This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018H0910(05)
Council Recommendation of 13 July 2018 on the 2018 National Reform Programme of Germany and delivering a Council opinion on the 2018 Stability Programme of Germany
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tal-Ġermanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tal-Ġermanja
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tal-Ġermanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tal-Ġermanja
ST/9437/2018/INIT
ĠU C 320, 10.9.2018, p. 19–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
10.9.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 320/19 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-13 ta' Lulju 2018
dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tal-Ġermanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tal-Ġermanja
(2018/C 320/05)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1) |
Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Qies il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih identifikat lill-Ġermanja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom se ssir analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fl-14 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (3) (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”). |
(2) |
Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li l-Ġermanja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) u (2) hawn isfel. |
(3) |
Ir-rapport tal-pajjiż 2018 għall-Ġermanja ġie ppubblikat fis-7 ta' Marzu 2018. Ir-rapport ivvaluta l-progress tal-Ġermanja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (4), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Ġermanja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tiegħu wkoll ġew ippubblikati fis-7 ta' Marzu 2018. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha għall-konklużjoni li l-Ġermanja għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, is-surplus persistentement għoli tal-kont kurrenti huwa ta' rilevanza transfruntiera u jirrifletti livell baxx ta' investiment relattiv għal tfaddil kemm fis-settur privat kif ukoll pubbliku. Is-surplus, li fil-parti l-kbira huwa ma' pajjiżi li mhumiex parti mill-Unjoni, naqas xi ftit sa mill-2016 u huwa mistenni li jonqos gradwalment minħabba żieda fid-domanda domestika fis-snin li ġejjin filwaqt li jibqa' f'livelli storikament għoljin matul il-perjodu ta' tbassir. Filwaqt li bħalissa hemm bidla lejn aktar tkabbir xprunata mid-domanda domestika, kemm il-konsum kif ukoll l-investiment jibqa' baxx bħala proporzjon tal-PDG minkejja l-kundizzjonijiet ċikliċi u finanzjarji favorevoli u l-infrastruttura meħtieġa mill-investiment li għalih hemm spazju fiskali. Filwaqt li ttieħdu bosta miżuri biex isaħħu l-investiment pubbliku, dawn l-isforzi ma rriżultawx f'xejra sostenibbli 'l fuq fl-investiment pubbliku bħala proporzjoni tal-PDG. Il-progress fl-indirizzar ta' rakkomandazzjonijiet f'oqsma oħra wkoll kien limitat. |
(4) |
Il-Ġermanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2018 fit-30 ta' April 2018 u l-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2018 fid-19 ta' April 2018. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin. |
(5) |
Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba. |
(6) |
Bħalissa l-Ġermanja tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tad-dejn. Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2018, il-Gvern qed jippjana surplus baġitarju ta' bejn 1 u 1 % tal-PDG matul 2018-2021. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju — defiċit strutturali ta' 0,5 % tal-PDG — se jibqa' jiġi ssodisfat b'marġni matul il-perjodu kollu tal-programm. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni jonqos gradwalment għal 53 % fl-2021. Filwaqt li l-Programm ta' Stabbiltà jelenka u jiddeskrivi bosta miżuri ppjanati tal-ftehim ta' koalizzjoni ta' Marzu 2018, li jammontaw għal madwar 1 % tal-PDG matul il-perjodu 2018-2021, dawk għadhom mhumiex inklużi fil-projezzjonijiet tal-Programm ta' Stabbiltà billi sa issa għadhom ma ġewx adottati. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati dawn il-projezzjonijiet baġitarji, li ma ġiex ikkonfermat minn korp indipendenti, huwa plawsibbli (6). Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li se jirreġistra surplus ta' 1,2 % tal-PDG fl-2018 u ta' 1,0 % tal-PDG fl-2019, 'il fuq mill-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Id-dejn pubbliku huwa mbassar li se jibqa' fuq xejra soda 'l isfel. Kumplessivament, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Ġermanja hija pproġettata li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2018 u fl-2019. Fl-istess ħin, filwaqt li jiġu rrispettati l-objettiv fit-terminu medju, hemm skop għall-użu ta' politiki fiskali u strutturali biex tinkiseb xejra sostnuta 'l fuq fl-investiment pubbliku u privat, b'mod partikolari fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. |
(7) |
L-investiment pubbliku reali żdied b'mod qawwi fl-2015-2017. Din it-tendenza tirrifletti l-isforzi mill-Gvern biex issaħħaħ l-investiment. L-investiment pubbliku qed jiżdied, iżda bħala sehem tal-PDG iż-żieda għadha modesta, u għad hemm akkumulazzjoni sinifikanti fil-livell muniċipali, stmat għal 4 % tal-PDG. L-istokk tal-kapital pubbliku bħala sehem tal-PDG għadu qed jonqos, minħabba investiment nett negattiv fil-livell muniċipali (madwar EUR 6 biljun fis-sena fl-2010-2016). L-eliminazzjoni tal-akkumulazzjoni fl-investiment fil-livell muniċipali jkunu jeħtieġ investiment annwali addizzjonali pubbliku ta' 0,3 % tal-PDG matul id-deċennju li jmiss. L-investiment bħala perċentwal ta' stokk ta' kapital fis-settur tal-gvern, u investiment pubbliku bħala perċentwal tan-nefqa pubblika huma aktar baxxi mill-medja taż-Żona tal-Euro. Aġenzija ta' servizz imwaqqfa biex tappoġġa l-investiment pubbliku fil-livell muniċipali bdiet taħdem fl-2017, iżda huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jindirizzaw l-akkumulazzjoni tal-investiment. Flimkien mal-pożizzjoni baġitarja favorevoli, dan jindika li hemm ambitu biex jiżdied l-investiment fil-livelli kollha tal-gvern, b'mod partikolari fil-livelli reġjonali u muniċipali. |
(8) |
In-nefqa pubblika fuq l-edukazzjoni baqgħet 4,2 % tal-PDG fl-2016, taħt il-medja tal-Unjoni ta' 4,7 %. In-nefqa fuq l-edukazzjoni u r-riċerka baqgħat 9,0 % tal-PDG fl-2016, li ma laħqitx il-mira nazzjonali ta' 10 % tal-PDG. Dan jikkorrispondi għal diskrepanza fl-investiment stmata għal madwar EUR 33 biljun. Filwaqt li n-nefqa fl-edukazzjoni żdiedet f'termini reali, għad fadal investiment konsiderevoli pendenti. Fl-istess ħin, sfidi bħal numru li qed jikber ta' studenti, nuqqasijiet ta' għalliema u l-espansjoni ulterjuri tal-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal se jkomplu jeħtieġu finanzjament pubbliku adegwat. Infiq addizzjonali fuq l-edukazzjoni u fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni huwa kruċjali għat-tkabbir potenzjali tal-Ġermanja. |
(9) |
Id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija Ġermaniża qed tagħmel progress bil-mod u l-pajjiż qed tħabbat wiċċu ma' sfidi konsiderevoli. Hemm distakk diġitali evidenti bejn iż-żoni urbani u dawk rurali fir-rigward tal-kopertura tal-internet veloċi (aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss sa 30 Mbit) (biss 54 % f'żoni rurali). Il-Ġermanja għadha lura fl-iskjerar tal-broadband ta' kapaċità għolja ħafna (> 100 Mbit). Proporzjon relattivament żgħir biss fit-territorju tal-Ġermanja (7,3 %) huwa kopert minn netwerks ta' aċċess ta' prestazzjoni għolja bbażati fuq il-fibrottika, fejn il-medja tal-Unjoni hija ta' 26,8 %. Minflok, l-aġġornament tan-netwerks tal-kejbils tar-ram (vectoring) kompla jkun is-soluzzjoni teknoloġika preferita dominanti tal-operatur attwali. Bosta servizzi jiddependu fuq il-konnettività mgħaġġla ħafna u fl-2017, 25,3 % tal-impriżi Ġermaniżi sabu li l-konnessjoni tagħhom fuq l-internet mhijiex mgħaġġla biżżejjed għall-bżonnijiet ta' negozju tagħhom. Nuqqas ta' konnettività żżomm lura l-investiment, b'mod partikolari dak ta' negozji żgħar u ta' daqs medju, li bosta minnhom jinsabu f'żoni rurali u semi-rurali. Il-prestazzjoni fis-servizzi pubbliċi diġitali u fis-saħħa elettronika hija wkoll ħafna inqas mill-medja tal-Unjoni. |
(10) |
L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp tan-negozju qed jikber u l-Ġermanja hija qrib li tilħaq il-mira tal-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp tagħha tal-Ewropa 2020. Madankollu, l-investiment huwa dejjem iktar ikkonċentrat fuq ditti kbar u fil-manifattura b'teknoloġija medja / għolja filwaqt li l-kontribuzzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju qed jonqos. Ittieħdu għadd ta' miżuri biex tissaħħaħ l-attività intraprenditorjali, b'mod speċjali bl-attrazzjoni ta' investimenti privati fil-kapital ta' riskju. Madankollu, is-suq tal-kapital ta' riskju tal-Ġermanja għadu inqas żviluppat meta mqabbel ma' mexxejja tal-innovazzjoni internazzjonali oħra. |
(11) |
Minkejja xi titjib fis-snin reċenti, is-sistema fiskali tal-Ġermanja għadha ineffiċjenti, b'mod partikolari minħabba li hija kumplessa u tgħawweġ it-teħid ta' deċiżjonijiet, pereżempju dwar parteċipazzjoni tal-investiment, tal-finanzjament u s-suq tax-xogħol. Il-Ġermanja tqiegħed enfasi relattivament b'saħħitha dwar taxxi diretti li jiġġeneraw dħul u hemm potenzjal biex titnaqqas id-distorsjoni mit-tassazzjoni diretta jew għal bidla lejn taxxi inqas distorsivi fuq il-proprjetà, il-wirt u l-konsum. Il-livelli tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali fuq dħul minn impjieg huma s-sitt l-ogħla fl-Unjoni fl-2015. L-ispiża tal-kapital u r-rata tat-taxxa korporattiva medja effettiva, li tvarja fost ir-reġjuni, huma fost l-ogħla fl-Unjoni (28,2 % bħala aggregat nazzjonali, meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni ta' 20,9 %). Minħabba l-interazzjoni bejn it-taxxa korporattiva, it-taxxa kummerċjali lokali u s-soprataxxa ta' solidarjetà, is-sistema tat-taxxa korporattiva hija kumplessa, tinvolvi spejjeż amministrattivi għolja u toħloq distorsjonijiet dwar il-livell u l-pożizzjoni tal-investimenti. Barra minn hekk, it-taxxa korporattiva toħloq distorsjoni fid-deċiżjonijiet ta' finanzjament, b'tendenza favur il-finanzjament tad-dejn. Din it-tendenza hija s-seba' l-ogħla fl-Unjoni. It-tnaqqis tal-ispejjeż kapitali fuq il-kapital ta' ekwità jista' jsaħħaħ l-investiment privat u s-suq tal-kapital ta' riskju li huwa relattivament sottożviluppat. Barra minn hekk, dispożizzjonijiet għat-trasferiment tat-telf jibqgħu relattivament stretti, li jillimitaw l-ammont għal 60 % tad-dħul taxxabbli għal sena partikolari. |
(12) |
Ir-regolament fil-Ġermanja għadu restrittiv ħafna, b'mod speċjali fir-rigward tas-servizzi tan-negozju, il-professjonijiet regolati u l-formalitajiet amministrattivi għal forniment transfruntiera ta' servizzi. Restrizzjonijiet ewlenin jikkonċernaw fost oħrajn il-forma ġuridika u l-parteċipazzjoni azzjonarja. Ir-rati ta' attrizzjoni fis-setturi tas-servizzi kummerċjali ewlenin bħal dawk legali, tal-kontabbiltà, l-arkitettura u l-inġinerija huma inqas mill-medja tal-Unjoni, filwaqt li r-rati operattivi gross f'dawk is-setturi huma 'l fuq mill-medja, li jissuġġerixxi pressjonijiet kompetittivi iktar baxxi. Minħabba r-rwol tas-servizzi bħala inputs intermedji, ir-regolament restrittiv ta' servizzi jżid il-produttività fl-industriji intensivi fis-servizzi iktar 'l isfel fil-katina ta' attivitajiet. |
(13) |
Il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol tal-Ġermanja kienet b'saħħitha. Il-qgħad niżel għal livell rekord ta' 3,6 % fir-raba' kwart tal-2017 u l-impjieg laħaq 79,8 %. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ (6,8 % fl-2017) huwa wieħed mill-iktar baxxi fl-Unjoni. Il-Ġermanja għaddejja minn nuqqasijiet dejjem jikbru ta' ħaddiema b'ħiliet speċjali, filwaqt li l-potenzjal ta' ċerti gruppi tas-suq tax-xogħol għadu mhuwiex utilizzat biżżejjed. Il-proporzjon ta' persuni li jaħdmu part-time, b'mod partikolari n-nisa u dawk bi sfond migratorju u b'responsabbiltajiet ta' kura, huwa fost l-ogħla fl-Unjoni. Għan-nisa, il-fatturi ewlenin jinkludu diżinċentivi biex jaħdmu sigħat twal, flimkien man-nuqqas ta' indukrar tat-tfal suffiċjenti u faċilitajiet tal-iskola matul il-ġurnata kollha. Regoli tat-taxxa speċifiċi, b'mod partikolari għat-tieni sors ta' dħul u l-ħaddiema bi dħul baxx, flimkien mal-effetti lock-in ta' limitu ta' qligħ ta' EUR 450 minn xogħlijiet żgħar iġġeneraw diżinċentivi biex wieħed jaħdem għal aktar sigħat. Il-Ġermanja għandha wieħed mill-ogħla porzjon tat-taxxa fuq ħaddiema b'paga baxxa, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa. Ir-rata għolja ta' nisa li jaħdmu part-time hija akkumpanjata minn waħda mill-ogħla differenzi bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fl-Unjoni (37,5 % kontra l-medja tal-Unjoni ta' 23,1 %). Dan jikkontribwixxi għal differenza wiesgħa ħafna bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fil-Ġermanja. |
(14) |
It-tkabbir tal-pagi nominali baqa' moderat fl-2017, bi 2,4 % minkejja rekord baxx ta' qgħad u rati għolja ta' postijiet vakanti tax-xogħol. Din ir-rata relattivament baxxa hija parzjalment minħabba żieda bil-mod fil-produttività fis-servizzi, kopertura baxxa ta' negozjar kollettiv f'xi setturi u tnaqqis fil-qgħad strutturali. Ir-reazzjoni għaż-żieda fl-inflazzjoni kienet limitata, bi tnaqqis fit-tkabbir tal-pagi reali jonqos minn 1,8 % fl-2016 għal 0,7 % fl-2017. Ftehimiet kollettivi minn kmieni fl-2018 jistgħu jwasslu għal xi aċċellerazzjoni tal-pagi; ta' min jimmonitorja l-iżviluppi f'dan il-qasam. Il-proporzjon ta' dawk b'paga baxxa għadu għoli u hemm skop għal żieda fin-numru ta' sigħat maħduma fid-deċili l-iktar baxxi tal-pagi. Żieda fl-immigrazzjoni ma waqfitx it-tkabbir tal-pagi fis-segmenti l-iktar baxxi tal-pagi. L-introduzzjoni ta' paga minima statutorja ġenerali fl-2015, u ż-żieda sussegwenti tagħha fl-2017, żiedu l-pagi fil-livell l-iktar baxx tad-distribuzzjoni. Minbarra ż-żidiet fil-pagi, l-imsieħba soċjali qed jiffokaw fuq il-flessibilità tal-ħin tax-xogħol fin-negozjati attwali dwar il-pagi. |
(15) |
B'mod ġenerali l-Ġermanja għandha sistema soda ta' ħarsien soċjali. Madankollu, ir-rata ta' dawk fir-riskju tal-faqar għall-popolazzjoni totali żdiedet b'mod kostanti sal-2015 qabel ma nqalbet ftit it-tendenza fl-2016. L-inugwaljanza fid-dħul ukoll beda jonqos li juri tnaqqis modest fil-proporzjon ta' S80/S20 minħabba titjib fl-introjtu tal-ifqar familji. It-titjib reċenti tal-faqar fost dawk f'impjieg fl-2016 kien modest u bbenefika biss lil irġiel. |
(16) |
Il-Ġermanja tista' ttejjeb ir-rabta ta' ħaddiema iktar kbar fl-età mas-suq tax-xogħol, li għandha żżid id-dħul fost dawk li huma kbar fl-età, ittejjeb l-eżitu potenzjali, tgħin tadatta għal suq tax-xogħol limitat, u tnaqqas il-ħtieġa għal tfaddil prekawzjonarju għax-xjuħija. Ir-riskji tas-sostenibbiltà fiskali bħalissa huma baxxi, fil-parti l-kbira minħabba surplus primarju relattivament għoli. Minkejja dan, il-Ġermanja hija mistennija li jkollha waħda mill-ogħla żidiet fin-nefqa tal-pensjoni fl-Unjoni sal-2070 skont ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2018. Bi 17,6 % fl-2016, ir-riskju tal-faqar fix-xjuħija (jiġifieri 'l fuq minn 65 sena) kien 'il fuq mill-medja tal-Unjoni ta' 14,7 %. Id-deterjorament futur tal-adegwatezza tal-pensjoni fl-ewwel pilastru statutorju huwa mistenni li jżid ir-riskju ta' faqar fis-xjuħija, b'mod partikolari għal dawk li jaqilgħu paga baxxa, persuni b'kuntratti atipiċi u dawk li esperjenzaw interruzzjonijiet mill-impjieg tagħhom. Barra minn hekk, id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa hija waħda mill-ogħla fl-Unjoni. Fl-istess ħin, filwaqt li r-rata tal-impjieg għal ħaddiema fl-età ta' 60-64 sena (58,4 % fl-2017) kien fost l-ogħla fl-Unjoni, ir-rata tal-impjieg għal ħaddiema bejn 65-69 kienet fin-nofs tat-terz tal-Istati Membri (16,1 %). |
(17) |
L-isfond soċjoekonomiku jibqa' fattur determinanti konsiderevoli ta' eżiti tal-edukazzjoni u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Fix-xjenza tikkontribwixxi għal differenza fil-prestazzjoni ta' tliet snin ta' edukazzjoni skolastika bejn l-inqas u l-ogħla kwartili soċjali skont il-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti fl-2015. Data nazzjonali tikkonferma l-korrelazzjoni sostanzjali wkoll fl-edukazzjoni primarja. Sfidi partikolari jeżistu għal studenti bi sfond migratorju. Meta mqabbla ma' studenti li twieldu l-Ġermanja, għandhom tendenza li ma jkollhomx riżultati tajbin fil-ħiliet bażiċi u jitilqu mill-iskola kmieni jew jieqfu matul il-kors tal-università. Barra minn dan, il-potenzjal tas-suq tax-xogħol ta' persuni bi sfond migratorju mhuwiex qiegħed jintuża bis-sħiħ. Fl-2017, il-qgħad fost ċittadini ta' pajjiżi terzi (età 20-64 sena) kien iktar minn 27 punt perċentwali inqas minn dak għal ċittadini Ġermaniżi (32 punt perċentwali inqas fil-każ ta' ċittadini nisa ta' pajjiżi terzi). Il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tagħlim għall-adulti hija ta' tħassib għall-prestazzjoni futura tal-ħaddiema tas-suq tax-xogħol partikolarment għall-popolazzjoni adulta b'ħiliet baxxi ta' 7,5 miljun persuna li m'għandhomx il-ħiliet bażiċi ta' qari u kitba. |
(18) |
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Ġermanja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Ġermanja fis-snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Ġermanja iżda wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. |
(19) |
Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà 2018 u huwa tal-opinjoni (7) li l-Ġermanja hija mistennija tikkonforma mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. |
(20) |
Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu li saru skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) hawn taħt, |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ġermanja tieħu azzjoni fl-2018 u fl-2019 biex:
1. |
Filwaqt li jiġi rrispettat l-objettiv fit-terminu medju, tuża politiki fiskali u strutturali biex tikseb xejra sostnuta 'l fuq fl-investiment pubbliku u privat, u b'mod partikolari fuq edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni fil-livelli kollha tal-gvern, b'mod partikolari fil-livelli reġjonali u muniċipali. Iżżid l-isforzi biex tiżgura d-disponibbiltà ta' infrastruttura nazzjonali tal-broadband b'kapaċità għolja. Ittejjeb l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa u trendiha favorevoli għall-investiment. Issaħħaħ il-kompetizzjoni fis-servizzi tan-negozji u l-professjonijiet regolati. |
2. |
Tnaqqas id-diżinċentivi biex in-nies jaħdmu aktar, inkluż il-porzjon għoli ta' taxxa, b'mod partikolarment għal dawk b'paga baxxa u dawk li huma t-tieni sors ta' paga. Tieħu miżuri biex tippromwovi ħajja ta' impjieg itwal. Toħloq kundizzjonijiet biex tippromwovi tkabbir ogħla fil-pagi, filwaqt li jiġi rispettat ir-rwol tal-imsieħba soċjali. Ittejjeb l-eżiti tal-edukazzjoni u l-livelli ta' ħiliet ta' gruppi żvantaġġati. |
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
H. LÖGER
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3) ĠU C 179, 25.5.2018, p. 1.
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(6) Skont ir-Regolament dwar il-Projezzjonijiet Ekonomiċi tal-Gvern Federali (Vorausschätzungsverordnung) li daħal fil-liġi mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Enerġija bi ftehim mal-Ministeru għall-Finanzi u li jidħol fis-seħħ f'Lulju 2018, il-grupp konġunt tal-proġett Previżjoni Ekonomika (Gemeinschaftsdiagnose) ġie dikjarat il-korp indipendenti inkarigat mill-valutazzjoni tal-projezzjonijiet ekonomiċi li sottostanti għall-Abbozz ta' Pjanijiet Baġitarji u l-Programmi ta' Stabbiltà fis-sens tal-Liġi dwar il-Projezzjonijiet Ekonomiċi (Vorausschätzungsgesetz).
(7) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.