Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1994

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1994 tal-11 ta' Diċembru 2018 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    ST/14474/2018/INIT

    ĠU L 320, 17.12.2018, p. 35–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/11/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1994/oj

    17.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 320/35


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1994

    tal-11 ta' Diċembru 2018

    li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi d-dritt ta' persuna taxxabbli li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq provvisti ta' merkanzija u servizzi rċevuti minn dik il-persuna għall-użu fit-tranżazzjonijiet taxxabbli ta' dik il-persuna. Il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) ta' dik id-Direttiva fih rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT meta xi assi ta' negozju jintuża għal skopijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b'mod iktar ġenerali, għal skopijiet mhux marbuta man-negozju tagħha.

    (2)

    Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-22 ta' Diċembru 2016, il-Kroazja talbet l-awtorizzazzjoni biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq x-xiri fir-rigward tax-xiri u l-kiri tal-ajruplani, il-bastimenti u l-karozzi personali, inkluż ix-xiri ta' aċċessorji għal tali merkanzija kif ukoll is-servizzi pprovduti fir-rigward tagħhom. Wara numru ta' diskussjonijiet mal-Kummissjoni, il-Kroazja ssottomettiet talba modifikata limitata għall-karozzi tal-passiġġieri, li ġiet irreġistrata mal-Kummissjoni fis-17 ta' Settembru 2018.

    (3)

    Il-Kummissjoni għaddiet it-talba tal-Kroazja lill-Istati Membri l-oħra permezz ta' ittra bid-data tal-21 ta' Settembru 2018. Permezz ta' ittra bid-data tal-24 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Kroazja li kellha l-informazzjoni kollha li kienet tqis meħtieġa biex tevalwa t-talba.

    (4)

    Il-persuni taxxabbli fil-Kroazja ma jistgħux inaqqsu l-VAT marbuta mal-karozzi tal-passiġġieri li jintużaw parzjalment għal skopijiet kummerċjali. Il-Kroazja għandha l-ħsieb li timmodifika l-leġislazzjoni tagħha u tippermetti t-tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri marbut ma' karozzi tal-passiġġieri.

    (5)

    Il-Kroazja ssostni li ħafna drabi huwa kkumplikat li tiddetermina b'mod preċiż sa liema punt il-karozzi jintużaw għal skopijiet privati jew professjonali u li, anke meta dan ikun possibbli, dan ikun ta' spiss wisq diffiċli. Il-Kroazja għalhekk tikkunsidra li jkun xieraq li tapplika l-perċentwali fiss għat-tnaqqis tal-VAT. Abbażi ta' stimi, il-Kroazja ssostni li l-limitu ta' 50 % huwa xieraq.

    (6)

    Skont il-Kroazja, l-applikazzjoni ta' limitu perċentwali fiss għat-tnaqqis tal-VAT ma jirriżultax f'piż amministrattiv addizzjonali jew kostijiet addizzjonali għan-negozji u għall-awtoritajiet tat-taxxa filwaqt li t-tnaqqis tal-VAT ikun possibbli. L-introduzzjoni tat-tnaqqis tal-VAT ser tnaqqas l-interess tal-kontribwenti biex jakkwistaw merkanzija u servizzi marbuta mal-karozzi tal-passiġġieri minn persuni li jwettqu attività mhux irreġistrata.

    (7)

    Għalhekk, abbażi tal-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kroazja talbet li tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikolu 168 ta' dik id-Direttiva sabiex tillimita d-dritt għat-tnaqqis fuq il-karozzi tal-passiġġieri għal perċentwali stabbilit (“il-miżura speċjali”).

    (8)

    Ir-restrizzjoni fuq id-dritt għat-tnaqqis jenħtieġ li tapplika għall-VAT imħallsa fuq ix-xiri u l-kiri tal-karozzi personali, inkluż ix-xiri tal-merkanzija u s-servizzi kollha pprovduti fir-rigward tagħhom. Il-karozzi tal-passiġġieri koperti huma kkunsidrati bħala vetturi bil-mutur intiżi għat-trasport tal-persuni b'massimu ta' tmien sitijiet minbarra s-sit tas-sewwieq.

    (9)

    Il-miżura speċjali hija mfassla biex tissimplifika l-proċedura tal-intaxxar u biex tilqa' kontra l-evażjoni tal-VAT filwaqt li tippermetti t-tnaqqis tal-VAT fuq il-karozzi tal-passiġġieri użati parzjalment għal skopijiet kummerċjali. Minħabba l-impatt potenzjalment pożittiv kemm fuq in-negozji u kemm fuq l-amministrazzjonijiet, huwa xieraq li tingħata l-miżura speċjali.

    (10)

    Il-miżura speċjali jenħtieġ li tapplika mill-1 ta' Jannar 2019 u jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien sal-31 ta' Diċembru 2021, bil-għan li jkun jista' jiġi vvalutat jekk ir-restrizzjoni ta' 50 % hijiex riflessjoni korretta tat-tqassim globali bejn l-użu kummerċjali u dak privat.

    (11)

    Fil-każ li l-Kroazja tikkunsidra li tkun meħtieġa estensjoni tal-miżura speċjali lil hinn mill-2021, jenħtieġ li, sal-31 ta' Marzu 2021, tibgħat talba lill-Kummissjoni għal estensjoni flimkien ma' rapport li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwali applikat.

    (12)

    Il-miżura speċjali ser ikollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux ser ikollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B'deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kroazja hija awtorizzata li tillimita għal 50 % d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) b'rabta man-nefqa fuq il-karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali.

    Artikolu 2

    B'deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kroazja ma għandhiex tittratta bħala provvista ta' servizzi b'rimunerazzjoni l-użu mhux kummerċjali ta' karozza tal-passiġġieri inkluża fl-assi ta' negozju ta' persuna taxxabbli, meta dik il-karozza kienet soġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    In-nefqa msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkopri x-xiri u l-kiri tal-karozzi tal-passiġġiera inkluż ix-xiri tal-merkanzija u s-servizzi kollha pprovduti fir-rigward tagħhom.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika biss għall-vetturi bil-mutur intiżi għat-trasport tal-persuni b'massimu ta' tmien sitijiet minbarra s-sit tas-sewwieq.

    Artikolu 5

    L-Artikoli 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal:

    (a)

    vetturi użati għat-taħriġ tas-sewwieqa, l-ittestjar tal-karozzi, is-servizz ta' tiswija, attività ekonomika li tinvolvi t-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija, it-trasport ta' persuni deċeduti jew il-kiri;

    (b)

    vetturi mixtrija għall-iskop ta' bejgħ mill-ġdid.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

    Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2021.

    Kull talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f'din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2021 u għandha tiġi akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwali stabbilit fl-Artikolu 1.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. BLÜMEL


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


    Top