Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0922

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/922 tat-28 ta' Ġunju 2018 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn tidħol id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għat-tartaruni li jistadu għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) f'ċertu ilmijiet territorjali ta' Spanja (il-Katalunja)

    C/2018/3977

    ĠU L 164, 29.6.2018, p. 39–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/07/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/922/oj

    29.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 164/39


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/922

    tat-28 ta' Ġunju 2018

    li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn tidħol id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għat-tartaruni li jistadu għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) f'ċertu ilmijiet territorjali ta' Spanja (il-Katalunja)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta' tagħmir irmunkat sa tliet mili nawtiċi mill-kosta jew sa livell ta' fond ta' 50 m meta dak il-fond jintlaħaq 'il ġewwa minn dik id-distanza mill-kosta.

    (2)

    Meta xi Stat Membru jitlobha, il-Kummissjoni tista' tippermetti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, dment li jintlaħqu għadd ta' kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9).

    (3)

    Ingħatat deroga mill-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta' dak ir-Regolament sat-8 ta' Mejju 2017 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 464/2014 (2).

    (4)

    Fis-6 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand Spanja għal deroga mill-Artikolu 13(1) ta' dak ir-Regolament.

    (5)

    Spanja tat l-informazzjoni xjentifika u teknika aġġornata li tiġġustifika d-deroga.

    (6)

    F'Jannar tal-2018, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”) ivvaluta d-deroga li talbet Spanja flimkien mar-rapport tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' ġestjoni relatat (3).

    (7)

    L-STECF innota li l-pjan ta' ġestjoni huwa ggwidat mill-prinċipji ta' governanza tajba, inkluż it-teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli, l-ikbar involviment possibbli tal-partijiet ikkonċernati u perspettiva fit-tul. Barra minn hekk, l-STECF innota li Spanja pproponiet studji ġodda biex jinstabu modi għat-tnaqqis tal-qbid skartat u ffissat limitazzjonijiet b'saħħithom fuq l-isforz tas-sajd, b'mod partikolari fil-perjodi ta' disponibilità mnaqqsa tar-riżorsi.

    (8)

    Id-deroga li talbet Spanja tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    (9)

    Hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi, minħabba d-daqs limitat tal-blata kontinentali u d-distribuzzjoni spazjali tal-ispeċijiet fil-mira li jillimitaw iż-żoni tas-sajd.

    (10)

    Dan is-sajd ma jħalli ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar u hu selettiv ħafna, peress li t-tartaruni jitqiegħdu fil-kolonna tal-ilma u ma jmissux qiegħ il-baħar għax il-ġbir ta' materjal minn qiegħ il-baħar jagħmel ħsara lill-ispeċijiet fil-mira, u l-għażla tal-ispeċijiet mistada ssir virtwalment impossibbli minħabba d-daqs żgħir ħafna tagħhom.

    (11)

    Id-deroga li talbet Spanja tolqot għadd limitat ta' 26 bastiment.

    (12)

    Is-sajd ma jistax isir bi rkaptu ieħor għax ma jeżisti ebda rkaptu regolat li bl-istruttura tiegħu, bil-karatteristiċi tekniċi u bit-tip ta' malja użata, jista' jaqbad l-ispeċijiet fil-mira.

    (13)

    Il-pjan ta' ġestjoni jiggarantixxi li fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd, peress li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd jinħarġu biss lis-26 bastiment speċifikat u huwa ddefinit limitu massimu tal-isforz.

    (14)

    It-talba tkopri bastimenti reġistrati fiċ-ċensiment marittimu li tmexxi l-Komunità Awtonoma tal-Katalonja li għandhom esperjenza f'dan is-sajd ta' aktar minn ħames snin, u li jaħdmu bi pjan ta' ġestjoni adottat minn Spanja fis-27 ta' Marzu 2014 (4) u mtawwal fis-26 ta' April 2018 (5) sal-31 ta' Diċembru 2021.

    (15)

    Dawk il-bastimenti jinsabu f'lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni b'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    (16)

    L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 peress li l-pjan ta' ġestjoni relatat jipprojbixxi b'mod espliċitu li jsir sajd f'ħabitats protetti.

    (17)

    Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma japplikawx għax dawn għandhom x'jaqsmu mal-bastimenti tat-tkarkir.

    (18)

    Dwar ir-rekwiżit ta' konformità mal-Artikolu 9(3) li jistabbilixxi d-daqs minimu tal-malja, il-Kummissjoni tinnota li billi l-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati huma selettivi ferm, għandhom effett negliġibbli fuq l-ambjent tal-baħar u ma jsirux f'ħabitats protetti, b'konformità mal-Artikolu 9(7) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, Spanja awtorizzat deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-pjan ta' ġestjoni tagħha.

    (19)

    L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (6).

    (20)

    L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati ma jfixklux l-attivitajiet ta' bastimenti bi rkapti oħra li mhumiex tat-tkarkir, tartaruni jew bi xbieki rmunkati simili.

    (21)

    L-attività tat-tartaruni jirregolaha l-pjan ta' ġestjoni Spanjol biex ikun żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ikunu minimi.

    (22)

    It-tartaruni ma jimmirawx iċ-ċefalopodi.

    (23)

    Il-pjan ta' ġestjoni Spanjol fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    (24)

    Għaldaqstant, l-estensjoni tad-deroga li ntalbet għandha tingħata.

    (25)

    Spanja jenħtieġ li tirrapporta lill-Kummissjoni fi żmien xieraq u skont il-pjan ta' monitoraġġ previst fil-pjan ta' ġestjoni Spanjol.

    (26)

    It-tul tad-deroga jenħtieġ li jkun limitat biex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri ta' ġestjoni korrettivi fil-pront f'każ li r-rapport lill-Kummissjoni jikxef qagħda ħażina ta' konservazzjoni tal-istokk sfruttat, filwaqt li jkun hemm l-opportunità biex tittejjeb il-bażi xjentifika għal pjan ta' ġestjoni mtejjeb.

    (27)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Deroga

    L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ilmijiet territorjali ta' Spanja maġenb il-kosta tar-reġjun tal-Katalonja, għal tartaruni użati minn bastimenti li jistadu għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) u li:

    (a)

    huma rreġistrati fiċ-ċensiment marittimu li tmexxi l-Komunità Awtonoma tal-Katalonja;

    (b)

    għandhom esperjenza vasta fis-sajd ta' aktar minn ħames snin; u

    (c)

    għandhom awtorizzazzjoni għas-sajd u joperaw skont il-pjan ta' ġestjoni li adottat Spanja skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    Artikolu 2

    Rappurtar

    Fi żmien tliet snin minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, Spanja għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jitfassal skont il-pjan ta' monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta' ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c).

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u perjodu tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika sat-2 ta' Lulju 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Ġunju 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 464/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn tidħol id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għal tartaruni li jistadu għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) f'ċertu ilmijiet territorjali ta' Spanja (il-Katalonja) (ĠU L 134, 7.5.2014, p. 37).

    (3)  Ir-rapport tal-STECF (STECF-18–01): https://stecf.jrc.ec.europa.eu/reports/management-plans

    (4)  Diari Oficial de la Generalitat de Catalunya, Nru 6591 tas-27.3.2014, paġna 1.

    (5)  Orden APM/445/2018, de 26 de abril, por la que se prorroga la vigencia del Plan de gestión de la sonsera en el litoral catalán aprobado por la Orden AAM/87/2014, de 20 de marzo. Boletin Oficial del Estado, Num. 107, sec. III, pagina 47609, 3.5.2018.

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).


    Top