EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D2030

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2030 tad-19 ta' Diċembru 2018 li tiddetermina, għal perjodu ta' żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal depożitorji ċentrali tat-titoli tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq huwa ekwivalenti skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2018/9138

ĠU L 325, 20.12.2018, p. 47–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/03/2021: This act has been changed. Current consolidated version: 05/04/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/2030/oj

20.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 325/47


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2030

tad-19 ta' Diċembru 2018

li tiddetermina, għal perjodu ta' żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal depożitorji ċentrali tat-titoli tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq huwa ekwivalenti skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 9/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 25(9) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (“ir-Renju Unit”) ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, jekk dan ma jintlaħaqx, sentejn wara n-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu.

(2)

Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2018“Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Marzu 2019: Pjan ta' Azzjoni ta' Kontinġenza” (2) (“il-Pjan ta' Azzjoni ta' Kontinġenza”), ħruġ mingħajr ftehim jista' joħloq riskji fir-rigward ta' ċerti servizzi pprovduti lill-operaturi tal-Unjoni minn depożitorji ċentrali tat-titoli (“CSDs”) li diġà ġew awtorizzati fir-Renju Unit (“UK CSDs”) u li ma jistgħux jinbidlu fuq medda qasira ta' żmien. Biex riskju bħal dan jiġi evitat, huwa ġġustifikat u fl-interess tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha li jiżguraw, għal perjodu limitat ta' żmien, li CSDs tar-Renju Unit ikunu jistgħu ikomplu jipprovdu servizzi fl-Unjoni wara d-29 ta' Marzu 2019.

(3)

Is-CSDs huma strumentali għas-swieq finanzjarji. Ir-reġistrar ta' titoli f'sistema ta' entrati fil-kotba (“servizzi notarili”) u ż-żamma ta' kontijiet ta' titoli fl-ogħla grad (“servizzi ċentrali ta' manutenzjoni”) iżidu t-trasparenza u jipproteġu lill-investituri, peress li jiżguraw l-integrità tal-ħruġ u tevita duplikazzjoni mhix dovuta jew tnaqqis ta' titoli. Is-CSDs joperaw ukoll sistemi ta' saldu tat-titoli, li jiżguraw li t-tranżazzjonijiet tat-titoli jiġu saldati b'mod xieraq u f'waqtu. Dawn il-funzjonijiet huma kritiċi fil-proċess tal-ikklerjar u tas-saldu ta' wara n-negozju u għaldaqstant huma essenzjali għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Sistemi ta' saldu tat-titoli huma essenzjali wkoll għall-politika monetarja billi huma involuti mill-qrib fl-iżgurar ta' kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja. Barra minn hekk, operaturi tas-suq fl-Irlanda jiddependu fuq is-servizzi ta' CSD tar-Renju Unit fir-rigward ta' titoli korporattivi u fondi negozjati fil-borża kostitwiti skont id-dritt domestiku tal-Irlanda.

(4)

Mit-30 ta' Marzu 2019, is-CSDs tar-Renju Unit se jitqiesu “CSDs ta' pajjiż terz” u, bħala tali, jistgħu jipprovdu servizzi notarili u ta' manutenzjoni ċentrali biss fir-rigward ta' strumenti finanzjarji kostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru jekk ikunu rikonoxxuti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014. Fin-nuqqas ta' rikonoxximent tas-CSDs tar-Renju Unit, emittenti tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jużaw CSDs tar-Renju Unit biex jirreġistraw titoli trasferibbli kostitwiti skont dawn il-liġijiet f'format ta' entrata fil-kotba f'CSD kif meħtieġ mill-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014. Din is-sitwazzjoni tista' tirriżulta fi sfidi temporanji għall-emittenti biex jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom. Kif imħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Kontinġenza, huwa għaldaqstant meħtieġ li, f'dik is-sitwazzjoni eċċezzjonali, l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji li jirregolaw is-CSDs tar-Renju Unit huma meqjusa bħala ekwivalenti għal perjodu ta' żmien strettament limitat u taħt kundizzjonijiet speċifiċi sabiex dawk is-CSDs jkunu jistgħu jkomplu jipprovdu servizzi notarili u ta' manutenzjoni fl-Unjoni.

(5)

Skont l-Artikolu 25(9) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CSDs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(6)

L-ewwel, li l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji ta' pajjiż terz iridu jiżguraw li s-CSDs awtorizzati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti ġuridikament vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 909/2014. Sad-29 ta' Marzu 2019, CSDs tar-Renju Unit iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 909/2014. Bħala parti mill-Att dwar (il-Ħruġ) mill-Unjoni Ewropea tal-2018, fis-26 ta' Ġunju 2018 ir-Renju Unit inkorpora d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit b'effett mid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

(7)

It-tieni, l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji tal-pajjiż terz iridu jiżguraw li s-CSDs stabbiliti fil-pajjiż terz huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Sad-29 ta' Marzu 2019, is-CSDs tar-Renju Unit huma taħt is-superviżjoni tal-Bank of England, kif determinat fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014. Bħala parti mal-inkorporazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit, il-Bank of England jibqa' responsabbli għas-superviżjoni tas-CSDs u l-poteri superviżorji u ta' infurzar tiegħu fir-rigward tas-CSDs se jibqgħu essenzjalment l-istess.

(8)

It-tielet, li l-qafas ġuridiku tal-pajjiż terz irid jipprovdi għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CSDs awtorizzati skont reġimi ġuridiċi ta' pajjiżi terzi. Dan huwa żgurat mill-inkorporazzjoni tas-sistema ta' ekwivalenza fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit.

(9)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji tar-Renju Unit applikabbli għal CSDs tar-Renju Unit fil-jum wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25(9) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(10)

Madankollu, din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji applikabbli għal CSDs tar-Renju Unit fil-jum wara l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni. Jenħtieġ li dawk l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji jitqiesu ekwivalenti meta r-rekwiżiti applikabbli għal CSDs fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit jinżammu u jkomplu jiġu applikati u infurzati b'mod effettiv fuq bażi kontinwa. L-iskambju effettiv ta' informazzjoni u l-koordinazzjoni ta' attivitajiet superviżorji bejn l-ESMA u l-Bank of England huwa għalhekk kundizzjoni essenzjali għaż-żamma tad-determinazzjoni tal-ekwivalenza.

(11)

Dan l-iskambju ta' informazzjoni jeħtieġ il-konklużjoni ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni komprensiva u effettiva f'konformità mal-Artikolu 25(10) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014. Jenħtieġ li dawn l-arranġamenti ta' kooperazzjoni jiżguraw ukoll il-possibbiltà li tiġi skambjata l-informazzjoni rilevanti kollha mal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew u l-membri l-oħra tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, għall-fini ta' konsultazzjoni ma' dawk l-awtoritajiet dwar l-istatus rikonoxxut ta' CSDs tar-Renju Unit jew meta dik l-informazzjoni tkun meħtieġa biex dawk l-awtoritajiet iwettqu l-kompiti superviżorji tagħhom.

(12)

Fil-każ eċċezzjonali tal-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim, u peress li CSDs tar-Renju Unit huma importanti għall-operaturi tas-suq, arranġamenti ta' kooperazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 25(10) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 iridu jiżguraw li l-ESMA jkollha aċċess immedjat, fuq bażi kontinwa, għall-informazzjoni kollha mitluba minnha. Din l-informazzjoni tinkludi iżda mhux limitata għal, informazzjoni li tippermetti l-valutazzjoni ta' kwalunkwe riskju materjali maħluq minn CSDs tar-Renju Unit għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, direttament jew indirettament. Jenħtieġ għaldaqstant li l-arranġamenti ta' kooperazzjoni jispeċifikaw il-mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-ESMA, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fih CSD ikollu fergħa jew jipprovdi servizzi ta' CSD (“l-Istat Membru ospitanti”) u l-Bank of England, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni kollha rigward CSDs tar-Renju Unit li hija rikjesta mill-ESMA u b'mod partikolari l-aċċess għall-informazzjoni mitluba mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar ir-rappurtar perjodiku dwar l-attivitajiet tas-CSDs tar-Renju Unit fl-Istat Membru ospitanti; il-komunikazzjoni tal-identità tal-emittenti u tal-parteċipanti fis-sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma minn CSDs tar-Renju Unit jew kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra dwar attivitajiet ta' CSDs tar-Renju Unit fl-Istat Membru ospitanti; kif ukoll notifika fil-pront lill-ESMA ta' kull żvilupp fir-rigward tas-CSDs tar-Renju Unit li jista' jaffettwa l-politika monetarja tal-Unjoni u bi kwalunkwe bidla fl-arranġamenti ġuridiċi u/jew superviżorji applikabbli għal CSDs tar-Renju Unit; il-mekkaniżmu għal notifika fil-pront tal-ESMA fejn il-Bank of England iqis li CSD li jkun qed iwettaq is-superviżjoni tiegħu jkun qed jikser il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tiegħu jew liġi applikabbli oħra; u l-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji inklużi, fejn adatt, spezzjonijiet fuq il-post.

(13)

Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-ESMA, se timmonitorja kull bidla introdotta fl-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji li jaffettwaw CSDs tar-Renju Unit, żviluppi tas-suq kif ukoll l-effettività ta' kooperazzjoni superviżorja, inkluż skambju ta' informazzjoni fil-pront bejn l-ESMA u l-Bank of England. Il-Kummissjoni tista' twettaq rieżami fi kwalunkwe ħin fejn żviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija b'din id-Deċiżjoni, inkluż fejn it-termini tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni konklużi bejn l-ESMA u l-Bank of England ma jiġux rispettati jew ma jippermettux għal valutazzjoni effikaċi tar-riskji li joħolqu s-CSDs tar-Renju Unit għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.

(14)

Fid-dawl tal-inċertezzi dwar ir-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, kif ukoll l-impatt potenzjali tagħhom fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u dwar l-integrità tas-Suq Uniku, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiskadi fit-30 ta' Marzu 2021. Għaldaqstant il-valutazzjoni f'din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni futura tal-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji għar-Renju Unit għal CSDs u għalhekk jenħtieġ li ma tiġix invokat lil hinn mill-finijiet ta' din id-Deċiżjoni.

(15)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta' urġenza u tapplika biss mid-data ta' wara dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih, sakemm ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim ta' ħruġ konkluż mar-Renju Unit sa dik id-data jew ikun ġie estiż il-perjodu ta' sentejn msemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(16)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jikkonsistu fl-Att dwar is-Servizzi u s-Swieq Finanzjarji 2000 u l-Att (ta' Ħruġ) mill-Unjoni Ewropea 2018 applikabbli għal depożitorji ċentrali ta' titoli diġà stabbiliti u awtorizzati fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-ġurnata ta' wara meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika fi kwalunkwe minn dawn il-każijiet li ġejjin:

(a)

ikun daħal fis-seħħ ftehim ta' ħruġ konkluż mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea sa dik id-data;

(b)

tkun ittieħdet deċiżjoni li testendi l-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Din għandha tiskadi fit-30 ta' Marzu 2021.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1

(2)  COM(2018) 880 final


Top