EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1609

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1609 tat-28 ta' Settembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar Kwistjonijiet Doganali li jaffettwaw it-Trasport u fil-Kumitat tat-Trasport Intern tal-UNECE dwar l-adozzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-faċilitazzjoni tal-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri għall-passiġġieri, għall-bagalji u għall-bagalji mhux akkumpanjati li jinġarru fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija

ST/12051/2018/INIT

ĠU L 268, 26.10.2018, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1609/oj

26.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/44


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1609

tat-28 ta' Settembru 2018

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar Kwistjonijiet Doganali li jaffettwaw it-Trasport u fil-Kumitat tat-Trasport Intern tal-UNECE dwar l-adozzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-faċilitazzjoni tal-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri għall-passiġġieri, għall-bagalji u għall-bagalji mhux akkumpanjati li jinġarru fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(b), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Federazzjoni Russa pproponiet Konvenzjoni ġdida tal-UNECE dwar il-faċilitazzjoni tal-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri għall-passiġġieri, għall-bagalji u għall-bagalji mhux akkumpanjati li jinġarru fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija (“l-abbozz tal-Konvenzjoni”). L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni bejn il-Ferroviji (OSJD) appoġġat l-abbozz tal-Konvenzjoni.

(2)

Il-Grupp ta' Ħidma dwar Kwistjonijiet Doganali li jaffettwaw it-Trasport (GĦ.30) jaġixxi fil-qafas tal-politiki tal-UNECE u huwa soġġett għas-superviżjoni ġenerali tal-Kumitat tat-Trasport Intern (KTI). Ir-rwol tal-GĦ.30 huwa li jniedi u jwettaq azzjonijiet immirati lejn l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regolamenti, tar-regoli u tad-dokumentazzjoni tal-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri għall-modi differenti ta' trasport intern.

(3)

Il-GĦ.30 ser jieħu deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-abbozz tal-Konvenzjoni u dwar it-trasmissjoni tagħha lill-KTI għall-approvazzjoni formali.

(4)

L-Unjoni hija rrappreżentata fil-GĦ.30 u fil-KTI mill-Istati Membri tal-Unjoni. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma membri tal-GĦ.30 u tal-KTI bid-dritt tal-vot.

(5)

L-abbozz tal-Konvenzjoni fiha dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-organizzazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri tal-ferroviji tal-passiġġieri. Tista' titqies bħala l-bażi għal kwalunkwe ftehim multilaterali u bilaterali u li fin-nuqqas tagħhom l-ebda wieħed mill-elementi koperti mill-abbozz tal-Konvenzjoni ma jkun jista' jaħdem.

(6)

Fl-Istati Membri tal-Unjoni, tali ftehimiet multilaterali u bilaterali bħal dawn jistgħu jiġu konklużi saħansitra mingħajr l-abbozz tal-Konvenzjoni. Għall-Federazzjoni Russa u xi pajjiżi oħra rrappreżentati fl-OSJD, il-qafas legali jidher li għandu bżonn konvenzjoni bħal din sabiex tiffaċilita l-konklużjoni ta' ftehimiet multilaterali u bilaterali.

(7)

Is-sustanza tal-abbozz tal-Konvenzjoni jidher li ma għandha la effetti benefiċjarji u lanqas effetti negattivi għall-Istati Membri tal-Unjoni. Għalhekk, hu opportun li l-Unjoni ma tappoġġax l-abbozz tal-Konvenzjoni iżda ma għandha l-ebda raġuni biex timblokka l-adozzjoni tagħha.

(8)

Minkejja li ma jidhirx li huwa fl-interess tal-Unjoni li taderixxi għall-abbozz tal-Konvenzjoni, f'konformità mal-politika ġenerali tagħha dwar l-aspetti istituzzjonali, kwalunkwe konvenzjoni internazzjonali ġdida jenħtieġ li jkollha klawsola li tippermetti l-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika. L-abbozz tal-Konvenzjoni ma jinkludix klawsola li tippermetti lill-Unjoni li taderixxi għall-Konvenzjoni.

(9)

Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-GĦ.30 u fil-KTI jenħtieġ li tkun newtrali jekk tiddaħħal klawsola li tippermetti l-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika. F'dak il-każ, l-Istati Membri tal-Unjoni jenħtieġ li jastjenu. Inkella jenħtieġ li l-Istati Membri tal-Unjoni jivvotaw kontra l-adozzjoni tal-abbozz tal-Konvenzjoni.

(10)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Billi din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, skont l-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni, jekk tkunx ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(11)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jipparteċipax, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (1); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(12)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (2); Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(13)

Fir-rigward tal-Bulgarija, tal-Kroazja, ta' Ċipru u tar-Rumanija, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jikkostitwixxu dispożizzjonijiet li jibnu fuq, jew inkella huma relatati mal-acquis ta' Schengen, fi ħdan, rispettivament, it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2012.

(14)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-GĦ.30 u fil-KTI minħabba li l-abbozz tal-Konvenzjoni jikkonċerna elementi dwar formalitajiet tal-viżi li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Grupp ta' Ħidma tal-UNECE dwar Kwistjonijiet Doganali li jaffettwaw it-Trasport u fil-Kumitat tat-Trasport Intern tal-UNECE dwar l-abbozz tal-Konvenzjoni tal-UNECE dwar il-faċilitazzjoni tal-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri għall-passiġġieri, għall-bagalji u għall-bagalji mhux akkumpanjati li jinġarru fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija għandha tkun din li ġejja:

L-Istati Membri tal-Unjoni għandhom jastjenu jekk tiddaħħal klawsola li tippermetti l-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika fl-abbozz tal-Konvenzjoni. Jekk dik il-klawsola ma tiġix introdotta, l-Istati Membri tal-Unjoni għandhom jivvotaw kontra.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

M. SCHRAMBÖCK


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).


Top