Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1674

    Regolament (UE) 2018/1674 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-Repubblika tal-Moldova għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fir-Repubblika tal-Moldova

    PE/32/2018/REV/1

    ĠU L 284, 12.11.2018, p. 31–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1674/oj

    12.11.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 284/31


    REGOLAMENT (UE) 2018/1674 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-23 ta’ Ottubru 2018

    li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-Repubblika tal-Moldova għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fir-Repubblika tal-Moldova

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE (3) tipprevedi li, taħt ċerti kondizzjonijiet, l-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu għal ċerti wċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa fil-pajjiżi terzi elenkati jridu jitqiesu ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu skont il-liġi tal-Unjoni u li, skont ċerti kondizzjonijiet, iż-żerriegħa ta’ ċerti speċijiet ta’ pjanti tal-għalf, ċereali, pitravi, u pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti f’dawk il-pajjiżi jridu jitqiesu ekwivalenti għaż-żerriegħa prodotta skont il-liġi tal-Unjoni.

    (2)

    Ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil (“il-Brażil”) ressqet talba lill-Kummissjoni biex tagħti ekwivalenza lis-sistema tagħha ta’ spezzjonijiet fuq il-post ta’ wċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u wċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, kif ukoll liż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u liż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti u ċċertifikati fil-Brażil.

    (3)

    Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Brażil, u, abbażi ta’ verifika mwettqa fl-2016 dwar is-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ ċertifikazzjoni ta’ pjanti tal-għalf u żerriegħa taċ-ċereali fil-Brażil, u l-ekwivalenza tagħha mar-rekwiżiti tal-Unjoni, ippubblikat il-konklużjonijiet tagħha f’rapport bit-titlu “Rapport finali ta’ verifika mwettqa fil-Brażil mill-11 sad-19 ta’ April 2016 sabiex tivvaluta s-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ ċertifikazzjoni taż-żerriegħa, u l-ekwivalenza tas-sistema mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea”.

    (4)

    Wara l-verifika, ġie konkluż li l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa, it-teħid tal-kampjuni, l-ittestjar u l-post-kontrolli uffiċjali taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u taċ-ċereali jitwettqu kif suppost, u jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE u r-rekwiżiti rispettivi stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE (4) u 66/402/KEE (5). Barra minn hekk, ġie konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni taċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa fil-Brażil huma kompetenti u joperaw b’mod xieraq.

    (5)

    Ir-Repubblika tal-Moldova ressqet talba lill-Kummissjoni biex tagħti ekwivalenza lis-sistema tagħha ta’ spezzjonijiet fuq il-post ta’ wċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u wċuħ tar-raba’ li jipproduċu pjanti taż-żejt u tal-fibra, kif ukoll għaż-żerriegħa taċ-ċereali, iż-żerriegħa tal-ħxejjex u ż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti u ċċertifikati fir-Repubblika tal-Moldova.

    (6)

    Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tar-Repubblika tal-Moldova, u, abbażi ta’ verifika li twettqet fl-2016 dwar is-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ ċertifikazzjoni taż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-ħxejjex u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra fir-Repubblika tal-Moldova, u l-ekwivalenza tagħha mar-rekwiżiti tal-Unjoni, ippubblikat il-konklużjonijiet tagħha f’rapport bit-titlu “Rapport finali ta’ verifika mwettqa fir-Repubblika tal-Moldova mill-14 sal-21 ta’ Ġunju 2016 sabiex tivvaluta s-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ ċertifikazzjoni taż-żerriegħa, u l-ekwivalenza tagħhom mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea”.

    (7)

    Wara l-verifika, ġie konkluż li l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa, it-teħid tal-kampjuni, l-ittestjar u l-post-kontrolli uffiċjali taż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-ħxejjex, u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra jitwettqu b’mod xieraq, u jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE u r-rekwiżiti rispettivi stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 66/402/KEE, 2002/55/KE (6) u 2002/57/KE (7). Barra minn hekk, ġie konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni taċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa fir-Repubblika tal-Moldova huma kompetenti u joperaw b’mod xieraq.

    (8)

    Għaldaqstant, huwa xieraq li tingħata ekwivalenza fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu fir-rigward tal-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali fil-Brażil, u fir-rigward taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil u ċċertifikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tiegħu.

    (9)

    Huwa xieraq ukoll li tingħata ekwivalenza fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu fir-rigward tal-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u wċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra fir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll fir-rigward taż-żerriegħa taċ-ċereali, żerriegħa tal-ħxejjex u żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fir-Repubblika tal-Moldova u ċċertifikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tagħha.

    (10)

    Fl-Unjoni hemm domanda għall-importazzjoni taż-żerriegħa tal-ħxejjex minn pajjiżi terzi, inkluż mir-Repubblika tal-Moldova. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/17/KE tkopri ż-żerriegħa tal-ħxejjex iċċertifikata uffiċjalment kif imsemmi fid-Direttiva 2002/55/KE sabiex tiġi indirizzata d-domanda għal tali żerriegħa li toriġina mir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll minn pajjiżi terzi oħra fil-futur.

    (11)

    Filwaqt li jitqiesu r-regoli applikabbli tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Ittestjar taż-Żrieragħ (ISTA), huwa xieraq li l-pajjiż terz ikkonċernat jipprovdi dikjarazzjoni uffiċjali li ż-żerriegħa ttieħed kampjun tagħha u ġiet ittestjata skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli Internazzjonali għall-Ittestjar taż-Żrieragħ tal-ISTA (“ir-Regoli tal-ISTA”) fir-rigward taċ-Ċertifikati Internazzjonali Oranġjo tal-Lott ta’ Żrieragħ, u li l-lottijiet ta’ żrieragħ jkunu akkumpanjati minn ċertifikat bħal dan.

    (12)

    Fid-dawl tal-iskadenza tal-“Esperiment derogatorju dwar it-teħid ta’ kampjuni taż-żerriegħa u l-analiżi taż-żerriegħa” li jinsab fl-Anness V(A) għad-Deċiżjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) fit-28 ta’ Settembru 2000 dwar l-Iskemi tal-OECD għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Varjetà taż-Żerriegħa li timxi fil-Kummerċ Internazzjonali, jenħtieġ li kwalunkwe referenza għal dak l-esperiment titħassar.

    (13)

    Jenħtieġ li kwalunkwe referenza għall-Kroazja bħala pajjiż terz titħassar, minħabba l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni fl-2013.

    (14)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/17/KE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Deċiżjoni 2003/17/KE

    Id-Deċiżjoni 2003/17/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “L-ispezzjonijiet fuq il-post li jirrigwardaw l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa tal-ispeċijiet speċifikati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni mwettqa fil-pajjiżi terzi elenkati f’dak l-Anness għandhom jitqiesu ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa skont id-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE (*1) sakemm dawn:

    (*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33).”;"

    (2)

    l-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Iż-żerriegħa tal-ispeċijiet speċifikati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni, prodotta fil-pajjiżi terzi elenkati f’dak l-Anness u ċċertifikata uffiċjalment mill-awtoritajiet elenkati f’dak l-Anness, għandha titqies ekwivalenti għaż-żerriegħa li tikkonforma mad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt B tal-Anness II għal din id-Deċiżjoni.”;

    (3)

    l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Meta żerriegħa ekwivalenti tiġi ‘mogħtija t-tikketta mill-ġdid u marbuta mill-ġdid’ fil-Komunità, fit-tifsira tal-Iskemi tal-OECD għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Varjetà taż-Żerriegħa li timxi fil-Kummerċ Internazzjonali, għandhom japplikaw b’analoġija d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE fir-rigward tal-għeluq mill-ġdid tal-pakketti prodotti fil-Komunità.

    L-ewwel subparagrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-OECD applikabbli għal tali operazzjonijiet.”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    għall-pakketti żgħar tal-KE fit-tifsira tad-Direttivi 66/401/KEE, 2002/54/KE jew 2002/55/KE.”;

    (4)

    l-Annessi għad-Deċiżjoni 2003/17/KE huma emendati skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2018.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K. EDTSTADLER


    (1)  ĠU C 227, 28.6.2018, p. 76.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2018 (għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2018.

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-pajjiżi terzi fuq l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa u dwar l-ekwivalenza taż-żerriegħa prodotta fil-pajjiżi terzi (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 10).

    (4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (ĠU 125, 11,7,1966, p. 2298/66).

    (5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309/66).

    (6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33).

    (7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).


    ANNESS

    L-Annessi I u II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE huma emendati kif ġej:

    (1)

    l-Anness I huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fit-tabella, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin f’ordni alfabetiku:

    “BR

    Ministry of Agriculture, Livestock and Food Supply

    Esplanada dos Ministérios, bloco D

    70.043-900 Brasilia-DF

    66/401/KEE

    66/402/KEE”

    “MD

    National Agency for Food Safety (ANSA)

    str. Mihail Kogălniceanu 63,

    MD-2009, Chisinau

    66/402/KEE

    2002/55/KE

    2002/57/KE”

    (b)

    fin-nota f’qiegħ il-paġna tat-tabella msemmija fil-punt (a), jiddaħħlu t-termini li ġejjin f’ordni alfabetiku: “BR — il-Brażil”, “MD — ir-Repubblika tal-Moldova,”;

    (c)

    fin-nota f’qiegħ il-paġna ta’ dik it-tabella, it-terminu “HR — il-Kroazja,” huwa mħassar;

    (2)

    l-Anness II huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-punt A, paragrafu 1, jiżdied l-inċiż li ġej:

    “—

    iż-żerriegħa tal-ħxejjex, fil-każ tal-ispeċijiet imsemmija fid-Direttiva 2002/55/KE.”;

    (b)

    il-punt B huwa emendat kif ġej:

    (i)

    fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, jiżdied l-inċiż li ġej:

    “—

    iż-żerriegħa tal-ħxejjex, fil-każ tal-ispeċijiet imsemmija fid-Direttiva 2002/55/KE.”;

    (ii)

    fil-paragrafu 2.1, jiddaħħal l-inċiż li ġej wara t-tielet inċiż:

    “—

    id-Direttiva 2002/55/KE, Anness II,”;

    (iii)

    il-paragrafu 2.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.2.

    Għall-fini tal-eżami biex jiġi ċċekkjat jekk ġewx sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.1, għandhom jittieħdu kampjuni b’mod uffiċjali jew taħt superviżjoni uffiċjali skont ir-Regoli tal-ISTA, u l-piżijiet tagħhom għandhom jikkonformaw mal-piż stipulat skont dawn il-metodi, filwaqt li jitqiesu l-piżijiet speċifikati fid-Direttivi li ġejjin:

    id-Direttiva 66/401/KEE, Anness III, kolonni 3 u 4,

    id-Direttiva 66/402/KEE, Anness III, kolonni 3 u 4,

    id-Direttiva 2002/54/KE, Anness II, it-tieni linja,

    id-Direttiva 2002/55/KE, Anness III,

    id-Direttiva 2002/57/KE, Anness III, kolonni 3 u 4,”;

    (iv)

    il-paragrafu 2.3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.3.

    L-eżami għandu jitwettaq b’mod uffiċjali jew taħt superviżjoni uffiċjali skont ir-Regoli tal-ISTA.”;

    (v)

    il-paragrafu 2.4 huwa mħassar;

    (vi)

    fl-paragrafu 3.1, it-tieni inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “—

    dikjarazzjoni li ttieħdu kampjuni miż-żerriegħa u ġew ittestjati skont metodi internazzjonali attwali: ‘Ittieħed kampjun u ġie analizzat f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli Internazzjonali għall-Ittestjar taż-Żrieragħ tal-ISTA fir-rigward taċ-Ċertifikati Internazzjonali Oranġjo tal-Lott ta’ Żrieragħ minn …, (isem jew kodiċi tal-membru tal-istazzjon tat-testijiet taż-żrieragħ tal-ISTA)’,”;

    (vii)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.

    Il-lottijiet ta’ żrieragħ għandhom ikunu akkumpanjati minn Ċertifikat Internazzjonali Oranġjo tal-ISTA tal-Lott ta’ Żrieragħ li jagħti t-tagħrif marbut mal-kondizzjonijiet fil-paragrafu 2.”.


    Top