skont il-kategoriji ta' prodotti (volum, nefqa totali, ammont ta' assistenza finanzjarja mill-UE u destinazzjonijiet (distribuzzjoni b'xejn, kompostjar, industrija tal-ipproċessar u oħrajn).

4.

Informazzjoni relatata mal-monitoraġġ ta' programmi operattivi u ta' pjanijiet ta' rikonoxximent:

(a)

Indikaturi fir-rigward ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi u ta' assoċjazzjonijiet transnazzjonali ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi (imqassma skont azzjonijiet u miżuri marbuta mal-objettivi tagħhom);

(b)

Indikaturi fir-rigward ta' gruppi produtturi.

PARTI B — INFORMAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TAL-KONTIJIET

Informazzjoni dwar il-kontrolli u l-penali amministrattivi:

(a)

il-kontrolli mwettqa mill-Istat Membru: id-dettalji ta' korpi li kienu spezzjonati u d-dati taż-żjarat;

(b)

ir-rati ta' kontrolli;

(c)

ir-riżultati tal-kontrolli;

(d)

il-penali amministrattivi applikati.


Top