Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1961

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1961 tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi regoli interni li jikkonċernaw l-għoti ta' informazzjoni lil suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' wħud mid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta' data personali għall-fini ta' attivitajiet tal-awditjar intern

    C/2018/8587

    ĠU L 315, 12.12.2018, p. 35–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1961/oj

    12.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 315/35


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1961

    tal-11 ta' Diċembru 2018

    li tistabbilixxi regoli interni li jikkonċernaw l-għoti ta' informazzjoni lil suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' wħud mid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta' data personali għall-fini ta' attivitajiet tal-awditjar intern

    IL-KUMMISSJONI,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 249(1),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jirrikjedi li kull istituzzjoni tal-Unjoni tistabbilixxi uffiċċju tal-awditjar intern li għandu jaħdem f'konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti. L-attivitajiet tal-awditjar intern fil-Kummissjoni jitwettqu mis-Servizz tal-Awditjar Intern (“is-Servizz”), li ġie stabbilit fil-11 ta' April 2000. L-attivitajiet tal-awditjar intern jitwettqu wkoll mis-Servizz fl-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni u f'korpi awtonomi oħrajn li jirċievu kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni.

    (2)

    Is-Servizz iwettaq attivitajiet tal-awditjar intern skont l-Artikoli 117 sa 123 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u l-karta tal-missjoni tiegħu (2). F'dan ir-rigward, is-Servizz għandu indipendenza totali u aċċess sħiħ u illimitat għall-informazzjoni kollha mitluba fit-twettiq tal-attivitajiet tal-awditjar intern tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata.

    (3)

    Is-Servizz jagħti pariri lil dipartimenti oħra tal-Kummissjoni, aġenziji eżekuttivi, kif ukoll aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni u korpi awtonomi oħrajn li jirċievu kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni dwar kif jindirizzaw riskji, jiġifieri kull avveniment jew kwistjoni li jistgħu jseħħu u jkollhom impatt negattiv fuq l-ilħiq tal-objettiv politiku, strateġiku u operazzjonali tal-Kummissjoni, billi jagħti opinjonijiet indipendenti dwar il-kwalità tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll u billi jagħti rakkomandazzjonijiet biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet u biex tiġi promosa ġestjoni finanzjarja tajba, skont l-Artikoli 117 sa 123 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Għaldaqstant, l-attivitajiet tal-awditjar intern tas-Servizz mhumiex tipikament immirati għall-persuni fiżiċi bħala tali. Madankollu, matul il-kors tal-attivitajiet tiegħu, id-data personali fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) hija inevitabbilment ipproċessata. L-attivitajiet tal-awditjar intern imwettqa mis-Servizz jinvolvu l-valutazzjoni tal-idoneità u l-effettività tas-sistemi tal-ġestjoni interna u l-prestazzjoni tad-dipartimenti fl-implimentazzjoni tal-politiki, il-programmi u l-azzjonijiet, l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi tal-kontroll intern u tal-awditjar li huma applikabbli għal kull operazzjoni ta' implimentazzjoni tal-baġit. Għaldaqstant, jikkontribwixxu għas-salvagwardja ta' interessi ekonomiċi u finanzjarji importanti tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Is-Servizz huwa kontrollur għall-operazzjonijiet ta' proċessar li jwettaq skont l-Artikoli 118 u 119(2) tar-Regolament Finanzjarju.

    (4)

    L-attivitajiet tal-awditjar intern imwettqa fil-Kummissjoni u fl-aġenziji eżekuttivi tagħha, u fl-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni u f'korpi awtonomi oħrajn ivarjaw fil-forma u fil-kontenut, u jvarjaw minn aċċertament (inklużi valutazzjonijiet tar-riskju) u impenji ta' konsulenza, għal rieżamijiet b'ambitu limitat u impenji ta' segwitu.

    (5)

    Il-Kumitat dwar il-Progress tal-Awditjar (APC, Audit Progress Committee), skont il-Karta tal-Missjoni tiegħu, aġġornata fil-21 ta' Novembru 2018 (C(2018)7707), huwa korp konsultattiv (4) li jassisti lill-Kummissjoni fil-qadi ta' dmirijietha skont it-Trattati u strumenti statutorji oħrajn [ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046] billi jiżgura l-indipendenza tas-Servizz tal-Awditjar Intern, billi jagħmel monitoraġġ tal-kwalità tal-ħidma tal-awditjar intern, u billi jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar intern u estern jitqiesu kif xieraq mis-servizzi tal-Kummissjoni u li jkun hemm segwitu xieraq għalihom. B'dan il-mod, l-APC jikkontribwixxi għat-titjib ulterjuri ġenerali tal-effettività u l-effiċjenza tal-Kummissjoni biex tilħaq l-għanijiet tagħha u jiffaċilita s-sorveljanza tal-Kulleġġ tal-governanza, tal-ġestjoni tar-riskju, u tal-prattiki tal-kontroll intern tal-Kummissjoni. L-APC huwa kontrollur għall-operazzjoni(jiet) ta' proċessar li jwettaq skont l-Artikolu 123 tar-Regolament Finanzjarju.

    (6)

    Għall-fini tal-attivitajiet tagħha skont l-Artikoli 118 u 119(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, kemm jekk taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess kif ukoll jekk taġixxi fuq il-bażi ta' input riċevut, il-Kummissjoni tipproċessa data personali miksuba jew riċevuta minn persuni ġuridiċi, persuni fiżiċi, Stati Membri u korpi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Matul dawn l-attivitajiet tal-awditjar intern, is-Servizz jista' jipproċessa wkoll data personali miksuba jew riċevuta minn sorsi disponibbli pubblikament, minn sorsi anonimi jew identifikati li jirrikjedu li l-identità tagħhom tiġi protetta.

    (7)

    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tista' tiskambja data personali mal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u, fil-qafas tal-ftehimiet internazzjonali jew ta' kooperazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni, mal-pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

    (8)

    L-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2018/1725, imwettqa waqt attività ta' awditjar intern, jistgħu jsiru anke qabel ma l-Kummissjoni tnedihom formalment, jistgħu jitkomplew matul it-twettiq tal-attività tal-awditjar u jistgħu jitkomplew anke wara l-għeluq formali tal-attività tal-awditjar (pereżempju, għal raġunijiet ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, u ta' valutazzjoni tal-ħtieġa li jitnedew attivitajiet ġodda ta' awditjar intern).

    (9)

    Il-kategoriji tad-data personali pproċessata mill-Kummissjoni jinkludu data ta' identifikazzjoni, data ta' kuntatt, data professjonali, u data relatata jew ippreżentata b'rabta mas-suġġett tal-attività. Dawn il-kategoriji tad-data personali huma maħżuna f'ambjent elettroniku sigur biex jiġi evitat l-aċċess illegali jew it-trasferiment tad-data lil persuni li ma jeħtiġux li jkunu jafu. Id-data personali tinżamm għal perjodu massimu ta' għaxar snin. Fi tmiem il-perjodu taż-żamma, l-informazzjoni relatata mal-attività tal-awditjar intern, inkluża d-data personali, tiġi trasferita fl-arkivji storiċi tal-Kummissjoni (5) jew tinqered.

    (10)

    Waqt li twettaq l-attivitajiet tal-awditjar intern, il-Kummissjoni hija marbuta li tirrispetta d-drittijiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali rikonoxxuti mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) tat-Trattat, kif ukoll id-drittijiet previsti fir-Regolament (UE) 2018/1725. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni hija mitluba li tikkonforma mar-regoli stretti ta' kunfidenzjalità msemmija fl-istandards tal-awditjar intern internazzjonali, skont l-Artikolu 117 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    (11)

    F'ċerti ċirkustanzi, huwa neċessarju li jiġu rrikonċiljati d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 mal-ħtiġijiet tal-attivitajiet tal-awditjar intern, u l-kunfidenzjalità tal-iskambji tal-informazzjoni mal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kif ukoll b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn. F'dan is-sens, l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jagħti l-possibbiltà li s-Servizz jirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35, kif ukoll il-prinċipju ta' trasparenza stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a), sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 ta' dak ir-Regolament.

    (12)

    Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-attivitajiet tal-awditjar intern, filwaqt li jiġu rispettati l-istandards tal-protezzjoni tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, li ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), huwa neċessarju li jiġu adottati r-regoli interni li permezz tagħhom il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    (13)

    Jenħtieġ li r-regoli interni jkopru l-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar imwettqa mil-Kummissjoni fit-twettiq tal-attivitajiet tal-awditjar intern, kemm jekk taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess kif ukoll jekk fuq il-bażi tal-input riċevut, kull meta l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data jista' jipperikola t-twettiq tal-attivitajiet tal-awditjar intern. Jenħtieġ li dawn ir-regoli japplikaw għall-operazzjonijiet tal-ipproċessar imwettqa qabel it-tnedija formali ta' impenn, matul l-impenn kif ukoll matul il-monitoraġġ tas-segwitu tal-eżitu tiegħu.

    (14)

    Sabiex tikkonforma mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-individwi kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u bid-drittijiet tagħhom b'mod trasparenti u koerenti permezz ta' avviż ta' protezzjoni tad-data ppubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Fejn rilevanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta salvagwardji addizzjonali biex tiżgura li s-suġġetti tad-data jkunu infurmati individwalment f'format xieraq.

    (15)

    Abbażi tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni hija kapaċi wkoll tirrestrinġi l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-eżerċitar ta' drittijiet oħrajn tas-suġġetti tad-data sabiex tipproteġi l-attivitajiet tal-awditjar intern tagħha stess, l-awditi tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, l-għodod u l-metodi tal-awditjar, kif ukoll id-drittijiet ta' persuni oħrajn relatati mal-attivitajiet tal-awditjar intern tagħha.

    (16)

    Barra minn hekk, sabiex iżżomm il-kooperazzjoni effettiva, jista' jkun neċessarju li l-Kummissjoni tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data sabiex tipproteġi l-operazzjonijiet ta' pproċessar tas-servizzi tal-Kummissjoni jew istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħrajn tal-Unjoni jew ta' awtoritajiet tal-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll tal-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lil dawk is-servizzi, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji, aġenziji, awtoritajiet u organizzazzjonijiet, kif ukoll lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar fuq ir-raġunijiet rilevanti li timponi restrizzjonijiet u l-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet.

    (17)

    Il-Kummissjoni jista' jkollha wkoll tirrestrinġi l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni ta' drittijiet oħrajn tas-suġġetti tad-data fir-rigward ta' data personali riċevuta minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex tikkoopera ma' dawk il-pajjiżi jew organizzazzjonijiet u għaldaqstant tissalvagwardja objettiv importanti ta' interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni. Madankollu, f'ċerti ċirkustanzi l-interess jew id-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu jegħlbu l-interess tal-kooperazzjoni internazzjonali.

    (18)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza r-restrizzjonijiet kollha b'mod trasparenti u tirreġistra kull applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fis-sistema ta' reġistrazzjoni korrispondenti.

    (19)

    Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-kontrolluri jistgħu jiddiferixxu, iħallu barra jew jiċħdu l-għoti ta' informazzjoni fuq ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta' restrizzjoni għas-suġġett tad-data jekk l-għoti ta' dik l-informazzjoni fi kwalunkwe każ jikkomprometti l-fini tar-restrizzjoni. Dan, b'mod partikolari, huwa l-każ tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet previsti fl-Artikoli 16 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    (20)

    Meta jiġu ristretti drittijiet oħrajn tas-suġġetti tad-data, jenħtieġ li l-kontrollur tas-Servizz tal-Awditjar Intern jivvaluta fuq bażi ta' każ b'każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkompromettix il-fini tagħha.

    (21)

    Jenħtieġ li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea jwettaq rieżami indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' din id-Deċiżjoni.

    (22)

    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 45/2001, mingħajr ebda perjodu tranżitorju, mid-data li fiha jidħol fis-seħħ. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 ippreveda l-possibbiltà li jiġu applikati restrizzjonijiet għal ċerti drittijiet. Sabiex tevita li tipperikola l-legalità tal-attivitajiet tal-awditjar intern, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    (23)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fis-27 ta' Novembru 2018.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli li jridu jiġu segwiti mill-Kummissjoni biex is-suġġetti tad-data jkunu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data tagħhom f'konformità mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta twettaq l-attivitajiet tal-awditjar intern tagħha skont l-Artikoli 117 sa 123 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    Tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li bihom il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, f'konformità mal-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) ta' dak ir-Regolament.

    2.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-Kummissjoni għall-fini ta' jew relatata mal-attivitajiet imwettqa biex isiru l-kompiti tagħha skont l-Artikoli 118 u 119(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    3.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta' data personali fil-Kummissjoni, sa fejn il-Kummissjoni tipproċessa data personali li tkun tinsab fl-informazzjoni li hija mitluba tipproċessa għall-fini ta', jew rigward, l-attivitajiet imsemmija f'dan l-Artikolu.

    Artikolu 2

    Eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet applikabbli

    1.   Meta l-Kummissjoni teżerċita d-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tqis jekk tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati f'dak ir-Regolament.

    2.   Soġġetta għall-Artikoli 3 sa 7 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll il-prinċipju ta' trasparenza stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) ta' dak ir-Regolament, sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jikkorrispondu mad-dritt u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 ta' dak ir-Regolament, meta l-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jipperikola l-fini tal-attivitajiet tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 118 u 119(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, inkluż bl-iżvelar tal-għodod u l-metodi tal-awditjar tagħha, jew ikun jaffettwa b'mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn.

    3.   Soġġetta għall-Artikoli 3 sa 7, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi d-drittijiet u l-obbligi msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fir-rigward tad-data personali miksuba minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħrajn tal-Unjoni, awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

    (a)

    meta l-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jiġi ristrett minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħrajn tal-Unjoni, fuq il-bażi ta' atti oħrajn previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew skont il-Kapitolu IX ta' dak ir-Regolament, jew skont ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jew ir-Regolament tal-Kunsill (EU) 2017/1939 (8);

    (b)

    meta l-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jiġi ristrett mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), jew skont miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

    (c)

    meta l-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jipperikola l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fit-twettiq tal-attivitajiet tal-awditjar intern.

    Qabel ma' tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-istituzzjonijiet il-korpi, l-aġenziji, l-uffiċċji rilevanti tal-Unjoni jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx ċar għall-Kummissjoni li l-applikazzjoni ta' restrizzjoni hija prevista minn xi wieħed mill-atti msemmija f'dawk il-punti jew jekk din il-konsultazzjoni tipperikola l-fini tal-attivitajiet tagħha skont l-Artikoli 118 u 119(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta l-interess tal-Kummissjoni li tikkoopera ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali jkun megħlub mill-interessi jew id-drittijiet fundamentali u libertà tas-suġġetti tad-data.

    4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' deċiżjonijiet oħrajn tal-Kummissjoni li jistabbilixxu regoli interni li jikkonċernaw l-għoti ta' informazzjoni għas-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' ċerti drittijiet skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-Artikolu 23 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    Għoti ta' informazzjoni għas-suġġetti tad-data

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha avviżi ta' protezzjoni tad-data li jinfurmaw lis-suġġetti tad-data kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom għall-finijiet tal-attivitajiet tagħha skont l-Artikoli 118 u 119(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Fejn rilevanti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-suġġetti tad-data jkunu infurmati individwalment f'format xieraq.

    Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi, totalment jew parzjalment, l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data, li d-data tagħhom tiġi proċessata għall-finijiet tal-attivitajiet tagħha skont l-Artikoli 118 u 119(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, hija għandha tirrekordja u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni skont l-Artikolu 6.

    Artikolu 4

    Dritt ta' aċċess mis-suġġetti tad-data, dritt ta' tħassir u dritt ta' restrizzjoni tal-ipproċessar

    1.   Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi, totalment jew parzjalment, id-dritt ta' aċċess għad-data personali mis-suġġetti tad-data, id-dritt ta' tħassir, jew id-dritt ta' restrizzjoni tal-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikoli 17, 19 u 20 rispettivament tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għat-talba għal aċċess, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet prinċipali talli sar hekk, u bil-possibbiltà li jsir ilment mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jintalab rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    2.   L-għoti ta' informazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet għar-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi diferit, jitħalla barra jew miċħud sakemm jibqa' jimmina l-fini tar-restrizzjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni skont l-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni.

    4.   Meta d-dritt ta' aċċess ikun totalment jew parzjalment ristrett, is-suġġett tad-data għandu jeżerċita d-dritt ta' aċċess tiegħu permezz tal-intermedjarju tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, skont il-paragrafi 25(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    Artikolu 5

    Komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali tas-suġġetti tad-data

    Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi l-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali għas-suġġett tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tirrekordja u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni skont l-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 6

    Irrekordjar u reġistrazzjoni ta' restrizzjonijiet

    Il-Kummissjoni għandha tirrekordja r-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, inkluża valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, filwaqt li tqis l-elementi rilevanti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    Għal dak il-għan, ir-reġistru għandu jiddikjara kif l-eżerċitar tad-dritt jipperikola l-fini tal-attivitajiet tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 118 u 119(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, jew ta' restrizzjonijiet skont l-Artikolu 2(2) jew (3), jew jaffettwa b'mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn.

    Ir-reġistru u, fejn applikabbli, id-dokumenti li fihom l-elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom isiru disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data meta jintalbu.

    Artikolu 7

    Tul ta' żmien tar-restrizzjonijiet

    1.   Ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 ta' din id-Deċiżjoni għandhom ikomplu japplikaw sakemm jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.

    2.   Meta r-raġunijiet għal restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 3 jew 5 ta' din id-Deċiżjoni ma jkunux għadhom japplikaw, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjonijiet u tagħti r-raġunijiet prinċipali għar-restrizzjoni lis-suġġett tad-data. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin, jew li jitlob rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 5 ta' din id-Deċiżjoni kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħha u qabel u wara l-għeluq tal-attività tal-awditjar intern rilevanti. Minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ tal-ħtieġa li jinżamm/tinżamm xi restrizzjoni/differiment fuq bażi annwali.

    Artikolu 8

    Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea

    L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat, mingħajr dewmien żejjed, kull meta d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu ristretti skont din id-Deċiżjoni. Fuq talba, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jingħata aċċess għar-reġistru u għal kwalunkwe dokument li fih elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti.

    L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista' jitlob rieżami tar-restrizzjonijiet. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandha tapplika mill-11 ta' Diċembru 2018.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (2)  C(2017) 4435 final.

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p.39).

    (4)  Stabbilit f'Ottubru 2000, SEC(2000)1808/3.

    (5)  Iż-żamma tal-fajls fil-Kummissjoni hija rregolata mil-Lista komuni ta' ritenzjoni, dokument regolatorju (l-aħħar verżjoni hija SEC(2012)713) fil-forma ta' skeda ta' ritenzjoni li tistabbilixxi l-perjodi taż-żamma għat-tipi differenti ta' fajls tal-Kummissjoni.

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

    (8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”, ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament (KE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (10)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


    Top